Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 42

Ġeħova x’se jġiegħlek issir?

Ġeħova x’se jġiegħlek issir?

‘Alla qed jaħdem fikom kemm biex ikollkom ir-​rieda u kemm biex [ikollkom il-​qawwa ħalli] taġixxu.’—FLP. 2:13.

GĦANJA 104 L-​ispirtu qaddis—Għotja mingħand Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġeħova x’jistaʼ jagħmel sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu?

ĠEĦOVA jistaʼ jsir dak kollu li hemm bżonn biex iwettaq l-​iskop tiegħu. Pereżempju, Ġeħova sar Għalliem, Missier li joffri faraġ, u Evanġelizzatur. Dawn huma ftit mill-​ħafna affarijiet li sar. (Is. 48:17; 2 Kor. 7:6; Gal. 3:8) Madankollu, hu spiss juża lill-​bnedmin biex iwettaq l-​iskopijiet tiegħu. (Mt. 24:14; 28:19, 20; 2 Kor. 1:3, 4) Ġeħova jistaʼ wkoll jagħti lil kull wieħed minna l-​għerf u l-​qawwa li neħtieġu sabiex insiru dak kollu li hemm bżonn biex iwettaq l-​iskop tiegħu. Dan kollu hu parti mit-​tifsira tal-​isem taʼ Ġeħova, kif inhu suġġerit minn numru taʼ studjużi.

2. (a) Kultant għala forsi niddubitaw jekk Ġeħova hux qed jużana? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 Ilkoll kemm aħna rridu nkunu utli għal Ġeħova, imma xi wħud forsi jiddubitaw jekk Ġeħova hux qed jużahom. Għala? Għax iħossuhom limitati minħabba l-​età, iċ-​ċirkustanzi, jew l-​abbiltajiet tagħhom. Oħrajn forsi jħossu li qed jagħmlu biżżejjed u m’għandhomx bżonn jagħmlu iktar. F’dan l-​artiklu, se niddiskutu kif Ġeħova jistaʼ jagħti lil kull wieħed minna dak li neħtieġu biex iwettaq l-​iskop tiegħu. Imbagħad, se niddiskutu rakkonti Bibliċi taʼ kif Ġeħova ta lill-​qaddejja tiegħu—irġiel u nisa—ir-​rieda u l-​qawwa biex jaġixxu. Fl-​aħħar, se nikkunsidraw kif aħna nistgħu nħallu lil Ġeħova jużana.

MODI KIF ĠEĦOVA JAGĦTINA DAK LI NEĦTIEĠU

3. Fi qbil maʼ Filippin 2:13, Ġeħova kif għandu mnejn jagħtina r-​rieda biex naġixxu?

3 Aqra Filippin 2:13. * Ġeħova jistaʼ jagħtina r-​rieda, jew ix-​xewqa, biex naġixxu. Kif għandu mnejn jagħmel dan? Pereżempju, forsi nsiru nafu li xi ħadd fil-​kongregazzjoni tagħna għandu bżonn l-​għajnuna jew hemm xi ħaġa oħra li teħtieġ issir. Jew tinqara ittra mill-​uffiċċju tal-​fergħa dwar il-​bżonn taʼ għajnuna xi mkien ieħor. Bi tweġiba, nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘X’nistaʼ nagħmel biex ngħin?’ Jew forsi ġejna mistidnin naċċettaw inkarigu diffiċli u ma nafux jekk nistgħux nagħmluh tajjeb biżżejjed. Jew wara li nkunu qrajna xi versi mill-​Bibbja, naħsbu, ‘Kif nistaʼ napplika dan ir-​rakkont biex ngħin lil oħrajn?’ Ġeħova mhux se jisforzana biex nagħmlu xi ħaġa. Imma meta jara li qed naħsbu dwar x’nistgħu nagħmlu, hu jistaʼ jagħtina x-​xewqa biex naġixxu fuq dak li ħsibna.

4. Ġeħova kif jistaʼ jagħtina l-​qawwa biex naġixxu?

4 Ġeħova jistaʼ wkoll jagħtina l-​qawwa biex naġixxu. (Is. 40:29) Kif? Hu jistaʼ jagħtina l-​ispirtu qaddis biex intejbu l-​abbiltajiet li diġà għandna. (Eżo. 35:30-35) Ġeħova jistaʼ juża l-​organizzazzjoni tiegħu biex jgħallimna kif nagħmlu ċerti xogħlijiet. Jekk qatt tħossok inċert dwar kif tagħmel inkarigu, itlob l-​għajnuna. Ukoll, tiddejjaqx titlob lill-​Missier ġeneruż tagħna għall-​“qawwa iktar min-​normal.” (2 Kor. 4:7; Lq. 11:13) Il-​Bibbja fiha ħafna eżempji taʼ kif Ġeħova ta lil irġiel u nisa dak li kienu jeħtieġu billi tahom ir-​rieda u l-​qawwa biex jaġixxu. Hekk kif nikkunsidraw ftit minn dawn ir-​rakkonti, ipprova aħseb f’modi kif Ġeħova jistaʼ jużak b’mod simili.

ĠEĦOVA X’GĦENHOM ISIRU LIL XI RĠIEL?

5. X’nitgħallmu minn kif u meta Ġeħova uża lil Mosè biex jeħles lill-​poplu tiegħu?

5 Ġeħova ġiegħel lil Mosè jsir ħellies tal-​Iżraelin. Imma meta użah? Kien meta Mosè ħassu kwalifikat wara li ġie “struwit fl-​għerf kollu taʼ l-​Eġizzjani”? (Atti 7:22-25) Le, Ġeħova uża lil Mosè biss wara li Hu għenu jsir raġel umli u ġwejjed. (Atti 7:30, 34-​36) Ġeħova ta lil Mosè l-​kuraġġ biex jitkellem mal-​iktar mexxej setgħan fl-​Eġittu. (Eżo. 9:13-19) Aħna x’nitgħallmu minn kif u meta Ġeħova uża lil Mosè? Ġeħova juża lil dawk li jipprovaw jimitaw il-​kwalitajiet tiegħu u li jistrieħu fuqu għas-​saħħa.—Flp. 4:13.

6. X’nitgħallmu minn kif Ġeħova uża lil Barżillaj biex jgħin lis-​Sultan David?

6 Sekli wara, Ġeħova uża lil Barżillaj biex jgħin lis-​Sultan David. David u n-​nies taʼ miegħu kienu “bil-​ġuħ u għajjenin u bil-​għatx” waqt li kienu qed jaħarbu mit-​tifel taʼ David, Absalom. Flimkien m’oħrajn, Barżillaj, raġel avvanzat fl-​età, issogra ħajtu biex jgħin lil David u lil dawk miegħu. Hu ma kkonkludiex li minħabba l-​età avvanzata ma kienx għadu utli għal Ġeħova. Pjuttost, b’mod ġeneruż uża dak li kellu biex jgħin lill-​qaddejja t’Alla li kienu fil-​bżonn. (2 Sam. 17:27-29) X’nitgħallmu minn dan? Għandna kemm għandna età, Ġeħova jistaʼ jużana biex jgħin lil ħutna f’pajjiżna jew f’pajjiżi oħra, li huma neqsin mill-​affarijiet bażiċi tal-​ħajja. (Prov. 3:27, 28; 19:17) Anke jekk ma nistgħux nieħdu ħsiebhom direttament, forsi nistgħu nagħtu donazzjoni għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja biex din tkun disponibbli għal meta u fejn ikun hemm bżonn li tingħata għajnuna lil ħutna.—2 Kor. 8:14, 15; 9:11.

7. Ġeħova kif uża lil Simegħon, u dan għala hu inkuraġġanti għalina?

7 Ġeħova wiegħed lil Simegħon, raġel leali u avvanzat fl-​età f’Ġerusalemm, li ma kienx se jmut qabel ma jara lill-​Messija. Din il-​wegħda żgur li inkuraġġietu bil-​kbir lil Simegħon, peress li kien ilu jistenna għall-​Messija. Ġeħova bierek il-​fidi u s-​sabar taʼ Simegħon. Darba, “bil-​qawwa taʼ l-​ispirtu” hu daħal fit-​tempju. Hemmhekk ra lil Ġesù tarbija, u Ġeħova uża lil Simegħon biex jipprofetizza li dan it-​tifel kien se jsir il-​Kristu. (Lq. 2:25-35) Għalkemm Simegħon x’aktarx miet qabel ma Ġesù beda l-​ministeru tiegħu, hu kien grat li Ġeħova użah b’dal-​mod. Imma dan mhux kollox! Fid-​dinja l-​ġdida, dan ir-​raġel leali se jara kif it-​tmexxija taʼ Ġesù se tkun taʼ barka għall-​familji kollha fuq l-​art. (Ġen. 22:18) Aħna wkoll grati għal kwalunkwe mod li Ġeħova jużana fis-​servizz tiegħu.

8. Ġeħova kif jistaʼ jkun li jużana kif uża lil Barnaba?

8 Fl-​ewwel seklu wara Kristu (WK), raġel ġeneruż jismu Ġużeppi kien lest li jkun użat minn Ġeħova. (Atti 4:36, 37) L-​appostli sejħulu Barnaba, li jfisser “Bin il-​Faraġ,” probabbilment għax kien vera jinqalaʼ biex ifarraġ lil oħrajn. Pereżempju, wara li Sawl sar Kristjan, ħafna mill-​aħwa kienu jibżgħu joqogħdu miegħu minħabba li kien jippersegwita lil dawk li jemmnu f’Ġesù. Iżda Barnaba farraġ u għen lil Sawl, u taʼ dan Sawl żgur li kien grat ferm. (Atti 9:21, 26-28) Iktar tard, l-​anzjani f’Ġerusalemm raw il-​bżonn li jipprovdu inkuraġġiment lill-​aħwa li kienu f’Antjokja tas-​Sirja, pajjiż ’il bogħod. Lil min bagħtu? Lil Barnaba! Huma għamlu għażla tajba. Jintqalilna li Barnaba “beda jinkuraġġihom ilkoll biex ikomplu fil-​Mulej b’qalb deċiża.” (Atti 11:22-24) Bl-​istess mod illum, Ġeħova jistaʼ jgħin lilna wkoll biex infarrġu lil ħutna. Pereżempju, jistaʼ jkun li jużana biex infarrġu lil dawk li mitilhom xi ħadd maħbub. Jew forsi jimmotivana nżuru jew inċemplu lil xi ħadd li hu marid jew dipress biex naqsmu xi kliem inkuraġġanti miegħu. Se tħalli lil Ġeħova jużak kif uża lil Barnaba?—1 Tess. 5:14.

9. X’nitgħallmu mill-​mod kif Ġeħova għen lil ħu jismu Vasily isir ragħaj tajjeb?

9 Ġeħova għen lil ħu jismu Vasily biex isir ragħaj tajjeb. Meta taʼ 26 sena sar anzjan, hu kien jibżaʼ li ma kienx kwalifikat biex jgħin lill-​kongregazzjoni spiritwalment, l-​iżjed lil dawk li kienu għaddejjin minn żmien diffiċli. Madankollu, hu ngħata taħriġ tajjeb minn anzjani t’esperjenza u mill-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna. Vasily ħadem iebes biex jitjieb. Pereżempju, hu għamel lista taʼ miri żgħar. Hekk kif laħaq kull waħda minnhom, bil-​mod il-​mod għeleb il-​beżgħat tiegħu. Hu jgħid: “Dak li kien ibeżżagħni qabel, issa jferraħni ħafna. Jien inħoss sodisfazzjon kbir meta Ġeħova jgħinni nsib il-​vers adattat biex infarraġ ħu jew oħt fil-​kongregazzjoni.” Aħwa rġiel, jekk timitaw lil Vasily u tkunu lesti li tħallu lil Ġeħova jużakom, hu jistaʼ jagħtikom l-​abbiltà li tagħmlu iktar fil-​kongregazzjoni.

ĠEĦOVA X’GĦENHOM ISIRU LIL XI NISA?

10. X’għamlet Abigajl, u int x’titgħallem mill-​eżempju tagħha?

10 David u l-​irġiel tiegħu kienu qed jaħarbu mis-​Sultan Sawl, u kellhom bżonn l-​għajnuna. L-​irġiel taʼ David talbu ftit ikel lil raġel sinjur Iżraeli jismu Nabal. Huma ħassew li setgħu jagħmlu dan peress li kienu qed jipproteġulu l-​merħla fix-​xagħri. Imma Nabal kien egoist u rrifjuta. David irrabja ħafna u ppjana biex jeqred lil Nabal u lil kull raġel f’daru. (1 Sam. 25:3-13, 22) Madankollu, Abigajl, mart Nabal, kienet għaqlija daqskemm kienet sabiħa. B’kuraġġ kbir inxteħtet f’riġlejn David u ħeġġitu biex ma jġibx il-​ħtija tad-​demm fuqu billi jivvendika ruħu. B’tattika ssuġġerietlu biex iħalli l-​kwistjoni f’idejn Ġeħova. Il-​kliem umli u l-​azzjonijiet għaqlin t’Abigajl messew qalb David. Hu rrealizza li kien Ġeħova li bagħatha. (1 Sam. 25:23-28, 32-34) Abigajl kienet ikkultivat kwalitajiet li għamluha utli għal Ġeħova. Bl-​istess mod, aħwa nisa Kristjani li jikkultivaw it-​tattika u l-​għaqal jistgħu jintużaw minn Ġeħova biex isaħħu lil familthom u oħrajn fil-​kongregazzjoni.—Prov. 24:3; Titu 2:3-5.

11. X’għamlu l-​bniet taʼ Sallum, u min qed jimitahom fi żmienna?

11 Mijiet taʼ snin wara, il-​bniet taʼ Sallum kienu fost dawk li Ġeħova uża biex jieħdu sehem f’li jsewwu s-​swar taʼ Ġerusalemm. (Neħ. 2:20; 3:12) Għalkemm missierhom kien prinċep, huma kienu lesti li jagħmlu dan ix-​xogħol diffiċli u perikoluż. (Neħ. 4:15-18) Kemm kienu differenti mill-​kbarat tat-​Tekogħin, li “ma ssottomettewx ruħhom” għax-​xogħol! (Neħ. 3:5) Ipprova immaġina kemm ferħu l-​bniet taʼ Sallum meta s-​sur tlesta fi 52 ġurnata biss! (Neħ. 6:15) Fi żmienna, aħwa nisa jieħdu pjaċir jagħmlu tip taʼ servizz speċjali għal Alla. Dan hu l-​bini u l-​manutenzjoni taʼ binjiet li huma dedikati lil Ġeħova. Is-​sengħa, l-​entużjażmu, u l-​lealtà tagħhom huma importanti ħafna biex dax-​xogħol jirnexxi.

12. Ġeħova kif jistaʼ jużana bħalma uża lil Tabita?

12 Ġeħova qanqal lil Tabita biex “tagħmel ħafna għemejjel tajbin u tagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena” speċjalment lir-​romol. (Atti 9:36) Minħabba l-​ġenerożità u l-​qalb tajba li jispikkaw tagħha, ħafna tnikktu meta mietet. Imma huma tgħidx kemm ferħu meta l-​appostlu Pietru qajjimha. (Atti 9:39-​41) X’nitgħallmu minn Tabita? Żgħar jew kbar, irġiel jew nisa, ilkoll nistgħu nagħmlu affarijiet utli biex ngħinu lil ħutna.—Ebr. 13:16.

13. Oħt mistħija jisimha Ruth kif intużat minn Ġeħova, u xi kkonkludiet?

13 Oħt mistħija jisimha Ruth xtaqet issir missjunarja. Minn mindu kienet tifla, hi kienet tmur minn dar għal dar tqassam il-​fuljetti b’żelu. “Vera kont nieħu gost nagħmel dax-​xogħol” hi tgħid. Iżda, biex titkellem fuq il-​bibien u tgħid lin-​nies dwar is-​Saltna t’Alla kienet taʼ sfida għaliha. Minkejja li kienet tistħi, Ruth saret pijuniera regulari taʼ 18-​il sena. Fl-​1946, hi attendiet l-​Iskola taʼ Gilegħad u iktar tard qdiet fil-​Ħawajj u l-​Ġappun. Ġeħova użaha bis-​sħiħ biex tipprietka f’dawn il-​pajjiżi. Wara kważi 80 sena tipprietka, Ruth ikkonkludiet: “Ġeħova dejjem saħħaħni. Hu għenni negħleb il-​mistħija. Jien ċerta mija fil-​mija li Ġeħova jistaʼ juża lil kull min jafda fih.”

ĦALLI LIL ĠEĦOVA JUŻAK

14. Skont Kolossin 1:29, x’għandna nagħmlu jekk irridu li Ġeħova jużana?

14 Matul l-​istorja, Ġeħova uża lil qaddejja tiegħu b’ħafna modi differenti. Hu x’se jġiegħlek issir? Dan jiddependi ħafna minn kemm int lest li taħdem iebes. (Aqra Kolossin 1:29.) Jekk int lest li tkun użat minn Ġeħova, hu jistaʼ jġiegħlek issir evanġelizzatur żeluż, għalliem effettiv, wieħed li kapaċi jfarraġ, ħaddiem tas-​sengħa, ħabib leali, jew kwalunkwe ħaġa li għandu bżonn biex iwettaq ir-​rieda tiegħu.

15. Skont l-​1 Timotju 4:12, 15, l-​aħwa żgħażagħ illum x’għajnuna għandhom jitolbuh lil Ġeħova?

15 Xi ngħidu għalikom żgħażagħ li daqt issiru adulti? Hemm bżonn kbir taʼ rġiel mimlijin enerġija biex jgħinu l-​kongregazzjoni bħala qaddejja ministerjali. F’ħafna kongregazzjonijiet, hemm iktar anzjani milli qaddejja ministerjali. Żgħażagħ, tistgħu tikkultivaw xewqa li tagħmlu iktar fil-​kongregazzjoni? Kultant xi aħwa rġiel jgħidu, “Kuntent naqdi bħala pubblikatur biss.” Jekk tħossok hekk, itlob lil Ġeħova jgħinek tikkultiva x-​xewqa li ssir qaddej ministerjali u jagħtik l-​abbiltà biex tagħmel kulma tistaʼ ħalli taqdih. (Ekk. 12:1) Aħna għandna bżonn l-​għajnuna tiegħek!—Aqra l-​1 Timotju 4:12, 15.

16. Għal xiex għandna nitolbu lil Ġeħova, u għala?

16 Ġeħova jistaʼ jġiegħlek issir dak kollu li għandu bżonn biex iwettaq l-​iskop tiegħu. Allura, itolbu għar-​rieda biex tagħmel xogħlu, u mbagħad itolbu jagħtik il-​qawwa li teħtieġ. Kemm jekk int żgħir u kemm jekk kbir fl-​età, uża l-​ħin, l-​enerġija, l-​abbiltajiet, u affarijiet oħra li għandek, biex tonora lil Ġeħova issa. (Ekk. 9:10) Meta tingħata l-​opportunità prezzjuża biex tagħmel iktar fis-​servizz taʼ Ġeħova, tirrifjutahiex mill-​ewwel għax taħseb li m’intix kapaċi. Huwa privileġġ taʼ veru li nagħmlu kulma nistgħu biex nagħtu l-​unur li jistħoqqlu Missierna kollu mħabba!

GĦANJA 127 It-​tip taʼ persuna li għandi nkun

^ par. 5 Tħossok int limitat fis-​servizz tiegħek lil Ġeħova? Titħasseb dwar jekk għadekx utli għalih? Jew, tħoss li m’għandekx bżonn tagħmel iktar biex taqdi lil Ġeħova bi kwalunkwe mod li jixtieq hu? Dan l-​artiklu se jiddiskuti modi differenti kif Ġeħova jistaʼ jagħtik ir-​rieda u l-​qawwa biex issir kulma hemm bżonn ħalli jwettaq l-​iskop tiegħu.

^ par. 3 Għalkemm Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Kristjani li għexu fi żmienu, kliemu japplika għall-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova.