Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Afda fil-Mexxej attiv tagħna—Il-Kristu

Afda fil-Mexxej attiv tagħna—Il-Kristu

“Wieħed hu l-​Mexxej tagħkom, il-​Kristu.”—MATTEW 23:10.

GĦANJIET: 16, 14

1, 2. Liema biċċa xogħol enormi kellu Ġożwè wara li miet Mosè?

ĠEĦOVA qal lil Ġożwè: “Mosè l-​qaddej tiegħi miet; u issa qum, aqsam din ix-​xmara, il-​Ġordan, int u dan il-​poplu kollu, lejn l-​art li se nagħti lil ulied Israel.” (Ġożwè 1:1, 2) X’bidla kienet din għal Ġożwè, li kien ilu qaddej taʼ Mosè għal kważi 40 sena!

2 Mosè kien mexxa lill-​Iżraelin għal żmien twil ħafna, imma issa Ġożwè kien se jmexxihom. Għalhekk, setaʼ tħasseb jekk in-​nies kinux se jaċċettawh bħala l-​mexxej tagħhom. (Dewteronomju 34:8, 10-​12) Waqt li jirreferi għal Ġożwè 1:1, 2, ktieb taʼ referenza Biblika jgħid li wieħed mill-​iktar żminijiet diffiċli għal pajjiż, kemm fil-​passat u kemm fil-​preżent, huwa meta mexxej jieħu post ieħor.

3, 4. Alla kif bierek lil Ġożwè talli fada fih, u x’mistoqsija nistgħu nistaqsu?

3 Ġożwè kellu raġun jinkwieta. Imma hu fada f’Ġeħova u kien lest li jsegwi l-​istruzzjonijiet tiegħu. (Ġożwè 1:9-11) Alla bierek lil Ġożwè talli fada fih u uża anġlu biex jiggwida lil Ġożwè u lill-​Iżraelin. Huwa raġunevoli li naħsbu li dan l-​anġlu kien il-​Kelma, l-​ewwel Iben imwieled t’Alla.—Eżodu 23:20-23; Ġwanni 1:1.

4 Ġeħova għen lill-​ġens taʼ Iżrael biex jaġġustaw sew għall-​bidliet li kien hemm minħabba li issa kellhom lil Ġożwè bħala l-​mexxej il-​ġdid tagħhom. Fi żmienna wkoll qed isiru ħafna bidliet kbar. Forsi nibdew naħsbu, ‘Hekk kif l-​organizzazzjoni t’Alla qed timxi ’l quddiem b’ħeffa, għandna raġunijiet biżżejjed biex nafdaw fil-​Mexxej maħtur tagħna, Ġesù?’ (Aqra Mattew 23:10.) Sabiex inwieġbu din il-​mistoqsija, se neżaminaw kif Ġeħova mexxa lill-​poplu tiegħu fil-​passat matul żminijiet taʼ bidla.

IT-​TMEXXIJA TAL-​POPLU T’ALLA GĦAL ĠOL-​ART IMWIEGĦDA

5. X’esperjenza mhux tas-​soltu kellu Ġożwè ħdejn Ġeriko? (Ara l-​ewwel stampa.)

5 Ma laħaqx għadda wisq żmien wara li l-​Iżraelin qasmu l-​Ġordan meta Ġożwè kellu esperjenza mhux tas-​soltu. Ħdejn il-​belt taʼ Ġeriko, hu ltaqaʼ maʼ raġel li kellu sejf. Ġożwè staqsa lir-​raġel: “Int favur tagħna jew favur l-​avversarji tagħna?” Ġożwè stagħġeb meta r-​raġel qal li kien il-​“prinċep [jew, il-​“kap”] taʼ l-​armata taʼ Ġeħova,” anġlu li kien lest jiddefendi l-​poplu t’Alla. (Aqra Ġożwè 5:13-15.) Għalkemm dan ir-​rakkont f’postijiet oħra jgħid li Ġeħova kien qed ikellem direttament lil Ġożwè, jidher li Alla kien qed juża anġlu biex jitkellem għalih, bħalma spiss għamel fil-​passat.—Eżodu 3:2-4; Ġożwè 4:1, 15; 5:2, 9; Atti 7:38; Galatin 3:19.

6-8. (a) Xi ftit mill-​istruzzjonijiet tal-​anġlu għala setgħu dehru strambi? (b) Kif nafu li l-​istruzzjonijiet kienu għaqlin u ġew eżatt fil-​ħin? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

6 L-​anġlu qal lil Ġożwè x’kellu bżonn jagħmel eżattament biex jirbaħ lil Ġeriko. Għall-​ewwel, xi ftit mill-​istruzzjonijiet setgħu dehru strambi. Pereżempju, l-​anġlu qal lil Ġożwè biex jagħmel iċ-​ċirkonċiżjoni lis-​suldati kollha. Dan kien ifisser li għal ftit jiem ma kinux se jkunu jistgħu jiġġieldu. Kien dan tassew l-​aħjar żmien biex issir iċ-​ċirkonċiżjoni lil dawn l-​irġiel?—Ġenesi 34:24, 25; Ġożwè 5:2, 8.

7 Forsi s-​suldati ħasbu, ‘Aħna kif se nipproteġu lill-​familji tagħna jekk l-​għadu jattakkana?’ Imma mbagħad ġrat xi ħaġa mhux mistennija! Minflok m’attakkaw lill-​Iżraelin, l-​irġiel taʼ Ġeriko beżgħu minnhom. Naqraw: “Ġeriko kienet magħluqa sew minħabba wlied Israel, u ħadd ma kien joħroġ u ħadd ma kien jidħol.” (Ġożwè 6:1) Din l-​aħbar żgur li ġiegħlet lill-​Iżraelin jafdaw saħansitra iżjed id-​direzzjoni t’Alla!

8 L-​anġlu qal lil Ġożwè li l-​Iżraelin ma kellhomx jattakkaw lil Ġeriko. Minflok, huma kellhom jimmarċjaw darba kuljum madwar il-​belt għal sitt ijiem u mbagħad sebaʼ darbiet fis-​sebaʼ jum. Is-​suldati setgħu ħasbu, ‘X’ħela taʼ żmien u enerġija!’ Imma l-​Mexxej inviżibbli taʼ Iżrael, Ġeħova, kien jaf eżattament x’kien qed jagħmel! Il-​fatt li l-​Iżraelin segwew l-​istruzzjonijiet tiegħu serva biex il-​fidi tagħhom issaħħet iktar, u ma kellhomx għalfejn jiġġieldu kontra s-​suldati taʼ Ġeriko.—Ġożwè 6:2-5; Ebrej 11:30. * (Ara n-​nota taʼ taħt.)

9. Għala għandna nsegwu kwalunkwe struzzjoni li nirċievu mill-​organizzazzjoni t’Alla? Agħti eżempju.

9 X’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-​rakkont? L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova kultant tagħmel l-​affarijiet b’mod differenti, u jistaʼ jkun li mhux dejjem nifhmu għaliex. Pereżempju, mhux dejjem stajna ħsibna li kienet idea tajba li nużaw affarijiet elettroniċi għall-​istudju personali, fil-​ministeru, jew fil-​laqgħat. Imma issa forsi naraw il-​benefiċċji taʼ li nużawhom jekk possibbli. Meta naraw ir-​riżultati pożittivi taʼ bidliet bħal dawn, il-​fidi tagħna tissaħħaħ iżjed u nsiru iktar magħqudin maʼ ħutna.

KRISTU KIF MEXXA LILL-​KRISTJANI TAL-​BIDU?

10. Min verament għamel arranġamenti għal-​laqgħa importanti tal-​ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm dwar iċ-​ċirkonċiżjoni?

10 Madwar 13-​il sena wara li Ġentil mhux ċirkonċiż jismu Kornelju sar Kristjan, xi Kristjani Lhud kienu għadhom qed jgħidu li ċ-​ċirkonċiżjoni kienet meħtieġa. (Atti 15:1, 2) Fil-​belt t’Antjokja, xi aħwa rġiel kienu qed jargumentaw dwar dan. Allura l-​anzjani għamlu arranġamenti biex Pawlu jmur u jistaqsi lill-​ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm dwar dan. Imma min verament kien qed jagħmillu l-​arranġamenti biex imur? Pawlu spjega: “Tlajt għax kelli rivelazzjoni.” Biċ-​ċar, kien Kristu li dderieġa l-​affarijiet biex il-​kwistjoni tiġi mwieġba mill-​ġemgħa li tiggverna.—Galatin 2:1-3.

Kristu kien il-Mexxej tal-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu (Ara paragrafi 10, 11)

11. (a) Xi Kristjani Lhud x’kienu għadhom jemmnu dwar iċ-​ċirkonċiżjoni? (b) Pawlu kif wera li appoġġja lill-​anzjani f’Ġerusalemm b’umiltà? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

11 Kristu dderieġa lill-​ġemgħa li tiggverna biex tagħmilha ċara li l-​Kristjani li ma kinux Lhud ma kellhomx bżonn jiġu ċirkonċiżi. (Atti 15:19, 20) Xorta waħda, snin wara li ttieħdet din id-​deċiżjoni, ħafna Kristjani Lhud komplew jagħmlu ċ-​ċirkonċiżjoni lil uliedhom. Imbagħad l-​anzjani f’Ġerusalemm semgħu x-​xniegħa li Pawlu ma kienx qed jirrispetta l-​Liġi taʼ Mosè. Allura l-​anzjani talbu lil Pawlu jagħmel xi ħaġa li kienet se turi li kellu rispett lejn il-​Liġi. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Atti 21:20-26) Huma qalulu jieħu erbat irġiel fit-​tempju sabiex in-​nies jaraw li Pawlu kien jirrispettaha l-​Liġi. Pawlu setaʼ qal: ‘Dan ma jagħmilx sens! Għala qed titolbuni ħaġa bħal din? Il-​problema hi tal-​Kristjani Lhud li ma jifhmux il-​kwistjoni taċ-​ċirkonċiżjoni.’ Imma Pawlu fehem li l-​anzjani riedu lill-​Kristjani kollha jkunu magħqudin, u b’hekk segwa b’umiltà l-​istruzzjonijiet tagħhom. Madankollu, għandna mnejn nitħassbu għala Ġesù ħalla ċ-​ċirkonċiżjoni tibqaʼ tkun problema għal dak iż-​żmien kollu, minkejja li l-​Liġi taʼ Mosè kienet spiċċat meta miet Ġesù.—Kolossin 2:13, 14.

12. X’jistaʼ jispjega l-​fatt li Kristu ħalla ż-​żmien jgħaddi qabel ma ssetilja kompletament il-​kwistjoni taċ-​ċirkonċiżjoni?

12 Jistaʼ jieħu ż-​żmien biex naġġustaw għal xi fehma ġdida. Xi Kristjani Lhud kellhom bżonn iż-​żmien biex jaċċettaw il-​fatt li ma kinux għadhom taħt il-​Liġi. (Ġwanni 16:12) Huma kienu mdorrijin jaħsbu li ċ-​ċirkonċiżjoni kienet sinjal taʼ relazzjoni speċjali m’Alla. (Ġenesi 17:9-12) Oħrajn kienu qed jibżgħu li jiġu persegwitati fil-​komunitajiet Lhud tagħhom talli kienu differenti. (Galatin 6:12) Imma maż-​żmien, Kristu tahom iżjed direzzjoni f’ittri mingħand Pawlu.—Rumani 2:28, 29; Galatin 3:23-25.

KRISTU GĦADU JMEXXI LILL-​KONGREGAZZJONI TIEGĦU

13. X’jistaʼ jgħinna nappoġġjaw il-​mod kif Kristu jmexxina llum?

13 Kristu għadu l-​Mexxej tal-​kongregazzjoni Kristjana llum. Għalhekk, jekk l-​organizzazzjoni tagħmel xi bidla li ma tifhimhiex, aħseb dwar il-​mod kif Kristu mexxa lill-​poplu t’Alla fil-​passat. Kemm jekk fi żmien Ġożwè jew fi żmien l-​appostli, Kristu dejjem ta direzzjoni għaqlija biex jipproteġi lill-​poplu t’Alla, isaħħaħ iżjed il-​fidi tagħhom, u jgħinhom jibqgħu magħqudin.—Ebrej 13:8.

Id-​direzzjoni li l-​ilsir leali jagħtina llum turi li Ġesù jieħu ħsiebna

14-16. Id-​direzzjoni mill-​“ilsir leali u għaqli” kif turi li Kristu jrid jgħinna nżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha?

14 Illum, “l-​ilsir leali u għaqli” jagħtina d-​direzzjoni li għandna bżonn eżatt meta għandna bżonnha. (Mattew 24:45) Din id-​direzzjoni turi li Ġesù jieħu ħsiebna. Marc, li għandu erbat itfal, jgħid: “Satana qed jipprova jdgħajjef il-​kongregazzjonijiet billi jattakka lill-​familji. Issa, bl-​inkuraġġiment biex nikkonduċu l-​qima bħala familja kull ġimgħa, il-​messaġġ hu ċar għall-​kapijiet tal-​familja—ipproteġi lill-​familja tiegħek!”

15 Meta naraw kif Kristu qed imexxina, aħna se nifhmu li hu jrid jgħinna nżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha. Pereżempju, anzjan jismu Patrick jgħid: “Għall-​ewwel, xi wħud sabu li ma kinitx inkuraġġanti li jiltaqgħu fi gruppi żgħar għas-​servizz tal-​għalqa fi tmiem il-​ġimgħa.” Imma hu jgħid li din il-​bidla turi kif Ġesù jieħu ħsieb kulħadd fil-​kongregazzjoni. Pereżempju, xi aħwa rġiel u nisa li huma mistħijin jew li ma kinux joħorġu ħafna fil-​ministeru issa jħossuhom iktar apprezzati u utli. Dan saħħilhom il-​fidi tagħhom.

16 Kristu jgħinna wkoll biex nibqgħu nikkonċentraw fuq ix-​xogħol tal-​ippritkar tagħna, li hu l-​iktar xogħol importanti li qed isir fid-​dinja llum. (Aqra Marku 13:10.) Andrè, anzjan ġdid, dejjem ipprova jsegwi kwalunkwe direzzjoni ġdida mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Hu jgħid: “It-​tnaqqis t’aħwa li jaħdmu fl-​uffiċini tal-​fergħa jfakkarna fl-​urġenza taż-​żminijiet u fil-​bżonn li niffokaw fuq li nużaw l-​enerġija tagħna fl-​attività tal-​ippritkar.”

KIF NISTGĦU NAPPOĠĠJAW ID-​DIREZZJONI TAʼ KRISTU?

17, 18. Għala għandna niffokaw fuq il-​modi kif nibbenefikaw meta naġġustaw għall-​bidliet?

17 Id-​direzzjoni li nirċievu mingħand Ġesù Kristu, is-​Sultan renjanti tagħna, se tgħinna issa u fil-​futur. Ipprova ffoka fuq il-​modi kif ibbenefikajt minħabba li aġġustajt għal bidliet reċenti. Matul il-​qima bħala familja, int tistaʼ tiddiskuti kif il-​bidliet fil-​laqgħat jew fil-​ministeru għenu lill-​familja tiegħek.

Qiegħed tgħin lill-​familja tiegħek u oħrajn biex jaġġustaw għal bidliet fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? (Ara paragrafi 17, 18)

18 Jekk niftakru illi li nsegwu l-​istruzzjonijiet mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova jwassal għal ħafna riżultati tajbin, se jkun iktar faċli nsegwu dik id-​direzzjoni u nkunu ferħanin. Pereżempju, peress li m’għadniex nistampaw letteratura daqs qabel, aħna qed niffrankaw il-​flus. U għax qed nużaw teknoloġiji ġodda, nistgħu nilħqu iżjed nies bl-​aħbar tajba. Dan jgħin lill-​organizzazzjoni biex tilħaq iżjed nies bl-​aħbar tajba. Nistgħu aħna personalment nużaw iżjed il-​pubblikazzjonijiet elettroniċi, vidjows, u rekordings bl-​awdjo? Dan hu mod wieħed kif nistgħu nappoġġjaw lil Kristu, li jridna nużaw ir-​riżorsi, bħal flus, tal-​organizzazzjoni bil-​għaqal.

19. Għala għandna nappoġġjaw id-​direzzjoni taʼ Kristu?

19 Meta nappoġġjaw id-​direzzjoni taʼ Kristu nkunu qed ngħinu lil ħutna jkollhom fidi iktar b’saħħitha u jkunu iktar magħqudin. Dwar bidliet reċenti fid-​daqs tal-​familja Betel madwar id-​dinja, Andrè jgħid: “L-​attitudni mill-​aħjar li qed juru wħud li kienu Beteliti li addattaw għal bidliet bħal dawn tqanqalni biex ikolli fiduċja u rispett. Huma jżommu l-​pass mal-​karru taʼ Ġeħova billi jsibu l-​ferħ fi kwalunkwe inkarigu li jingħataw.”

ĦA JKOLLOK FIDI FIL-​MEXXEJ TAGĦNA U AFDA FIH

20, 21. (a) Għala nistgħu nafdaw fi Kristu, il-​Mexxej tagħna? (b) X’mistoqsija se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

20 Il-​Mexxej tagħna, Ġesù Kristu, dalwaqt se “jtemm ir-​rebħa tiegħu” u jwettaq affarijiet li jqanqlu l-​biżaʼ. (Rivelazzjoni 6:2; Salm 45:4) Imma anke issa qed jippreparana għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida u għax-​xogħol li se nagħmlu hemm, meta se ngħallmu lil dawk irxoxtati u ngħinu biex nagħmlu l-​art ġenna.

21 Sakemm nibqgħu nafdaw fil-​Mexxej u Sultan tagħna jiġri x’jiġri, hu se jmexxina għal ġod-​dinja l-​ġdida. (Aqra Salm 46:1-3.) Illum, il-​bidliet jistgħu jkunu diffiċli, speċjalment meta jaffettwawna b’modi mhux mistennijin. Meta jiġri dan, kif jistaʼ jibqaʼ jkollna l-​paċi tal-​moħħ u fidi b’saħħitha f’Ġeħova? Se niddiskutu din il-​mistoqsija fl-​artiklu li jmiss.

^ par. 8 L-​arkeoloġi sabu ħażniet kbar taʼ qamħ fil-​fdalijiet taʼ Ġeriko, u dan jindika li l-​assedju fuq il-​belt ma damx għaddej; lanqas il-​provvisti tal-​ikel tagħha ma nħlew. Għalkemm l-​Iżraelin ma tħallewx jieħdu mill-​ġid taʼ Ġeriko, iż-​żmien kien tajjeb għalihom biex jirbħu l-​art, għax kien żmien il-​ħsad, u kien hemm ikel abbundanti fl-​għelieqi.—Ġożwè 5:10-12.

^ par. 11 Ara l-​kaxxa “Pawlu Jiffaċċja Prova b’Umiltà” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Marzu 2003, paġna 24.