Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 44

L-Imħabba Leali taʼ Ġeħova Xi Tfisser Għalik?

L-Imħabba Leali taʼ Ġeħova Xi Tfisser Għalik?

“Irringrazzjaw lil Ġeħova . . . Għax [l-​imħabba leali] tiegħu hi għal dejjem.”—SALM 136:1.

GĦANJA 108 L-​imħabba leali t’Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġeħova x’jinkuraġġina nagħmlu?

 L-​IMĦABBA leali hija importanti ħafna għal Ġeħova. (Ħos. 6:6) Hu jridna nqisuha importanti wkoll. Fil-​Kelma tiegħu, Alla jinkuraġġina biex napprezzaw l-​imħabba leali tiegħu. (Prov. 3:3) Imma qabel nagħmlu dan, irridu nkunu nafu xi tfisser imħabba leali.

2. Xi tfisser imħabba leali?

2 L-​espressjoni “mħabba leali” tidher madwar 230 darba fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida riveduta bl-​Ingliż. Fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa bil-​Malti nsibu l-​espressjoni “qalb tajba bl-​imħabba.” Għalhekk, meta l-​iskritturi f’dan l-​artiklu u li jmiss jużaw “qalb tajba bl-​imħabba,” din tkun tfisser imħabba leali. Imma xi tfisser imħabba leali? Meta xi ħadd ikollu mħabba leali, tant ikun iħobb lill-​persuna l-​oħra li, jiġri x’jiġri, jibqaʼ jħobbha u jibqaʼ leali lejha. Spiss tintuża biex tirreferi għall-​imħabba li Alla għandu għan-​nies. Imma tirreferi wkoll għall-​imħabba li juru bejniethom in-​nies. Ġeħova huwa l-​aqwa eżempju taʼ xi ħadd li juri din it-​tip taʼ mħabba. F’dan l-​artiklu se naraw kif Ġeħova juri mħabba leali. Fl-​artiklu taʼ wara dan se naraw kif aħna, bħala qaddejja t’Alla, nistgħu nimitaw lilu u nuru mħabba leali bejnietna.

ĠEĦOVA HUWA L-​AQWA EŻEMPJU TAʼ XI ĦADD LI JURI MĦABBA LEALI

3. Ġeħova x’qallu lil Mosè?

3 Wara ftit li l-​Iżraelin telqu mill-​Eġittu, Ġeħova qal lil Mosè xi ħaġa dwar ismu u dwar il-​kwalitajiet Tiegħu. Ġeħova qallu dan il-​kliem: “Ġeħova, Ġeħova, Alla ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità, jerfaʼ l-​qalb tajba bl-​imħabba għal eluf, jaħfer l-​iżball u l-​ksur tal-​liġi u d-​dnub.” (Eżo. 34:6, 7) B’dan il-​kliem sabiħ, Ġeħova qal xi ħaġa speċjali lil Mosè dwar l-​imħabba leali Tiegħu. X’inhi?

4-5. (a) Ġeħova kif jiddeskrivi lilu nnifsu? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

4 Ġeħova mhux biss għandu mħabba leali, imma hu “għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba,” jiġifieri, juriha b’ħafna modi. Fil-​fatt, din l-​espressjoni tidher sitt darbiet fil-​Bibbja. (Num. 14:18; Neħ. 9:17; Salm 86:15; 103:8; Ġoel 2:13; Ġona 4:2) U dawn kollha jirreferu għal Ġeħova, u mhux għall-​bnedmin. Mhux impressjonanti li Ġeħova jiddeskrivi lilu nnifsu b’dan il-​mod fil-​Bibbja? Dan jurina li l-​imħabba leali hi importanti għalih. * Mhux taʼ b’xejn li s-​Sultan David qal: “O Ġeħova, il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek hi fis-​smewwiet . . . Kemm hi prezzjuża l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek, O Alla! U fid-​dell taʼ ġwinħajk jistkennu wlied il-​bnedmin.” (Salm 36:5, 7) L-​imħabba leali taʼ Ġeħova hija prezzjuża għalina bħalma kienet għal David?

5 Biex nifhmu aħjar xi tfisser imħabba leali, se nikkunsidraw żewġ mistoqsijiet: Ġeħova maʼ min juri mħabba leali? U aħna kif nibbenefikaw meta Ġeħova juri din l-​imħabba magħna?

ĠEĦOVA MAʼ MIN JURI MĦABBA LEALI?

6. Ġeħova maʼ min juri mħabba leali?

6 Ġeħova maʼ min juri mħabba leali? Il-​Bibbja tgħid li nistgħu nħobbu jew napprezzaw ħafna affarijiet, bħal pereżempju, “il-​ġustizzja,” “l-​għarfien,” u “l-​inbid u ż-​żejt.” (Salm 37:28; Prov. 12:1; 21:17; 29:3) Imma l-​imħabba leali qatt ma tintwera mal-​affarijiet. Din tintwera mal-​bnedmin biss. Però, Ġeħova ma jurix imħabba leali maʼ kulħadd. Hu juriha ma’ dawk li għandhom ħbiberija mill-​qrib miegħu. Ġeħova hu leali lejn il-​ħbieb tiegħu. Hu għandu futur mill-​isbaħ għalihom, u qatt mhu se jieqaf iħobbhom.

Ġeħova jipprovdi ħafna affarijiet tajbin lill-bnedmin kollha, anki lil dawk li ma jaqduhx (Ara paragrafu 7) *

7. Ġeħova kif wera li jħobb lil kulħadd?

7 Ġeħova wera li jħobb lil kulħadd. Lil Nikodemu, Ġesù qallu hekk: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġw. 3:1, 16; Mt. 5:44, 45.

Is-Sultan David u l-profeta Danjel kitbu li Ġeħova juri mħabba leali maʼ dawk li jafuh, jibżgħu li jweġġgħuh, iħobbuh, u jobdu l-kmandamenti tiegħu (Ara paragrafi 8-9)

8-9. (a) Ġeħova għala juri l-​imħabba leali mal-​qaddejja tiegħu? (b) X’se nikkunsidraw?

8 Kif diġà semmejna qabel, Ġeħova juri mħabba leali biss mal-​qaddejja tiegħu—dawk li għandhom ħbiberija mill-​qrib miegħu. Nistgħu naraw dan minn dak li qalu s-​Sultan David u l-​profeta Danjel. Pereżempju, David qal: “Kompli uri l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek lil dawk li jafuk.” “Il-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova hi minn dejjem għal dejjem maʼ dawk li jibżgħu minnu.” U Danjel qal: “Ġeħova, l-​Alla l-​veru, [li juri] il-​qalb tajba bl-​imħabba maʼ dawk li jħobbuh u li jħarsu l-​kmandamenti tiegħu.” (Salm 36:10; 103:17; Dan. 9:4) Skont dan il-​kliem, Ġeħova juri l-​imħabba leali mal-​qaddejja tiegħu minħabba li huma jafuh, jibżgħu li jweġġgħuh, iħobbuh, u jobdu l-​kmandamenti tiegħu. Ġeħova juri mħabba leali biss maʼ dawk li jaqduh kif jogħġob lilu.

9 Qabel sirna qaddejja taʼ Ġeħova, aħna rċivejna l-​imħabba li juri man-​nies kollha. (Salm 104:14) Imma issa, bħala l-​qaddejja tiegħu, nirċievu wkoll l-​imħabba leali tiegħu. Fil-​fatt, Ġeħova jwiegħed lil kull min jaqdih: “Il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħi ma titneħħiex minn fuqek.” (Is. 54:10) U David esperjenzah dan, għax qal, “Ġeħova jittrattah b’mod speċjali lil dak li hu leali lejh.” (Salm 4:3) Dan x’għandu jġegħelna nagħmlu? Is-​salmista kiteb: “Min hu għaref? Dan se josserva dawn l-​affarijiet u juri li hu attent għall-​atti taʼ qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova.” (Salm 107:43) Dan il-​parir tajjeb ġej mingħand Ġeħova. Għalhekk, issa se niddiskutu tliet modi kif Ġeħova juri l-​imħabba leali mal-​qaddejja tiegħu u kif dan jgħinna.

L-​IMĦABBA LEALI TAʼ ĠEĦOVA KIF TGĦINNA?

Ġeħova jagħti affarijiet tajbin oħrajn lill-qaddejja tiegħu (Ara paragrafi 10-16) *

10. Il-​fatt li l-​imħabba leali taʼ Ġeħova tibqaʼ għal dejjem kif jgħinna? (Salm 31:7)

10 L-​imħabba leali taʼ Ġeħova tibqaʼ għal dejjem. L-​espressjoni qalb tajba bl-​imħabba tissemma 26 darba f’​Salm 136. Fil-​versi kollha taʼ dan il-​kapitlu hemm miktub: “Għax il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu hi għal dejjem.” (Salm 136:1)Meta naqraw dan is-​Salm, nistgħu naraw il-​mod tal-​għaġeb kif Ġeħova juri l-​imħabba leali tiegħu u kif qatt ma jieqaf jagħmel dan. Din l-​espressjoni ripetuta tagħtina garanzija li l-​imħabba t’Alla għan-​nies tiegħu ma tinbidilx. Kemm hu inkuraġġanti li nafu li Ġeħova mhux se jieqaf iħobb lill-​qaddejja tiegħu malajr! Anzi, meta xi ħadd li jaqdih ikun għaddej minn żmien diffiċli hu ma jitilqux. Aħna kif nibbenefikaw? Li nafu li Ġeħova jibqaʼ qrib tagħna jgħinna biex nibqgħu ferħanin, inkampaw mal-​provi, u nkomplu naqduh.—Aqra Salm 31:7.

11. Skont Salm 86:5, lil Ġeħova x’jimmotivah biex jaħfer?

11 L-​imħabba leali taʼ Ġeħova timmotivah biex jaħfer. Meta Ġeħova jinnota li persuna vera ddispjaċieha għad-​dnub li tkun għamlet, u tbiddel il-​mod kif tkun qed tgħix ħajjitha, l-​imħabba leali tiegħu timmotivah biex jaħfrilha. Is-​salmista David qal hekk dwar Ġeħova: “M’għamlilniex skond dnubietna; lanqas ġab fuqna dak li ħaqqna għall-​iżbalji tagħna.” (Salm 103:8-​11) David kien jaf id-​dwejjaq li tħoss meta l-​kuxjenza tiegħek tibqaʼ tniggżek. Imma hu tgħallem ukoll li Ġeħova hu ‘lest li jaħfer.’ X’jimmotivah lil Ġeħova biex jaħfer? It-​tweġiba nsibuha f’​Salm 86:5. (Aqra.) Iva, bħalma qal David fit-​talba tiegħu, Ġeħova jaħfer għax għandu mħabba leali kbira għal dawk li jitolbuh maħfra.

12-13. Jekk tibqaʼ tniggiżna l-​kuxjenza minħabba xi żbalji li għamilna fil-​passat, x’jistaʼ jgħinna?

12 Hi xi ħaġa tajba li meta nagħmlu dnub jiddispjaċina għal dak li nkunu għamilna. Dan jistaʼ jgħinna biex nitolbu maħfra lil Ġeħova u ninbidlu. Imma xi aħwa jibqgħu jħossu l-​kuxjenza tniggiżhom minħabba xi żbalji li għamlu fil-​passat. Minkejja li huma talbu maħfra lil Ġeħova u ma baqgħux jagħmlu l-​ħażin, huma jaħsbu li Ġeħova qatt mhu se jaħfrilhom. Jekk tifhem li Ġeħova vera jixtieq juri mħabba leali miegħek, se jgħinek biex ma tibqax tħossok hekk.

13 Aħna kif nibbenefikaw? Minkejja li aħna imperfetti, xorta nistgħu naqdu lil Ġeħova b’kuxjenza nadifa. Dan hu possibbli għax “id-​demm taʼ Ibnu Ġesù jnaddafna minn kull dnub.” (1 Ġw. 1:7) Meta tħossok skuraġġit minħabba l-​imperfezzjonijiet tiegħek, ftakar li jekk int vera ddispjaċiek għal dak li għamilt, Ġeħova vera jrid jaħfirlek. Innota li David qal li l-​imħabba leali u l-​maħfra jmorru flimkien. Hu kiteb: “Bħalma s-​smewwiet huma ogħla mill-​art, hekk hi superjuri l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu maʼ dawk li jibżgħu minnu. Daqskemm tlugħ ix-​xemx huwa ’l bogħod minn inżulha, daqshekk biegħed minna nuqqasijietna.” (Salm 103:11, 12) Iva, Ġeħova hu lest biex “jaħfer bil-​kbir.”—Is. 55:7.

14. David maʼ xiex xebbah l-​imħabba leali taʼ Ġeħova, u dan kif jipproteġina?

14 L-​imħabba leali taʼ Ġeħova tipprovdi protezzjoni spiritwali. F’waħda mit-​talbiet tiegħu, David qal: “Int il-​post fejn ninħeba; int tħarisni min-​niket. Iddawwarni b’għajat mimli ferħ għax teħlisni. . . . Min jafda f’Ġeħova hu mdawwar bil-​qalb tajba bl-​imħabba.” (Salm 32:7, 10) Fi żminijiet Bibliċi, is-​swar kienu jipproteġu lin-​nies tal-​belt mill-​għedewwa tagħhom. L-​imħabba leali taʼ Ġeħova hi bħal sur li jipproteġina minn kull ħaġa li tistaʼ tagħmel il-​ħsara lill-​ħbiberija tagħna miegħu. Barra minn hekk, l-​imħabba leali taʼ Ġeħova timmotivah biex jiġbidna lejh.—Ġer. 31:3.

15. L-​imħabba leali taʼ Ġeħova kif inhi bħal post taʼ protezzjoni għalina?

15 David uża eżempju ieħor biex juri kif Ġeħova jipproteġi lin-​nies tiegħu. Hu kiteb: “Alla hu post fl-​għoli taʼ sigurtà għalija, l-​Alla li jurini qalb tajba bl-​imħabba.” David qal ukoll: “Il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħi u l-​fortizza tiegħi, il-​post fl-​għoli tiegħi taʼ sigurtà u Dak li jħarrabni, it-​tarka tiegħi u Dak li fih stkennejt.” (Salm 59:17; 144:2) David għala qabbel l-​imħabba leali taʼ Ġeħova maʼ post fl-​għoli taʼ sigurtà u fortizza? Għax ngħixu fejn ngħixu, bħala l-​qaddejja tiegħu, Ġeħova se jipprovdilna l-​protezzjoni kollha li jkollna bżonn biex nipproteġu l-​ħbiberija prezzjuża li għandna miegħu. Din il-​garanzija nsibuha wkoll f’​Salm 91. Il-​kittieb taʼ dan is-​salm qal: “Jien se ngħid lil Ġeħova: ‘Int il-​kenn u l-​fortizza tiegħi.’” (Salm 91:1-​3, 9, 14) Anke Mosè qal xi ħaġa simili. (Salm 90:1) Ftit qabel ma miet, Mosè qabbel l-​imħabba leali taʼ Ġeħova maʼ xi ħaġa oħra. Hu kiteb: “Moħba għalik hu l-​Alla taʼ żmien il-​qedem, u taħtek id-​dirgħajn dejjiema hemm.” (Dt. 33:27) Il-​frażi ‘jdejn Ġeħova qegħdin dejjem taħtna,’ x’tgħallimna dwaru?

16. Ġeħova kif jgħinna? (Salm 136:23)

16 Meta nkunu konvinti li Ġeħova se jieħu ħsiebna, inħossuna protetti. Però, xorta ħa jkun hemm ġranet li nħossuna skuraġġiti. Fi ġranet bħal dawn, Ġeħova x’jagħmel biex jgħinna? (Aqra Salm 136:23.) Hu jpoġġi jdejh taħtna, jerfagħna bil-​mod, u jgħinna biex ma nibqgħux inħossuna mdejqin. (Salm 28:9; 94:18) Aħna kif nibbenefikaw? Minħabba li nafu li dejjem nistgħu nistrieħu fuq Ġeħova, nibbenefikaw b’żewġ modi. L-​ewwel, aħna nafu li Ġeħova dejjem se jipproteġina, ngħixu fejn ngħixu. It-​tieni, aħna nafu li Missierna tas-​sema kollu mħabba jimpurtah ħafna minna.

NISTGĦU NKUNU ĊERTI LI ĠEĦOVA SE JIBQAʼ JURINA MĦABBA LEALI

17. Minħabba l-​imħabba t’Alla, minn xiex nistgħu nkunu ċerti? (Salm 33:18-​22)

17 Bħalma tgħallimna, meta niffaċċjaw il-​provi nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna biex inżommu l-​ħbiberija tagħna miegħu b’saħħitha. Il-​profeta Ġeremija qal: “Hu minħabba l-​atti taʼ qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova li ma ntemmejniex, għax il-​ħniniet tiegħu ma jispiċċawx.” (Lam. 3:22) Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jkompli juri magħna mħabba leali, għax il-​Bibbja tgħid, “Għajnejn Ġeħova huma fuq dawk li jibżgħu minnu, fuq dawk li jistennew il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu.”—Aqra Salm 33:18-​22.

18-19. (a) X’għandna nżommu f’moħħna? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

18 X’għandna nżommu f’moħħna? Qabel sirna qaddejja taʼ Ġeħova, Ġeħova kien iħobbna bħalma jħobb lill-​bnedmin kollha. Imma issa, bħala qaddejja tiegħu, hu jurina l-​imħabba leali tiegħu. Din l-​imħabba timmotivah biex jipproteġina u ma jitlaqna qatt. Hu se jżommna dejjem qrib tiegħu u se jwettaq dak li wegħedna. Hu jridna nkunu l-​ħbieb tiegħu għal dejjem! (Salm 46:1, 2, 7) Għalhekk, tkun xi tkun il-​prova li niffaċċjaw, Ġeħova se jagħtina s-​saħħa li jkollna bżonn biex nibqgħu leali lejh.

19 F’dan l-​artiklu rajna kif Ġeħova juri mħabba leali mal-​qaddejja tiegħu. U hu jistenna li aħna nuru mħabba leali bejnietna. Kif nistgħu nagħmlu dan? Fl-​artiklu li jmiss se niddiskutu dan is-​suġġett importanti.

GĦANJA 136 “Ħlas perfett mingħand Ġeħova”

^ par. 5 Xi tfisser imħabba leali? Ġeħova maʼ min juri mħabba leali, u dawk li jirċievu din l-​imħabba kif jibbenefikaw minnha? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet se niddiskutuhom f’dan l-​artiklu. Fl-​artiklu li jmiss se nkomplu niddiskutu dwar din il-​kwalità importanti.

^ par. 4 Il-​ħsieb li Alla juri ħafna mħabba leali nsibuh f’versi oħrajn fil-​Bibbja.—Ara Neħemija 13:22; Salm 69:13; 106:7; u Lamentazzjonijiet 3:32.

^ par. 54 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġeħova juri l-imħabba maʼ kulħadd, inkluż mal-qaddejja tiegħu. L-istampi li qegħdin fiċ-ċirku juru xi modi kif Alla juri l-imħabba man-nies. L-iktar ħaġa importanti hi li hu bagħat lil Ibnu, Ġesù, biex imut għalina.

^ par. 62 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Dawk li jsiru qaddejja taʼ Ġeħova u jemmnu fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù jirċievu l-imħabba taʼ Ġeħova b’modi oħrajn. Huma mhux biss jirċievu l-imħabba li Alla juri lill-bnedmin kollha, imma jirċievu wkoll l-imħabba leali li Ġeħova juri biss mal-qaddejja tiegħu. Eżempji taʼ din l-imħabba leali nsibuhom fl-istampi li qegħdin fiċ-ċirku.