Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ngħallmu l-verità

Ngħallmu l-verità

“O Ġeħova, . . . kelmtek kollha hi verità.”—SALM 119:159, 160.

GĦANJIET: 29, 53

1, 2. (a) X’kien l-​iktar xogħol importanti fil-​ħajja taʼ Ġesù, u għala? (b) Aħna x’għandna nagħmlu biex ikollna suċċess bħala “ħaddiema sħab m’Alla”?

ĠESÙ KRISTU kien mastrudaxxa u iktar tard għalliem. (Marku 6:3; Ġwanni 13:13) Hu għamel dawn iż-​żewġ xogħlijiet b’mod perfett. Bħala mastrudaxxa, hu tgħallem kif juża l-​għodda biex jagħmel affarijiet utli mill-​injam. Bħala għalliem, hu uża l-​għarfien kbir tiegħu tal-​Iskrittura biex jgħin lin-​nies komuni jifhmu l-​verità mill-​Kelma t’Alla. (Mattew 7:28; Luqa 24:32, 45) Meta Ġesù kellu 30 sena, hu ma baqax jaħdem bħala mastrudaxxa u sar għalliem għax kien jaf li dan kien l-​iktar xogħol importanti li setaʼ jagħmel. Hu qal illi li jipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla kienet raġuni waħda għala Alla bagħtu fuq l-​art. (Mattew 20:28; Luqa 3:23; 4:43) Ġesù ffoka ħajtu fuq li jipprietka l-​aħbar tajba, u hu ried li oħrajn jagħmlu l-​istess.—Mattew 9:35-38.

2 Il-​biċċa l-​kbira minna m’aħniex mastrudaxxi, imma lkoll kemm aħna ngħallmu lil oħrajn l-​aħbar tajba. Dan ix-​xogħol tant hu importanti li Alla hu involut fih. Fil-​fatt, nissejħu “ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Korintin 3:9; 2 Korintin 6:4) Aħna naqblu mas-​salmista li qal: “Kelmtek kollha hi verità.” (Salm 119:159, 160) Iva, il-​kelma taʼ Ġeħova hi l-​verità. Huwa għalhekk li rridu nagħmlu ċert li qed ‘nimmaniġġaw sew il-​kelma tal-​verità’ fil-​ministeru tagħna. (Aqra t-​2 Timotju 2:15.) Allura nkomplu nipprovaw insiru iktar tas-​sengħa f’li nużaw il-​Bibbja, l-​għodda prinċipali tagħna biex ngħallmu lil oħrajn dwar Ġeħova, Ġesù, u s-​Saltna. Biex tgħinna jkollna suċċess fil-​ministeru tagħna, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tatna għodod utli oħrajn li għandna bżonn inkunu nafu kif nużawhom ukoll. Dawn l-​għodod qegħdin fil-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim tagħna.

3. Fuq xiex għandna niffokaw fil-​ministeru tagħna, u Atti 13:48 kif jgħinna nagħmlu dan?

3 Forsi tistaqsi għala nsejħulha l-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim u mhux il-​Kaxxa tal-​Għodda tal-​Ippritkar. Dan għaliex li “nippritkaw” ifisser li ngħaddu messaġġ. Imma li “ngħallmu” jfisser li nispjegaw dan il-​messaġġ ħalli l-​persuna tifhem dak li tismaʼ u mbagħad titqanqal biex taġixxi fuq dak li titgħallem. Tul dan iż-​żmien qasir li fadal f’din is-​sistema, aħna għandna niffokaw fuq li nibdew studji tal-​Bibbja u ngħallmu lin-​nies il-​verità ħalli jkunu jistgħu jsiru dixxipli taʼ Kristu. Dan ifisser li b’żelu għandna nfittxu lil dawk kollha li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem” u ngħinuhom jibdew jaqdu lil Ġeħova.—Aqra Atti 13:44-48.

4. Kif nistgħu nsibu lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem”?

4 Kif nistgħu nsibu lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem”? Għall-​Kristjani tal-​bidu, l-​uniku mod kif isibu nies bħal dawn kien li jippritkaw. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “F’kull belt jew raħal li tidħlu, fittxu lil min jistħoqqlu.” (Mattew 10:11) Illum, aħna għandna bżonn nagħmlu l-​istess. Ovvjament, jekk in-​nies mhumiex sinċieri, huma kburin, jew ma tantx jimpurtahom minn Alla, aħna ma nistennewx li jisimgħu l-​aħbar tajba. Aħna qed infittxu nies li huma sinċieri, umli, u li verament iridu jkunu jafu l-​verità. Nistgħu nqabblu t-​tfittxija tagħna għan-​nies maʼ dak li kellu jagħmel Ġesù meta kien mastrudaxxa. Qabel ma setaʼ jagħmel xi biċċa għamara, bieb, madmad, jew xi ħaġa oħra, l-​ewwel kellu jsib l-​injam it-​tajjeb. Imbagħad setaʼ jġib il-​kaxxa tal-​għodda tiegħu, juża l-​abbiltajiet li kellu, u jagħmel l-​oġġett. B’mod simili, aħna l-​ewwel irridu nsibu nies sinċieri, u mbagħad inkunu nistgħu nużaw l-​għodod u l-​abbiltajiet tagħna biex ngħinuhom isiru dixxipli.—Mattew 28:19, 20.

5. X’hemm bżonn inkunu nafu dwar l-​għodod fil-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim? Agħti eżempju. (Ara l-​ewwel stampi.)

5 F’kaxxa tal-​għodda, kull għodda għandha skop speċifiku. Pereżempju, aħseb dwar l-​għodod li Ġesù uża bħala mastrudaxxa. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Hu kellu bżonn għodod biex ikejjel, jimmarka, jaqtaʼ, itaqqab, u jifforma l-​injam, kif ukoll għodod biex jinvella l-​biċċiet tal-​injam u jgħaqqadhom flimkien. B’mod simili, kull għodda fil-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim għandha skop speċifiku. Allura ejja nsiru nafu kif nużaw dawn l-​għodod importanti.

GĦODOD LI JURU LIN-​NIES MIN AĦNA

6, 7. (a) Int kif użajt il-​kards tal-​jw.org? (b) Għala nużaw l-​inviti għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni?

6 Kards tal-​jw.org. Dawn l-​għodod huma żgħar imma huma effettivi ħafna f’li juru lin-​nies min aħna u jiħduhom fil-​websajt tagħna jw.org. Fuq il-​websajt tagħna huma jistgħu jitgħallmu iktar dwarna u saħansitra jitolbu studju tal-​Bibbja. Minn kemm ilha li saret il-​websajt, iktar minn 400,000 persuna talbu għal studju tal-​Bibbja, u mijiet iktar jagħmlu dan kuljum! Int tistaʼ żżomm fuqek ftit kards tal-​jw.org u tużahom waqt li titkellem man-​nies li tiltaqaʼ magħhom mal-​ġurnata.

7 Inviti. Fl-​invit ipprintjat għal-​laqgħat tagħna hemm miktub: “Int mistieden tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova.” Imbagħad hemm miktub li tistaʼ tagħmel dan “fil-​laqgħat pubbliċi tagħna” jew “maʼ għalliem personali.” Allura, l-​invit juri lin-​nies min aħna u jistieden lil dawk li huma “konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom” biex jistudjaw il-​Bibbja magħna. (Mattew 5:3) Naturalment, in-​nies huma milqugħin biex jattendu l-​laqgħat tagħna kemm jekk jaċċettaw studju tal-​Bibbja u kemm jekk le. Meta jiġu l-​laqgħat tagħna, se jaraw kemm jistgħu jitgħallmu dwar il-​Bibbja.

8. Għala hu importanti għan-​nies li jattendu minn tal-​inqas darba għal-​laqgħat tagħna? Agħti eżempju.

8 Hu importanti li nibqgħu nistiednu n-​nies biex jattendu minn tal-​inqas darba għal-​laqgħat tagħna. Għala? Għax meta jiġu se jaraw li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jgħallmu l-​verità mill-​Bibbja u jgħinu lin-​nies isiru jafu lil Alla, filwaqt li reliġjonijiet foloz ma jagħmlux dan. (Isaija 65:13) Pereżempju xi snin ilu, koppja fl-​Istati Uniti li jisimhom Ray u Linda nnotawha din id-​differenza. Huma kienu jemmnu f’Alla u riedu jsiru jafuh aħjar. Allura ddeċidew li jżuru l-​knejjes kollha fil-​belt tagħhom u jfittxu għal żewġ affarijiet qabel ma jingħaqdu maʼ waħda minnhom. L-​ewwel, kellhom jitgħallmu xi ħaġa fil-​knisja, u t-​tieni, il-​membri tal-​knisja kellhom ikunu lebsin bħal uħud li jgħidu li jaqdu lil Alla. Dan ħadilhom xi snin għax kien hemm ħafna knejjes. Imma kienu diżappuntati ħafna. Ma kienu tgħallmu xejn, u l-​membri tal-​knisja ma kinux jilbsu lbies li jġib rispett. Wara li żaru l-​aħħar knisja fuq il-​lista tagħhom, Linda marret għax-​xogħol u Ray mar id-​dar. Fi triqtu lejn id-​dar, hu għadda minn ħdejn Sala tas-​Saltna u ħaseb, ‘Ħa nidħol u nara x’jagħmlu.’ Ċertament, din kienet l-​aħjar esperjenza minnhom kollha! Fis-​Sala tas-​Saltna kulħadd kien qalbu tajba u dħuli u liebes pulit ħafna. Ray qagħad bilqiegħda fuq quddiem u tgħidx kemm ħa gost b’dak li tgħallem! Dan ifakkarna fid-​deskrizzjoni tal-​appostlu Pawlu taʼ persuna li tattendi laqgħa għall-​ewwel darba u tgħid: “Alla tassew qiegħed fostkom.” (1 Korintin 14:23-25) Wara dan, Ray attenda l-​laqgħa kull nhar taʼ Ħadd. Imbagħad beda jattendi kull laqgħa taʼ matul il-​ġimgħa. Anke Linda bdiet tattendi l-​laqgħat, u għalkemm kellhom fuq is-​70 sena, studjaw il-​Bibbja u tgħammdu.

GĦODOD BIEX NIBDEW KONVERSAZZJONI

9, 10. (a) Il-​fuljetti għala huma faċli biex tużahom? (b) Spjega kif tuża l-​fuljett X’inhi s-​Saltna t’Alla?

9 Fuljetti. Għandna tmien fuljetti fil-​kaxxa tal-​għodda tagħna. Huma faċli biex tużahom, u effettivi biex tibda konversazzjoni. Minn mindu ħarġu dawn il-​fuljetti, fl-​2013, xi ħames biljun kopja minnhom ġew ipprintjati! Dawn il-​fuljetti huma ddisinjati bl-​istess mod. Għalhekk, ladarba titgħallem tuża waħda minnhom, tistaʼ tużahom kollha! Kif tistaʼ tuża fuljett biex tibda konversazzjoni?

10 Forsi tixtieq tuża l-​fuljett X’inhi s-​Saltna t’Alla? Uri lill-​persuna l-​mistoqsija li qiegħda fuq quddiem u staqsi: “Qatt ħsibt x’inhi s-​Saltna t’Alla? Taħseb li hi . . . ?” Imbagħad staqsi liema waħda mit-​tliet tweġibiet kieku jagħżel. Minflok ma tgħidlu jekk it-​tweġiba tiegħu hix tajba jew ħażina, sempliċement iftaħ il-​fuljett fejn hemm miktub “Dak li tgħid il-​Bibbja” u aqra l-​iskritturi li jidhru hemm, Danjel 2:44 u Rivelazzjoni 11:15. Lejn l-​aħħar tal-​konversazzjoni, staqsi l-​mistoqsija li qiegħda fuq wara taħt it-​titlu “Aħseb dwar dan”: “Kif se tkun il-​ħajja taħt il-​ħakma tas-​Saltna t’Alla?” Int tistaʼ twieġeb din il-​mistoqsija fil-​konversazzjoni li jmiss. Meta terġaʼ tiltaqaʼ mal-​persuna, tistaʼ tuża lezzjoni 7 tal-​browxer Aħbar Tajba Mingħand Alla!, li hu wieħed mill-​għodod biex nibdew studju tal-​Bibbja.

GĦODOD LI JQAJMU L-​INTERESS FIL-​BIBBJA

11. Għal liema skop ġew iddisinjati r-​rivisti tagħna, u x’għandna bżonn inkunu nafu dwarhom?

11 Rivisti. It-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! huma l-​iktar rivisti ppubblikati u tradotti fid-​dinja! Peress li nies minn pajjiżi differenti jaqraw dawn ir-​rivisti, is-​suġġetti fuq il-​qoxra huma ddisinjati biex ikunu interessanti għal kulħadd. Aħna għandna nużaw dawn ir-​rivisti biex ngħinu lin-​nies jiffokaw fuq dak li hu l-​iktar importanti fil-​ħajja llum. Imma l-​ewwel, għandna bżonn inkunu nafu għal liema tip taʼ persuna ġiet miktuba kull rivista.

12. (a) Għal min ġie ddisinjat Stenbaħ!, u x’inhu l-​iskop tiegħu? (b) X’esperjenzi tajbin kellek reċentement b’din l-​għodda?

12 Stenbaħ! hu ddisinjat għal nies li jafu ftit li xejn jew xejn affattu dwar il-​Bibbja. Huma għandhom mnejn ma jafu xejn dwar tagħlim Kristjan, jistaʼ jkun ma tantx jafdaw ir-​reliġjon, jew forsi ma jirrealizzawx li l-​Bibbja tistaʼ tgħinhom fil-​ħajja personali tagħhom. Wieħed mill-​iskopijiet prinċipali taʼ Stenbaħ! hu li jikkonvinċi lill-​qarrej li Alla jeżisti. (Rumani 1:20; Ebrej 11:6) Ukoll, jipprova jgħin lill-​qarrej ikollu fidi li l-​Bibbja “hi tassew . . . il-​kelma t’Alla.” (1 Tessalonikin 2:13) It-​tliet ħarġiet għall-​2018 għandhom dawn it-​titli: “It-​triq li twassal għall-​ferħ veru,” “12-​il sigriet taʼ familji li jirnexxu,” u Għajnuna għal dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż.”

13. (a) L-​edizzjoni għall-​pubbliku tat-​Torri tal-​Għassa għal min hi ddisinjata? (b) X’esperjenzi tajbin kellek reċentement b’din l-​għodda?

13 L-​iskop prinċipali tal-​edizzjoni għall-​pubbliku tat-​Torri tal-​Għassa hu biex jispjega tagħlim mill-​Bibbja lil nies li diġà għandhom xi ftit rispett għal Alla u l-​Bibbja. Huma forsi jkunu jafu xi affarijiet dwar il-​Bibbja, imma ma jifhmux eżattament dak li tgħallem. (Rumani 10:2; 1 Timotju 2:3, 4) It-​tliet ħarġiet għall-​2018 iwieġbu dawn il-​mistoqsijiet: “Il-​Bibbja għadha tgħodd għal żmienna?,” “X’hemm lest għall-​bniedem fil-​futur?,” u “Jimpurtah Alla minnek?

GĦODOD LI JQANQLU AZZJONI

14. (a) Għal liema skop ġew iddisinjati l-​erbaʼ vidjows fil-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim tagħna? (b) X’esperjenzi tajbin kellek meta wrejt dawn il-​vidjows?

14 Vidjows. Fi żmien Ġesù, l-​unika għodda li mastrudaxxa kellu kienet għodda li titħaddem bl-​idejn. Imma llum, il-​mastrudaxxi għandhom ukoll għodda li taħdem bid-​dawl, bħal drilers u magni li jaqtgħu u jixkatlaw l-​injam. Illum meta nippritkaw, flimkien mal-​letteratura pprintjata, aħna għandna vidjows sbieħ x’nuruhom lin-​nies. Erbgħa minnhom qegħdin fil-​kaxxa tal-​għodda tagħna: Għala għandek tistudja l-​Bibbja?, X’jiġri matul studju tal-​Bibbja?, X’jiġri f’Sala tas-​Saltna?, u Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova—Min aħna? Il-​verżjoni qasira taʼ dawn il-​vidjows fiha inqas minn żewġ minuti u hi tajba għall-​ewwel konversazzjoni. Il-​verżjoni twila tistaʼ tintuża waqt żjajjar lura u maʼ dawk li għandhom iktar ħin. Dawn il-​vidjows huma għodod mill-​isbaħ għax jistgħu jqanqlu lin-​nies biex jistudjaw il-​Bibbja u jattendu l-​laqgħat tagħna.

15. X’effett jistaʼ jkun hemm meta n-​nies jaraw wieħed mill-​vidjows tagħna bil-​lingwa tagħhom stess? Agħti eżempji.

15 Pereżempju, oħt iltaqgħet maʼ mara li kienet mill-​Mikroneżja u li l-​ewwel lingwa tagħha hi l-​Yapese. L-​oħt urietha l-​vidjow Għala għandek tistudja l-​Bibbja? bil-​lingwa tagħha. Kif beda l-​vidjow, il-​mara qalet: “Din il-​lingwa tiegħi. Ma nistax nemmen! Mill-​aċċent tiegħu nistaʼ ngħid li hu mill-​gżira tiegħi. Jitkellem il-​lingwa tiegħi!” Wara dan, hi qalet li kienet se taqra u tara kulma hemm fuq jw.org bil-​lingwa tagħha. (Qabbel Atti 2:8, 11.) Eżempju ieħor hu dak taʼ oħt fl-​Istati Uniti li n-​neputi tagħha jgħix f’kontinent differenti. Hi bagħtitlu link tal-​istess vidjow bil-​lingwa tiegħu. Hu ra l-​vidjow u bagħat jgħidilha: “B’mod partikolari laqtitni l-​parti fejn qal li d-​dinja kollha hi taħt idejn il-​ħażin. Tlabt għal studju tal-​Bibbja.” Din l-​esperjenza hi speċjalment tal-​għaġeb għax hu jgħix f’pajjiż fejn ix-​xogħol tagħna ma jistax isir bil-​libertà kollha!

GĦODOD LI JGĦALLMU L-​VERITÀ

16. Spjega l-​iskop speċifiku taʼ kull browxer: (a) Ismaʼ Minn Alla u Tgħix Għal Dejjem. (b) Aħbar Tajba Mingħand Alla! (ċ) Min Qed Jagħmel ir-​Rieda taʼ Ġeħova Llum?

16 Browxers. Kif nistgħu ngħallmu l-​verità lil xi ħadd li ma jaqrax sew jew li m’għandu l-​ebda letteratura Biblika bil-​lingwa tiegħu? Nistgħu nużaw il-​browxer Ismaʼ Minn Alla u Tgħix Għal Dejjem. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Għodda eċċellenti biex tibda studju tal-​Bibbja hi l-​browxer Aħbar Tajba Mingħand Alla! Int tistaʼ turi lil persuna l-​14-​il suġġett fuq il-​qoxra taʼ wara u tistaqsih liema wieħed minnhom jinteressah l-​iktar. Imbagħad ibda l-​istudju f’dik il-​lezzjoni. Ipprovajt tagħmel dan fiż-​żjajjar lura tiegħek? It-​tielet browxer fil-​kaxxa tal-​għodda tagħna hu Min Qed Jagħmel ir-​Rieda taʼ Ġeħova Llum? Dan il-​browxer hu ddisinjat biex jgħallem lill-​istudenti tal-​Bibbja dwar l-​organizzazzjoni tagħna. Biex tkun taf kif tuża dan il-​browxer f’kull studju tal-​Bibbja, ara l-​ħarġa taʼ Marzu 2017 tal-​Ħajja u l-​Ministeru Kristjan Tagħna—Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa.

17. (a) Liema skop speċifiku għandu kull ktieb tal-​istudju? (b) X’hemm bżonn jagħmlu dawk kollha li jitgħammdu, u għala?

17 Kotba. Wara li tibda studju maʼ xi ħadd billi tuża browxer, tistaʼ taqleb għall-​ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Bibbja? xħin trid. Din l-​għodda tistaʼ tgħin lin-​nies jitgħallmu iktar dwar tagħlim bażiku tal-​Bibbja. Jekk l-​istudent qed jagħmel progress u jlesti dan il-​ktieb, tistaʼ tkompli l-​istudju bil-​ktieb Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Din l-​għodda se tgħallem lill-​istudent kif japplika prinċipji Bibliċi f’ħajtu. Ftakar li anke wara li jitgħammed, xi ħadd ġdid xorta għandu bżonn ikompli l-​istudju tiegħu sakemm jispiċċa ż-​żewġ kotba. Dan se jgħinu jkollu fidi b’saħħitha f’Ġeħova u  jibqaʼ leali lejh.—Aqra Kolossin 2:6, 7.

18. (a) L-​1 Timotju 4:16 x’jinkuraġġina nagħmlu bħala għalliema tal-​verità, u xi jkun ir-​riżultat? (b) X’inhi l-​mira tagħna hekk kif nużaw il-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim?

18 Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, għandna r-​responsabbiltà li ngħallmu lin-​nies “il-​verità taʼ l-​aħbar tajba” li tistaʼ twassalhom għall-​ħajja taʼ dejjem. (Kolossin 1:5; aqra l-​1 Timotju 4:16.) Bħala għajnuna biex nagħmlu dan, għandna l-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim bl-​għodod li neħtieġu. (Ara l-​kaxxa “ Il-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim.”) Ejja nużaw dawn l-​għodod bl-​aħjar mod possibbli. Kull wieħed minna jistaʼ jagħżel liema għodda fil-​kaxxa tal-​għodda se juża u meta jużaha. Imma ftakar, il-​mira tagħna mhix li nqassmu letteratura biss, u aħna ma nagħtux letteratura lil nies li mhumiex interessati fil-​messaġġ tagħna. Il-​mira tagħna hi li nagħmlu dixxipli min-​nies li huma sinċieri, umli, u li verament jixtiequ jsiru jafu lil Alla, nies li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem.”—Atti 13:48; Mattew 28:19, 20.

^ par. 5 Ara kapitlu 19, paragrafu 16 tal-​ktieb Imita l-​fidi tagħhom u l-​artiklu “The Carpenter” u l-​kaxxa “The Carpenter’s Toolbox” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 t’Awwissu 2010.

^ par. 16 Jekk xi ħadd ma jafx jaqra, tistaʼ tgħidlu jsegwik mill-​browxer Ismaʼ Minn Alla, li l-​iktar li fih huma stampi.

^ par. 17 Meta l-​ktieb Kif tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla jkun disponibbli, għandek tibda tuża lilu.