Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 43

Agħti devozzjoni esklużiva lil Ġeħova

Agħti devozzjoni esklużiva lil Ġeħova

“Ġeħova hu Alla li jesiġi devozzjoni esklużiva.”—NAĦ. 1:2.

GĦANJA 51 Lil Alla aħna ddedikati!

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġeħova għala jistħoqqlu d-​devozzjoni esklużiva tagħna?

ĠEĦOVA jistħoqqlu d-​devozzjoni esklużiva tagħna għax hu ħalaqna u tana l-​ħajja. (Riv. 4:11) Madankollu, aħna niffaċċjaw sfida. Għalkemm inħobbu u nirrispettaw lil Ġeħova, affarijiet oħra jistgħu jsiru tant importanti f’ħajjitna li jżommuna milli nagħtuh id-​devozzjoni esklużiva li jistħoqqlu. Għandna bżonn nifhmu kif dan jistaʼ jiġri. Imma l-​ewwel, ejja niddiskutu xi jfisser li nagħtu devozzjoni esklużiva lil Ġeħova.

2. Skont Eżodu 34:14, x’se nagħmlu jekk nagħtu devozzjoni esklużiva lil Ġeħova?

2 Fil-​Bibbja, li tkun devot lejn Alla jfisser li jkollok imħabba kbira lejh. Meta nagħtu devozzjoni esklużiva lil Ġeħova, aħna nqimu lilu biss. Mhu se nħallu lil ħadd jew xejn jiħodlu postu f’qalbna.—Aqra Eżodu 34:14 u n-​nota taʼ taħt.

3. Għala għandna raġunijiet tajbin biex inkunu devoti lejn Ġeħova?

3 Għala għandna raġunijiet tajbin biex inkunu devoti lejn Ġeħova? Għax din id-​devozzjoni hi bbażata fuq il-​fatti li tgħallimna dwaru. Aħna bdejna nammiraw il-​kwalitajiet mill-​isbaħ tiegħu. Nafu u naqblu maʼ dak li jħobb u jobgħod. Aħna nifhmu li Ġeħova jridna naqduh b’ferħ għal dejjem. Huwa għalhekk li ngħixu fi qbil mal-​livelli tiegħu. Aħna nħossuna onorati li jħallina nkunu l-​ħbieb tiegħu. (Salm 25:14) Kull dettall li nitgħallmu dwar il-​Ħallieq tagħna jressaqna eqreb lejh.—Ġak. 4:8.

4. (a) Ix-​Xitan x’juża biex idgħajjef id-​devozzjoni tagħna lejn Ġeħova? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

4 Ix-​Xitan jikkontrolla d-​dinja, u hu jużaha biex iħajjarna naġixxu skont ix-​xewqat naturali u d-​dgħufijiet tal-​laħam tagħna. (Efes. 2:1-​3; 1 Ġw. 5:19) Hu jridna nħobbu affarijiet oħra wkoll biex ma jibqax ikollna devozzjoni esklużiva lejn Ġeħova. Ejja niddiskutu żewġ modi kif ix-​Xitan jistaʼ jagħmel dan. L-​ewwel, hu jipprova jġegħelna nħobbu l-​flus, u t-​tieni, jipprova jġegħelna nagħżlu divertiment mhux xieraq.

OQGĦOD ATTENT MILL-​IMĦABBA GĦALL-​FLUS

5. Għala għandna noqogħdu attenti li ma nibdewx inħobbu l-​flus?

5 Ilkoll irridu li jkollna biżżejjed x’nieklu, ilbies addattat, u post xieraq fejn ngħixu. Madankollu, għandna noqogħdu attenti li ma nibdewx inħobbu l-​flus. Ħafna li huma parti mid-​dinja taʼ Satana “jħobbu l-​flus” u dak li jistgħu jixtru bihom. (2 Tim. 3:2) Ġesù kien jaf li s-​segwaċi tiegħu setgħu jiġu mħajrin jiżviluppaw din l-​imħabba. “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien,” qal Ġesù, “għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-​ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.” (Mt. 6:24) Xi ħadd li jqim lil Ġeħova waqt li fl-​istess ħin iqattaʼ ħafna ħin u enerġija jipprova jsir sinjur, f’ċertu sens, ikun qed jipprova jaqdi żewġ sidien. Hu ma jkunx qed jagħti devozzjoni esklużiva lil Ġeħova.

Kif xi wħud minn Laodiċija qiesu lilhom infushom . . . u kif qisuhom Ġeħova u Ġesù (Ara paragrafu 6)

6. X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem taʼ Ġesù lill-​kongregazzjoni taʼ Laodiċija?

6 Qabel is-​sena 100 WK, membri tal-​kongregazzjoni f’Laodiċija ftaħru: ‘Aħna sinjuri u ksibna r-​rikkezzi u ma jonqosna xejn affattu.’ Imma f’għajnejn Ġeħova u Ġesù, dawn kienu ‘miżerabbli u msieken u fqar u għomja u għarwenin.’ Ġesù ma tahomx il-​parir għax kienu sinjuri, imma għax tant ħabbew il-​flus li dan għamel ħsara lill-​ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova. (Riv. 3:14-17) Jekk nindunaw li qed nibdew inħobbu l-​flus, għandna naġixxu malajr biex nikkoreġu l-​ħsibijiet tagħna. (1 Tim. 6:7, 8) Jekk ma nagħmlux hekk, qalbna se tkun maqsuma u Ġeħova mhux se jaċċetta l-​qima tagħna. Hu “jesiġi devozzjoni esklużiva.” (Dt. 4:24) Allura l-​flus kif jistgħu jsiru wisq importanti f’ħajjitna?

7-9. Int x’titgħallem mill-​esperjenza t’anzjan jismu David?

7 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ David, anzjan bieżel li jgħix fl-​Istati Uniti. Hu ddeskriva lilu nnifsu bħala li kien impjegat li jaħdem iebes ħafna. Il-​kumpanija fejn kien jaħdem hu tatu xogħol aħjar u iktar flus, u f’pajjiżu kien meqjus bħala wieħed mill-​aħjar persuni f’dan ix-​xogħol. “Dak iż-​żmien ħsibt li dan kollu kien evidenza tal-​barka taʼ Ġeħova,” qal David. Imma huwa veru dan?

8 Bil-​mod il-​mod David irrealizza li xogħlu kien qed jagħmel ħsara lill-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. “Spiċċajt naħseb dwar problemi tax-​xogħol waqt il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u saħansitra fil-​ministeru,” hu jgħid. “Kont qed naqlaʼ ħafna flus, imma sirt stressat ferm, u bdew jinqalgħu l-​problemi fiż-​żwieġ tiegħi.”

9 David irrealizza li kellu bżonn jiddeċiedi x’kien l-​iktar importanti għalih. “Kont deċiż li nirranġa s-​sitwazzjoni tiegħi,” hu jgħid. David għamel skeda li kienet se tħallih jaħdem inqas sigħat, u ppreżentaha lill-​imgħallem tiegħu. X’ġara? David tkeċċa! U hu x’għamel? “L-​għada, applikajt biex naqdi bħala pijunier awżiljarju fuq bażi kontinwa,” hu qal. Biex jappoġġjaw lilhom infushom, David u martu bdew jagħmlu xogħol taʼ tindif. Wara ftit żmien, hu beda jaqdi bħala pijunier regolari, u martu iktar tard ingħaqdet miegħu bħala pijuniera. Din il-​koppja għażlet xogħol li ħafna ma jridux jagħmlu, imma t-​tip taʼ xogħol mhuwiex l-​iktar ħaġa importanti għalihom. Għalkemm qed jaqilgħu ħafna inqas minn qabel, kull xahar ikollhom eżatt dak li jeħtieġu biex iħallsu l-​ispejjeż. Huma jridu jagħtu lil Ġeħova prijorità f’ħajjithom, u esperjenzaw kemm hu jieħu ħsieb dawk li jagħmlu dan.—Mt. 6:31-33.

10. Kif nistgħu ngħassu lil qlubna?

10 Kemm jekk għandna ħafna jew ftit materjalment, jeħtieġ li ngħassu lil qlubna. Kif? Tiżviluppax imħabba għall-​flus. U tħallix ix-​xogħol tiegħek isir iktar importanti għalik mis-​servizz tiegħek lil Ġeħova. Kif tistaʼ tkun taf jekk dan hux jiġri lilek? Xi mistoqsijiet li tistaʼ tistaqsi lilek innifsek huma: ‘Naħseb spiss dwar ix-​xogħol tiegħi meta nkun il-​laqgħat jew fil-​ministeru? Ninkwieta l-​ħin kollu jekk hux se jkolli biżżejjed flus għall-​futur? Il-​flus u l-​affarijiet materjali li għandi jaqilgħuli l-​problemi fiż-​żwieġ? Lest li nagħmel xogħol li ħafna ma jridux jagħmlu jekk dan jagħmilhieli possibbli nqattaʼ iktar ħin naqdi lil Ġeħova?’ (1 Tim. 6:9-​12) Meta nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet, ejja niftakru li Ġeħova jħobbna u jagħmel din il-​wegħda maʼ dawk li jaqdu lilu biss: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” Huwa għalhekk li Pawlu kiteb: “Ħa jkun il-​mod kif tgħixu ħieles mill-​imħabba għall-​flus.”—Ebr. 13:5, 6.

AGĦŻEL SEW ID-​DIVERTIMENT TIEGĦEK

11. X’effett għandu d-​divertiment fuq il-​bniedem?

11 Ġeħova jridna ngawdu l-​ħajja, u d-​divertiment jistaʼ jgħinna nagħmlu dan. Fil-​fatt, il-​Kelma t’Alla tgħid li “għall-​bniedem m’hemm xejn aħjar milli jiekol u jixrob u jgawdi affarijiet tajbin minħabba x-​xogħol iebes tiegħu.” (Ekk. 2:24) Madankollu, ħafna mid-​divertiment fid-​dinja jistaʼ jkollu effett ħażin fuqna. Jistaʼ jwassal lil ħafna nies biex jibdew jaċċettaw jew saħansitra jħobbu affarijiet li l-​Kelma t’Alla tikkundanna.

Min qed jipprepara d-​divertiment tiegħek? (Ara paragrafi 11-14) *

12. Skont l-​1 Korintin 10:21, 22, għala għandna nagħżlu sew id-​divertiment tagħna?

12 Aħna rridu nagħtu lil Ġeħova devozzjoni esklużiva, allura ma nistgħux nieklu “mill-​‘mejda taʼ Ġeħova’” u “mill-​mejda tad-​demonji.” (Aqra l-​1 Korintin 10:21, 22.) Li tiekol maʼ xi ħadd spiss ifisser li intom ħbieb. Jekk nagħżlu divertiment li jippromwovi vjolenza, spiritiżmu, immoralità, jew xewqat u attitudnijiet tal-​laħam oħrajn, ikun bħallikieku qed nieklu mal-​għedewwa t’Alla u qed nieklu l-​ikel li ppreparawlna. B’hekk, mhux biss nagħmlu ħsara lilna nfusna imma wkoll lill-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova.

13-14. (a) B’liema mod nistgħu nqabblu d-​divertiment mal-​ikel? (b) Skont Ġakbu 1:14, 15, għala għandna noqogħdu attenti x’divertiment nagħżlu?

13 B’liema mod nistgħu nqabblu d-​divertiment mal-​ikel? Meta nieklu, nistgħu nikkontrollaw x’nitfgħu f’ħalqna. Imma wara li nkunu blajnieh, ma nistgħux nagħżlu kif se jeffettwa lil ġisimna. Ikel tajjeb jistaʼ jagħmlilna iktar ġid; ikel ħażin se jagħmlilna l-​ħsara. Aħna forsi ma ninnotawx l-​effetti mill-​ewwel, imma dawn se jsiru ovvji wara xi żmien.

14 Bl-​istess mod, meta nagħżlu d-​divertiment tagħna, ikollna kontroll fuq dak li jidħol f’moħħna. Imma wara dan, id-​divertiment li nkunu għażilna se jeffettwa kif naħsbu u nħossuna. Divertiment tajjeb jistaʼ jagħmlilna l-​ġid; divertiment mhux xieraq se jagħmlilna l-​ħsara. (Aqra Ġakbu 1:14, 15.) Aħna forsi ma ninnotawx l-​effetti taʼ divertiment mhux xieraq mill-​ewwel, imma wara xi żmien se narawhom. Hu għalhekk li l-​Bibbja twissina: “Titqarrqux: Alla ma jidħaq bih ħadd. Għax dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad; għax min jiżraʼ għal laħmu jaħsad it-​taħsir minn laħmu.” (Gal. 6:7, 8) Kemm hu importanti għalina li nirrifjutaw kull divertiment li jippromwovi affarijiet li jobgħod Ġeħova!—Salm 97:10.

15. Ġeħova x’rigal tana biex ingawdu?

15 Ħafna mix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu gost jaraw il-​JW Broadcasting®, l-​istazzjon tagħna tat-​televixin fuq l-​Internet. Oħt jisimha Marilyn qalet: “Il-​JW Broadcasting għenni nkun persuna iktar ferħana, u nistaʼ nara kollox fuqu għax kulma fih hu tajjeb għalija. Meta nħossni waħdi jew skuraġġita, insib xi ħaġa inkuraġġanti x’nara, bħal taħdita jew programm tal-​Qima taʼ Filgħodu. Dan jgħinni nħossni eqreb taʼ Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu. Il-​JW Broadcasting biddilli ħajti kompletament.” Qiegħed int tibbenefika mir-​rigal taʼ Ġeħova? Il-​JW Broadcasting fih programmi ġodda kull xahar, u hemm programmi bl-​awdjo u bil-​vidjow kif ukoll għanjiet u kanzunetti inkuraġġanti li tistaʼ tara u tismaʼ meta trid.

16. Għala għandna noqogħdu attenti li nikkontrollaw l-​ammont taʼ ħin li nqattgħu fid-​divertiment?

16 Għandna noqogħdu attenti li nikkontrollaw mhux biss it-​tip taʼ divertiment li ngawdu imma wkoll l-​ammont taʼ ħin li nqattgħu fih. Jekk ma nagħmlux hekk, nistgħu nqattgħu iktar ħin fid-​divertiment milli nqattgħu f’li naqdu lil Ġeħova. Ħafna jsibuha taʼ sfida biex jikkontrollaw l-​ammont taʼ ħin li jqattgħu fid-​divertiment. Oħt taʼ 18-​il sena jisimha Abigail tgħid: “Li nara t-​televixin jgħinni nirrilassa wara ġurnata mimlija. Imma jekk ma noqgħodx attenta, nispiċċa nagħmel sigħat sħaħ quddiemu.” Ħu taʼ 21 sena jismu Samuel jgħid: “Kultant noqgħod nara ħafna vidjows qosra fuq l-​Internet. L-​ewwel nibda b’wieħed, u mingħajr ma ninduna, ikunu għaddew tliet jew erbaʼ sigħat.”

17. Kif nistgħu nikkontrollaw l-​ammont taʼ ħin li nqattgħu fid-​divertiment?

17 Kif tistaʼ tikkontrolla l-​ammont taʼ ħin li tqattaʼ fid-​divertiment? Bħala l-​ewwel pass, trid tara kemm fil-​fatt qed tqattaʼ ħin. Għax ma żżommx rekord għal ġimgħa? Ikteb fuq kalendarju kemm-​il siegħa tqattaʼ tara t-​televixin, tfittex fuq l-​Internet, u tilgħab logħob fuq l-​apparat elettroniku tiegħek. Jekk tħoss li tqattaʼ wisq ħin, ipprova agħmel skeda. Ippjana biex tagħmel l-​iktar affarijiet importanti l-​ewwel, u wara ħalli ħin għad-​divertiment. Imbagħad, itlob lil Ġeħova biex jgħinek iżżomm mal-​iskeda. B’dal-​mod se jkollok il-​ħin u l-​enerġija li teħtieġ għall-​istudju personali tal-​Bibbja, il-​qima bħala familja, il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, u l-​ministeru. Meta tkun poġġejt lil Ġeħova l-​ewwel, x’aktarx se tkun tistaʼ tieħu iktar gost fil-​ħin tad-​divertiment.

ĦA JIBQAʼ JKOLLOK DEVOZZJONI ESKLUŻIVA LEJN ĠEĦOVA

18-19. Kif nistgħu nagħtu prova li għandna devozzjoni esklużiva lejn Ġeħova?

18 Wara li kiteb dwar it-​tmiem tad-​dinja taʼ Satana u d-​dinja l-​ġdida li ġejja, l-​appostlu Pietru qal: “Maħbubin, ladarba qed tistennew dawn l-​affarijiet, agħmlu l-​almu tagħkom biex fl-​aħħar isibkom bla tebgħa u bla difett u fil-​paċi.” (2 Pt. 3:14) Meta nobdu dan il-​parir u nagħmlu l-​almu tagħna biex nibqgħu moralment u spiritwalment nodfa, aħna nagħtu prova li għandna devozzjoni esklużiva lejn Ġeħova.

19 Satana u d-​dinja tiegħu se jkomplu jipprovaw iġegħluna npoġġu affarijiet oħra qabel Ġeħova. (Lq. 4:13) Iżda minkejja kwalunkwe sfida li niffaċċjaw, aħna mhu se nħallu lil ħadd jew xejn jieħu post Ġeħova f’qalbna. Aħna determinati li nagħtu lil Ġeħova dak li jistħoqq lilu biss, id-​devozzjoni esklużiva tagħna!

GĦANJA 30 Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib

^ par. 5 Aħna nieħdu pjaċir naqdu lil Ġeħova. Imma nistgħu ngħidu li għandna devozzjoni esklużiva lejh? Id-​deċiżjonijiet li nieħdu juru x’inhi t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija. Għalhekk, bħala għajnuna biex insiru nafu jekk għandniex devozzjoni esklużiva lejn Ġeħova, se niddiskutu d-​deċiżjonijiet li nieħdu dwar żewġ affarijiet, il-​flus u d-​divertiment.

^ par. 54 X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: Aħna mhux se nkunu rridu nieklu ikel ippreparat fi kċina maħmuġa. Allura għala għandna nkunu rridu naraw divertiment li fih il-​vjolenza, l-​ispiritiżmu, jew l-​immoralità?