Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħuna Rutherford jagħti taħdita fil-konvenzjoni f’Cedar Point, Ohio, fl-1919

1919—Mitt sena ilu

1919—Mitt sena ilu

SAL-​1919, il-​Gwerra l-​Kbira (iktar tard magħrufa bħala l-​Ewwel Gwerra Dinjija), li damet tkarkar għal iktar minn erbaʼ snin, kienet spiċċat. Tard fis-​sena taʼ qabel, in-​nazzjonijiet waqfu jiġġieldu, u fit-​18 taʼ Jannar 1919, bdiet il-​Konferenza taʼ Paċi taʼ Pariġi. Waħda mill-​affarijiet tajbin li ħarġu minn din il-​konferenza kienet it-​Trattat taʼ Versailles, li temm formalment il-​gwerra bejn il-​Ġermanja u l-​pajjiżi li kienu jiggwerraw kontriha. Dan ġie ffirmat fit-​28 taʼ Ġunju 1919.

It-​trattat, jew ftehim, stabbilixxa wkoll organizzazzjoni ġdida msejħa l-​Lega tan-​Nazzjonijiet. L-​iskop tagħha kien “li tippromwovi koperazzjoni internazzjonali u li ġġib paċi u sigurtà internazzjonali.” Ħafna mir-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu appoġġjaw il-​Lega. Il-​Kunsill Federali tal-​Knejjes taʼ Kristu fl-​Amerika faħħarha bħala “l-​espressjoni politika tas-​Saltna t’Alla fuq l-​art.” Dan il-​kunsill wera li appoġġja lil din il-​Lega billi bagħat delegati għall-​Konferenza taʼ Paċi taʼ Pariġi. Wieħed minn dawn id-​delegati qal li l-​konferenza “kienet il-​bidu taʼ era ġdida fl-​istorja tad-​dinja.”

Era ġdida kienet qed tibda, iżda ma kinitx se tinbeda min-​nies involuti f’dik il-​konferenza taʼ paċi. Fl-​1919 bdiet era ġdida fix-​xogħol tal-​ippritkar meta Ġeħova saħħaħ lill-​poplu tiegħu biex jipprietka bħal qatt qabel. Imma qabel dan setaʼ jseħħ, xi ħaġa sinifikanti kellha bżonn tinbidel għall-​Istudenti tal-​Bibbja.

DEĊIŻJONI DIFFIĊLI

Joseph F. Rutherford

L-​elezzjoni annwali tad-​diretturi tal-​Watch Tower Bible and Tract Society kienet ippjanata għas-​Sibt, 4 taʼ Jannar 1919. F’dak iż-​żmien, Joseph F. Rutherford, li kellu t-​tmexxija fost il-​poplu taʼ Ġeħova, kien ġie mitfugħ il-​ħabs inġustament f’Atlanta, Georgia, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, flimkien maʼ sebgħa oħra. Il-​mistoqsija kienet, Kellhom dawn l-​aħwa fil-​ħabs li kienu uffiċjali jerġgħu jiġu eletti? Jew posthom kellu jieħdu xi ħadd ieħor?

Evander J. Coward

Fiċ-​ċella tal-​ħabs tiegħu, Ħuna Rutherford inkwieta dwar il-​futur tal-​organizzazzjoni. Hu kien jaf li xi aħwa ħassew li kien ikun aħjar li jtellgħu lil xi ħadd ieħor bħala president. Għalhekk, kiteb ittra lil dawk preżenti għal-​laqgħa tal-​4 taʼ Jannar 1919, u nnomina lil Evander J. Coward għal president. Rutherford iddeskriva lil Coward bħala “kalm,” “diskret,” u “leali lejn il-​Mulej.” Madankollu, ħafna aħwa ppreferew soluzzjoni differenti, li jipposponu l-​elezzjoni għal sitt xhur. L-​avukati li ddefendew lill-​aħwa fil-​ħabs qablu maʼ dan. Waqt li kienu qed jiddiskutu x’se jagħmlu, xi aħwa bdew jitbaqbqu.

Richard H. Barber

Imbagħad ġrat xi ħaġa li skont Richard H. Barber ikkalmat is-​sitwazzjoni diffiċli. Wieħed mill-​aħwa fl-​attendenza qal: “M’iniex xi espert tal-​liġi, imma naf x’hemm bżonn biex tkun leali. Il-​lealtà hi dak li Alla jrid. Ma nistax nimmaġina x’fiduċja ikbar nistgħu nuru milli jkollna elezzjoni u nerġgħu ntellgħu lil Ħuna Rutherford bħala president.”—Salm 18:25.

Alexander H. Macmillan

A. H. Macmillan, li kien il-​ħabs ukoll, iktar tard irrakkonta li l-​għada Ħuna Rutherford ħabbatlu fuq il-​ħajt taċ-​ċella u qallu, “Oħroġ idek ’il barra.” Imbagħad, Ħuna Rutherford newwillu telegramma. Macmillan ra l-​messaġġ qasir u mill-​ewwel kien jaf xi jfisser. Il-​messaġġ qal: “RUTHERFORD WISE VAN BARBER ANDERSON BULLY U SPILL DIRETTUR L-​EWWEL TLIETA UFFIĊJALI INĦOBBUKOM.” Dan kien ifisser li d-​diretturi kollha reġgħu ġew eletti u li Joseph Rutherford u William Van Amburgh baqgħu jaqdu bħala uffiċjali. B’hekk, Ħuna Rutherford kien se jkompli bħala president.

MEĦLUSIN!

Waqt li t-​tmien aħwa kienu l-​ħabs, Studenti tal-​Bibbja leali għamlu petizzjoni biex jinħelsu l-​aħwa. Dawn l-​aħwa rġiel u nisa kuraġġużi ġabru iktar minn 700,000 firma mingħand in-​nies. L-​Erbgħa, 26 taʼ Marzu 1919, qabel ma ġiet preżentata l-​petizzjoni, Ħuna Rutherford u l-​aħwa l-​oħra responsabbli nħelsu.

F’taħdita li ta lil dawk li laqgħuh lura, Ħuna Rutherford qal: “Jien konvint li din l-​esperjenza li lkoll għaddejna minnha se sservi biss biex tippreparana għal iżjed żminijiet diffiċli. . . . Il-​ġlieda tagħkom ma kinitx biex toħorġu lil ħutkom mill-​ħabs. Dan ma kienx l-​iskop veru taʼ dan ix-​xogħol kollu. . . . Il-​ġlieda tagħkom kienet bl-​iskop li ġġib glorja lil Ġeħova, u dawk li ħadu sehem fiha rċivew barka mill-​isbaħ.”

Iċ-​ċirkustanzi li kienu fihom ħutna f’din il-​prova jistgħu jindikaw li Ġeħova kien qed jidderieġi l-​affarijiet. Fl-​14 taʼ Mejju 1919, il-​qorti tal-​appell qatgħet is-​sentenza: “L-​akkużati f’dan il-​każ ma kellhomx il-​ġuri ġust . . . li kienu intitolati għalih, u għal din ir-​raġuni s-​sentenza nbidlet.” L-​aħwa kienu nstabu ħatja taʼ kriminalitajiet serji u dawn kienu se jibqgħu jidhru fuq il-​kondotta tagħhom kieku biss ġew maħfurin jew kieku s-​sentenzi tagħhom sempliċement tnaqqsu. Ma kienx hemm iżjed akkużi kontrihom. B’hekk, Ħuna Rutherford * ma tilifx il-​kwalifiki legali li kellu biex jiddefendi lill-​poplu taʼ Ġeħova quddiem il-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti, xi ħaġa li għamel ħafna drabi wara li ġie meħlus.

DETERMINATI LI JIPPRITKAW

“Ma konniex se noqogħdu nitgħażżnu b’idejna fuq żaqqna waqt li nistennew lill-​Mulej jiħodna s-​sema,” qal Ħuna Macmillan. “Aħna rrealizzajna li kellna nagħmlu xi ħaġa biex insiru nafu x’kienet verament ir-​rieda tal-​Mulej.”

Imma l-​aħwa fil-​kwartieri ġenerali ma setgħux sempliċement ikomplu x-​xogħol li kienu ilhom jagħmlu għal ħafna snin. Għala le? Għax waqt li kienu l-​ħabs, il-​pjanċi għall-​istampar kollha li kienu jintużaw biex tiġi stampata l-​letteratura kienu nqerdu. Dan kien taʼ skuraġġiment, u xi aħwa tħassbu jekk ix-​xogħol tal-​ippritkar kienx spiċċa.

Kien baqaʼ xi ħadd interessat fil-​messaġġ tas-​Saltna ppritkat mill-​Istudenti tal-​Bibbja? Biex iwieġeb din il-​mistoqsija, Ħuna Rutherford iddeċieda li jagħti taħdita. Il-​pubbliku kien se jiġi mistieden. Ħuna Macmillan qal: “Jekk ħadd ma jattendi din il-​laqgħa jkun ifisser li x-​xogħol tal-​ippritkar ikun spiċċa.”

Riklam fuq il-gazzetta għat-taħdita “It-tama għall-umanità mnikkta” taʼ Ħuna Rutherford f’Los Angeles, Kalifornja, fl-1919

Allura ġara li l-​Ħadd, 4 taʼ Mejju 1919, minkejja marda serja, Ħuna Rutherford ta t-​taħdita “It-​tama għall-​umanità mnikkta” f’Los Angeles, Kalifornja. Madwar 3,500 persuna attendew il-​laqgħa, u mijiet taʼ nies ma setgħux jattendu għax ma kienx hemm wisaʼ għalihom. L-​għada attendew 1,500 persuna oħra. L-​aħwa ħadu t-​tweġiba—in-​nies kienu interessati!

Dak li mbagħad għamlu l-​aħwa ħejja t-​triq għax-​xogħol tal-​ippritkar tax-​Xhieda taʼ Ġeħova sal-​lum.

LESTI GĦAL IŻJED TKABBIR

It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 t’Awwissu 1919 ħabbar li kmieni f’Settembru kien se jkun hemm konvenzjoni f’Cedar Point, Ohio. Clarence B. Beaty, Student tal-​Bibbja żagħżugħ minn Missouri, qal: “Kulħadd ħass li kellu jmur.” Iktar minn 6,000 ħu u oħt marru għal din il-​laqgħa, bil-​wisq iżjed milli kien mistenni. Il-​200 persuna u iktar li tgħammdu f’Lake Erie fil-​viċin żiedu mal-​eċitament tal-​okkażjoni.

Il-qoxra tal-ewwel ħarġa taʼ The Golden Age, bid-data tal-1 t’Ottubru 1919

Fil-​5 taʼ Settembru 1919, il-​ħames jum tal-​konvenzjoni, fit-​taħdita tiegħu bit-​titlu “Taħdita għall-​ħaddiema sħabna,” Ħuna Rutherford ħabbar il-​pubblikazzjoni taʼ rivista ġdida, jisimha The Golden Age. * Din kellha “titkellem dwar aħbarijiet kurrenti taʼ importanza, u tagħti spjegazzjoni Skritturali għala [kienu] qed iseħħu dawn il-​ġrajjiet kbar.”

L-​Istudenti tal-​Bibbja kollha kienu inkuraġġiti biex jippritkaw bil-​qlubija billi jużaw din il-​pubblikazzjoni ġdida. F’ittra li ddeskriviet kif ix-​xogħol kien se jkun organizzat kien hemm miktub: “Ħalli lil kull min ġie konsagrat [mgħammed] jiftakar li hu privileġġ kbir li jaqdi, u jaħtaf l-​opportunità issa f’li jieħu sehem f’din ix-​xhieda kbira lid-​dinja.” Ir-​reazzjoni kienet meraviljuża! Sa Diċembru, pubblikaturi żelużi tas-​Saltna kienu ġabru iżjed minn 50,000 abbonament għar-​rivista l-​ġdida.

Aħwa fi Brooklyn, New York, b’tagħbija taʼ The Golden Age

Sa ma spiċċat l-​1919, il-​poplu taʼ Ġeħova reġaʼ ġie organizzat u msaħħaħ. Ukoll, diversi profeziji importanti dwar l-​aħħar jiem kienu twettqu. L-​ittestjar u l-​irfinar tal-​poplu t’Alla, imbassar f’​Malakija 3:1-​4, kien komplut. Il-​poplu taʼ Ġeħova kien inħeles mill-​jasar simboliku taʼ “Babilonja l-​Kbira,” u Ġesù kien ħatar lill-​“ilsir leali u għaqli.” * (Riv. 18:2, 4; Mt. 24:45) Issa l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu lesti għax-​xogħol li Ġeħova riedhom jagħmlu.

^ par. 13 Ħuna Rutherford kien avukat u mħallef, u kien magħruf bħala “l-​Imħallef Rutherford.”

^ par. 22 The Golden Age ġiet imsejħa Consolation fl-​1937 u Awake! fl-​1946.