Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm il-paċi tal-moħħ minkejja ċirkustanzi li jinbidlu

Żomm il-paċi tal-moħħ minkejja ċirkustanzi li jinbidlu

“Jien ikkalmajt u kkwitajt ix-​xewqat taʼ ruħi.”—SALM 131:2.

GĦANJIET: 128, 129

1, 2. (a) Bidliet f’daqqa fil-​ħajja kif jistgħu jaffettwawna? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) Skont Salm 131, x’jistaʼ jgħinna jkollna l-​paċi tal-​moħħ?

WARA li Lloyd u Alexandra kienu qdew fil-​Betel għal iktar minn 25 sena, huma ġew assenjati bħala pijunieri. Għall-​ewwel kienu mdejqin. Lloyd jgħid: “Kont inħossni bħallikieku Betel u l-​inkarigu tax-​xogħol tiegħi kienu saru l-​identità tiegħi. Jien fhimt ir-​raġunijiet għall-​bidla, imma fil-​ġimgħat u x-​xhur taʼ wara, spiss ħassejtni li ġejt imwarrab.” Lloyd daqqa ħassu pożittiv dwar il-​bidla, u daqqa ħassu mdejjaq.

2 Minn żmien għall-​ieħor, f’ħajjitna se jkun hemm bidliet li ma stennejnihomx, u dawn jistgħu jikkaġunawlna ħafna ansjetà u stress. (Proverbji 12:25) Meta l-​bidliet ikunu diffiċli biex naċċettawhom jew li naġġustaw għalihom, x’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu kalmi? (Aqra Salm 131:1-3.) Ejja naraw kif xi qaddejja taʼ Ġeħova, kemm fil-​passat u kemm fi żmienna, setgħu jkollhom paċi tal-​moħħ anke meta ħajjithom inbidlet f’daqqa.

KIF “IL-​PAĊI T’ALLA” TGĦINNA

3. Il-​ħajja taʼ Ġużeppi kif inbidlet f’daqqa?

3 Aħseb dwar l-​eżempju taʼ Ġużeppi. Mit-​tfal kollha li kellu Ġakobb, Ġużeppi kien il-​favorit tiegħu. B’hekk, ħutu saru għajjurin ħafna. Meta Ġużeppi kellu 17-​il sena, huma bigħuh bħala lsir. (Ġenesi 37:2-4, 23-28) Għal madwar 13-​il sena, hu sofra fl-​Eġittu, l-​ewwel bħala lsir u iktar tard bħala priġunier. Ġużeppi kien ’il bogħod minn missieru u kien iħobbu ħafna. Is-​sitwazzjoni tiegħu setgħet ġegħlitu jħossu bla tama u rrabjat, imma ma ġarax hekk. X’għenu?

4. (a) X’għamel Ġużeppi meta kien fil-​ħabs? (b) Ġeħova kif wieġeb it-​talb taʼ Ġużeppi?

4 Waqt li Ġużeppi kien qed isofri fil-​ħabs, żgur li qagħad jaħseb fuq kemm Ġeħova kien qed jgħinu. (Ġenesi 39:21; Salm 105:17-19) Forsi ħaseb ukoll fuq il-​ħolm profetiku li kellu meta kien iżgħar u ħassu aċċertat li Ġeħova kien miegħu. (Ġenesi 37:5-11) Probabbilment, spiss talab u fetaħ qalbu beraħ maʼ Ġeħova. (Salm 145:18) U Ġeħova wieġeb it-​talb taʼ Ġużeppi billi tah il-​fiduċja li Hu kien se jkun “miegħu” jiġri x’jiġri.—Atti 7:9, 10. * (Ara n-​nota taʼ taħt.)

5. “Il-​paċi t’Alla” kif tistaʼ tagħmilna iktar determinati biex naqdu lil Ġeħova?

5 Tkun kemm tkun diffiċli s-​sitwazzjoni tagħna, aħna jistaʼ jkollna “l-​paċi t’Alla” li tipproteġi lil moħħna u ġġegħelna nħossuna kalmi. (Aqra Filippin 4:6, 7.) Meta nħossuna ansjużi u stressjati, “il-​paċi t’Alla” tistaʼ ssaħħaħna biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova u ma naqtgħux qalbna. Ejja nitgħallmu minn xi eżempji fi żmienna t’aħwa rġiel u nisa li esperjenzaw dan.

ITLOB LIL ĠEĦOVA JGĦINEK BIEX JERĠAʼ JKOLLOK IL-​PAĊI

6, 7. It-​talb tagħna kif jistaʼ jgħinna jerġaʼ jkollna l-​paċi tal-​moħħ? Agħti eżempju.

6 Meta Ryan u Juliette saru jafu li l-​inkarigu tagħhom bħala pijunieri speċjali temporanji kien spiċċa, huma ħassewhom skuraġġiti. Ryan jgħid: “Qbadna u tlabna lil Ġeħova. Konna nafu li hawn kellna opportunità speċjali biex nuru fiduċja fih. Ħafna fil-​kongregazzjoni tagħna kienu ġodda fil-​verità, allura tlabna biex Ġeħova jgħinna nagħtuhom eżempju eċċellenti taʼ fidi.”

7 Ġeħova kif wieġeb it-​talba tagħhom? Ryan jgħid: “Eżatt wara t-​talba, is-​sentimenti negattivi u l-​inkwiet li għall-​ewwel kellna sparixxew. Il-​paċi t’Alla kienet qed tħarsilna lil qlubna u moħħna. Aħna rrealizzajna li stajna nkomplu nkunu utli għal Ġeħova jekk jibqaʼ jkollna l-​attitudni t-​tajba.”

8-10. (a) L-​ispirtu t’Alla kif jistaʼ jgħinna meta nkunu ansjużi? (b) Ġeħova kif jistaʼ jgħinna meta niffokaw fuq li naqduh?

8 L-​ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinna nħossuna kalmi, u jistaʼ wkoll jidderiġina lejn versi fil-​Bibbja li se jgħinuna nifhmu dak li hu verament importanti fil-​ħajja. (Aqra Ġwanni 14:26, 27.) Ara x’ġara lil Philip u Mary, koppja miżżewġa li kienu ilhom Betel għal kważi 25 sena. Fi żmien erbaʼ xhur, ommijiethom it-​tnejn u xi ħadd ieħor fil-​familja mietu, u kellhom jieħdu ħsieb missier Mary, li għandu d-​dimenzja.

9 Philip jgħid: “Sa ċertu punt ħsibt li kont qed inkampa, imma kien jonqos xi ħaġa. F’artiklu tal-​istudju tat-​Torri tal-​Għassa, qrajt dwar Kolossin 1:11. Veru li kont qed nissaporti, imma mhux bis-​sħiħ. Kelli bżonn nissaporti bis-​sħiħ bil-​paċenzja u l-​ferħ. Dan il-​vers fakkarni li l-​ferħ tiegħi fil-​ħajja jiddependi mill-​effett li jkollu l-​ispirtu t’Alla f’ħajti u mhux miċ-​ċirkustanzi tiegħi.”

10 Peress li Philip u Mary baqgħu ffokati fuq li jaqdu lil Ġeħova, hu berikhom b’ħafna modi. Ftit wara li kellhom jitilqu mill-​Betel, it-​tnejn li huma sabu studenti tal-​Bibbja li għamlu progress u li riedu jistudjaw iżjed minn darba fil-​ġimgħa. Mary tgħid: “Kienu l-​għaxqa taʼ qalbna u kien il-​mod li bih Ġeħova qalilna li kollox kien se jmur tajjeb.”

AGĦTI LIL ĠEĦOVA XI ĦAĠA XI JBIEREK

Kif nistgħu nimitaw lil Ġużeppi minkejja x’jiġri fil-ħajja tagħna? (Ara paragrafi 11-13)

11, 12. (a) Ġużeppi kif ta lil Ġeħova xi ħaġa xi jbierek? (b) Ġeħova kif ippremja lil Ġużeppi?

11 Meta niġu ffaċċjati b’bidliet f’daqqa, tant nistgħu nsiru ansjużi li l-​problemi biss jiġu f’moħħna. Dan setaʼ ġara lil Ġużeppi. Minflok, hu għażel li jagħmel l-​aħjar li setaʼ fis-​sitwazzjoni tiegħu. Bħalma Ġużeppi kien ħadem iebes għal Potifar, hu għamel l-​istess fil-​ħabs f’kull ma kien jgħidlu jagħmel l-​uffiċjal ewlieni.—Ġenesi 39:21-23.

12 Ġurnata waħda, Ġużeppi ġie inkarigat biex jieħu ħsieb żewġ priġunieri li kienu qdew fil-​palazz tal-​Fargħun. Ġużeppi kien qalbu tajba magħhom, u l-​irġiel ħassewhom komdi biżżejjed li jgħidulu dwar dak li kien jinkwetahom u l-​ħolm li ħawwadhom tal-​lejl taʼ qabel. (Ġenesi 40:5-8) Ġużeppi ma kienx jaf dak il-​ħin, imma din il-​konversazzjoni kellha fl-​aħħar twassal għall-​ħelsien tiegħu. Sentejn wara nħeles mill-​ħabs u sar mexxej setgħan fl-​Eġittu. Il-​Fargħun biss kellu iktar qawwa minn Ġużeppi!—Ġenesi 41:1, 14-16, 39-41.

13. Kif nistgħu nagħtu lil Ġeħova xi ħaġa xi jbierek, tkun xi tkun is-​sitwazzjoni tagħna?

13 Bħal Ġużeppi, aħna nistgħu nsibu ruħna f’sitwazzjoni li ma jkollniex kontroll fuqha. Imma jekk inkunu paċenzjużi u nagħmlu l-​aħjar li nistgħu, Ġeħova se jberikna. (Salm 37:5) Anke jekk inħossuna “mifxulin” u ansjużi, mhux se nkunu bla tama, jew li ma jkollniex “assolutament minfejn noħorġu.” (2 Korintin 4:8) Ġeħova se jkun magħna, speċjalment jekk nibqgħu ffokati fuq il-​ministeru tagħna.

IBQAʼ FFOKAT FUQ IL-​MINISTERU TIEGĦEK

14-16. Filippu l-​evanġelizzatur kif baqaʼ ffokat fuq il-​ministeru minkejja li ħajtu nbidlet?

14 Filippu l-​evanġelizzatur kien eżempju eċċellenti taʼ xi ħadd li baqaʼ ffokat fuq il-​ministeru tiegħu minkejja kif inbidlet ħajtu. Għal xi żmien, kien qed igawdi inkarigu ġdid f’Ġerusalemm. (Atti 6:1-​6) Imbagħad kollox inbidel. Wara li Stiefnu nqatel, kien hemm persekuzzjoni ħarxa kontra l-​Kristjani u dawn ħarbu minn Ġerusalemm. Peress li Filippu ried li jibqaʼ jkollu x’jagħmel fix-​xogħol taʼ Ġeħova, hu mar fil-​belt taʼ Samarija, fejn in-​nies kellhom bżonn jisimgħu l-​aħbar tajba.—Mattew 10:5; Atti 8:1, 5.

15 Filippu kien lest imur kull fejn l-​ispirtu t’Alla dderiġieh. B’hekk, Ġeħova użah biex jipprietka f’territorji ġodda. Ħafna Lhud ħasbu li kienu aħjar mis-​Samaritani u ttrattawhom ħażin. Imma Filippu ma kienx preġudikat, u b’żelu qasam l-​aħbar tajba magħhom. Mhux taʼ b’xejn li s-​Samaritani semgħuh “b’fehma waħda”!—Atti 8:6-8.

16 Wara dan, l-​ispirtu t’Alla dderieġa lil Filippu biex jipprietka fil-​bliet t’Asdod u Ċesarija, fejn kien hemm ħafna Ġentili. (Atti 8:39, 40) Madwar 20 sena wara li beda l-​ippritkar tiegħu fis-​Samarija, il-​ħajja taʼ Filippu reġgħet inbidlet. Hu ssetilja u kellu familja. Imma minkejja t-​tibdil kollu fil-​ħajja taʼ Filippu, hu baqaʼ ffokat fuq il-​ministeru, u Ġeħova kompla jbierek lilu u lill-​familja tiegħu.—Atti 21:8, 9.

17, 18. Meta ħajjitna tinbidel b’xi mod, li niffokaw fuq il-​ministeru kif se jgħinna?

17 Ħafna aħwa fis-​servizz full-​time jgħidu illi li jiffokaw fuq il-​ministeru tagħhom jgħinhom jibqgħu ferħanin u pożittivi anke meta jinbidlulhom iċ-​ċirkustanzi. Pereżempju, meta koppja mill-​Afrika t’Isfel jisimhom Osborne u Polite kellhom jitilqu mill-​Betel, huma ħasbu li kien se jkun faċli jsibu xogħol part-​time u post fejn joqogħdu. Imma Osborne jgħid: “Sfortunatament, ix-​xogħol sekulari ma ġiex malajr daqskemm ħsibna.” Polite tgħid: “Għal tliet xhur ma sibniex xogħol, u flus imfaddlin ma kellniex. Veru kienet sfida.”

18 X’għen lil Osborne u Polite f’din is-​sitwazzjoni stressanti? Osborne jgħid: “L-​ippritkar flimkien mal-​kongregazzjoni għenna ħafna biex inżommu moħħna ffokat u pożittiv.” Minflok ma sempliċement qagħdu d-​dar jinkwetaw, huma ddeċidew li jibqgħu jaħdmu fil-​ministeru. Dan ġabilhom ferħ kbir! U Osborne jkompli jgħid: “Kullimkien fittixna biex insibu xogħol u fl-​aħħar sibna.”

AFDA F’ĠEĦOVA KOMPLETAMENT

19-21. (a) X’se jgħinna nżommu l-​paċi tal-​moħħ? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw meta naġġustaw għal bidla mhux mistennija?

Il-​mod kif naġġustaw għal bidla jistaʼ attwalment isaħħaħ il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova

19 Bħalma rajna, jekk nagħmlu l-​aħjar li nistgħu fiċ-​ċirkustanzi tagħna u nafdaw kompletament f’Ġeħova, aħna se nkunu nistgħu nżommu l-​paċi tal-​moħħ jiġri x’jiġri. (Aqra Mikea 7:7.) Maż-​żmien, għandna mnejn nirrealizzaw li l-​mod kif aġġustajna għal bidla attwalment saħħaħ il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Polite tispjega li l-​fatt li minn Betel ġew assenjati bħala pijunieri għallimha x’verament ifisser li tiddependi minn Ġeħova anke meta l-​ħajja tidher diffiċli ħafna. Hi tgħid: “Ir-​relazzjoni tiegħi miegħu ssaħħet.”

20 Mary, li ssemmiet qabel, għadha tieħu ħsieb missierha, li hu mdaħħal fiż-​żmien, u tagħmel ukoll ix-​xogħol taʼ pijunier. Hi tgħid: “Tgħallimt li meta nħossni ansjuża, ikolli bżonn nieqaf, nitlob, u mbagħad nirrilassa. Li nħalli kollox f’idejn Ġeħova probabbilment kienet l-​ikbar lezzjoni li tgħallimt, u tant se jkolli bżonnha fil-​futur.”

21 Lloyd u Alexandra jammettu li l-​bidliet f’ħajjithom ittestjaw il-​fidi tagħhom b’modi li qatt ma stennew. Imma huma jistgħu jaraw kif dawn il-​provi fil-​fatt għenuhom. Issa jafu li l-​fidi tagħhom hi b’saħħitha biżżejjed biex tfarraġhom meta jkollhom il-​problemi, u huma jħossu li saru nies aħjar.

Bidliet mhux mistennijin jistgħu jwasslu għal barkiet mhux mistennijin! (Ara paragrafi 19-21)

22. Jekk nagħmlu l-​aħjar li nistgħu fiċ-​ċirkustanzi tagħna, dwar xiex nistgħu nkunu ċerti?

22 F’din is-​sistema, ħajjitna tistaʼ tinbidel f’daqqa. Nistgħu ningħataw inkarigu differenti fis-​servizz taʼ Ġeħova, nibdew inbatu minn xi problemi taʼ saħħa, jew ikollna bżonn nieħdu ħsieb il-​familja tagħna b’mod ġdid. Imma jiġri x’jiġri, kun fiduċjuż li Ġeħova jimpurtah minnek u se jagħtik l-​għajnuna f’waqtha. (Ebrej 4:16; 1 Pietru 5:6, 7) U għalissa, agħmel l-​aħjar li tistaʼ fis-​sitwazzjoni tiegħek. Itlob lil Missierek, Ġeħova, u tgħallem afda fih kompletament. B’dan il-​mod, minkejja kif jinbidlu ċ-​ċirkustanzi tiegħek, dejjem se jkollok il-​paċi tal-​moħħ li tiġi mingħand Ġeħova.

^ par. 4 Snin wara, Ġużeppi semma l-​ewwel tifel li twelidlu Manasse għax, hu qal: “Alla nessieni l-​inkwiet kollu tiegħi.” Hu fehem li ibnu kien rigal mingħand Ġeħova biex ifarrġu.—Ġenesi 41:51, nota taʼ taħt.