ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 43
Ġeħova Qed Imexxi l-Organizzazzjoni Tiegħu
“‘Mhux b’qawwa militari, lanqas b’xi setgħa, imma bl-ispirtu tiegħi,’ qal Ġeħova taʼ l-armati.”—ŻAK. 4:6.
GĦANJA 40 Taʼ min aħna?
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Il-Kristjani mgħammdin kollha x’għandhom ikomplu jagħmlu?
INT mgħammed? Jekk iva, meta tgħammidt urejt quddiem kulħadd li għandek fidi f’Ġeħova u li tixtieq taqdih mal-organizzazzjoni tiegħu. * Ovvjament, il-fidi tiegħek f’Ġeħova għandha tkompli tissaħħaħ u trid tkun konvint li din hi l-organizzazzjoni li hu qed juża llum biex twettaq ix-xogħol tiegħu.
2-3. Liema tliet kwalitajiet qed juża Ġeħova biex imexxi l-organizzazzjoni tiegħu llum? Agħti eżempji.
2 Illum, il-mod kif Ġeħova jmexxi l-organizzazzjoni tiegħu juri x’tip taʼ persuna hu, xi skop jixtieq iwettaq, u x’inhuma l-livelli tiegħu. Ejja naraw tliet kwalitajiet li nistgħu nitgħallmu dwaru.
3 L-ewwel, “Alla mhux parzjali.” (Atti 10:34) L-imħabba wasslitu biex jagħti lil Ibnu ‘bħala fidwa għal kulħadd.’ (1 Tim. 2:6; Ġw. 3:16) Fil-fatt, Ġeħova juża lin-nies tiegħu biex jippritkaw l-aħbar tajba lil dawk kollha li jridu jisimgħu. B’dan il-mod, kulħadd jistaʼ jibbenefika mill-fidwa, jiġifieri, isalva. It-tieni, Ġeħova jħobb il-paċi u li l-affarijiet ikunu organizzati. (1 Kor. 14:33, 40) Allura, aħna nistennew ukoll li l-qaddejja tiegħu se jaqduh fil-paċi u b’mod organizzat. It-tielet, Ġeħova hu “l-Istruttur Grandjuż.” (Is. 30:20, 21) Għalhekk, l-organizzazzjoni tiegħu taħdem iebes biex tgħallem il-Kelma tiegħu. Dan tagħmlu kemm permezz tal-kongregazzjonijiet u kemm permezz tal-ministeru. Issa se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet: Kif il-Kristjani tal-bidu imitaw dawn it-tliet kwalitajiet? Kif fi żminijiet moderni n-nies taʼ Ġeħova għamlu dan? U kif l-ispirtu qaddis jistaʼ jgħin lilek taqdi mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova llum?
ALLA MHUX PARZJALI
4. F’Atti 1:8, Ġesù xi kmandahom jagħmlu lis-segwaċi tiegħu, u x’għajnuna wegħedhom?
4 Fi żmien il-Kristjani tal-bidu. Il-messaġġ li Ġesù pprietka ta tama lin-nies kollha. (Lq. 4:43) Hu kmanda lis-segwaċi tiegħu biex ikomplu x-xogħol li hu kien beda, u biex jagħmlu dan “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Aqra Atti 1:8.) Ovvjament, dan ix-xogħol ma setax isir bil-ħila tagħhom biss. Huma kellhom bżonn “l-ajjutant,” jiġifieri, l-ispirtu qaddis, li Ġesù kien wegħedhom.—Ġw. 14:26; Żak. 4:6.
5-6. L-ispirtu qaddis b’liema modi għen lis-segwaċi taʼ Ġesù?
5 Is-segwaċi taʼ Ġesù rċivew l-ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-sena 33. Permezz tiegħu huma mill-ewwel bdew jippritkaw, u wara ftit, eluf aċċettaw l-aħbar tajba. (Atti 2:41; 4:4) Meta n-nies bdew jippersegwitawhom, id-dixxipli ma beżgħux u baqgħu jippritkaw. Minflok, huma talbu lil Alla għall-għajnuna. Kliemhom kien: “Agħmel li l-ilsiera tiegħek jibqgħu jitkellmu l-kelma tiegħek bil-qlubija kollha.” Imbagħad huma mtlew bl-ispirtu qaddis u baqgħu “jxandru l-kelma t’Alla bil-qlubija.”—Atti 4:18-20, 29, 31.
6 Id-dixxipli taʼ Ġesù kellhom sfidi oħra. Pereżempju, ma kienx hemm ħafna kopji tal-Iskrittura. Huma ma kellhomx kotba li jispjegaw il-Bibbja bħalma għandna llum. Sfida oħra kienet li d-dixxipli kellhom jippritkaw lin-nies li jitkellmu b’ħafna lingwi differenti. Minkejja dawn l-isfidi kollha, dawn id-dixxipli żelużi għamlu affarijiet li kienu jidhru impossibbli. Madwar 30 sena wara, huma kienu ppritkaw “fil-ħolqien kollu.”—Kol. 1:6, 23.
7. Iktar minn 100 sena ilu, in-nies taʼ Ġeħova kif kienu jafu x’ried Alla, u huma x’għamlu?
7 Fi żminijiet moderni. Ġeħova kompla jmexxi u jsaħħaħ lin-nies tiegħu. Dan għamlu l-iktar permezz tal-Bibbja li nkitbet bl-ispirtu tiegħu. Fiha nsibu rakkonti dwar il-ministeru taʼ Ġesù u l-kmand li hu ta lis-segwaċi tiegħu biex ikomplu x-xogħol li hu beda. (Mt. 28:19, 20) F’Lulju tas-sena 1881, din ir-rivista qalet: “Ġeħova ma għażilniex biex nieħdu l-krettu aħna jew biex insiru sinjuri, imma biex aħna nużaw dak kollu li għandna biex l-aħbar tajba tiġi pritkata.” Il-ktieb li ħareġ fl-1919, bl-isem To Whom the Work Is Entrusted, qal: “Hemm ħafna xogħol xi jsir, imma dan huwa x-xogħol tal-Mulej, u hu bis-saħħa tiegħu li se nagħmluh.” Iva, bħal Kristjani tal-bidu, dawn l-aħwa kienu kuraġġużi u ħadmu iebes għax kienu konvinti li l-ispirtu qaddis kien se jgħinuhom jippritkaw lil kull tip taʼ nies. Anki aħna konvinti li l-ispirtu qaddis se jgħinna.
8-9. Matul is-snin, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova x’għodda użat biex tipprietka?
8 L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova minn dejjem użat l-aqwa għodda biex l-aħbar tajba tiġi pritkata. Mhux biss kien hemm pubblikazzjonijiet ipprintjati imma kien hemm ukoll il-“Photo-Drama of Creation,” il-fonografi, il-karozzi bis-sawnd, l-istazzjon tar-radju u, fi snin riċenti, l-użu tat-teknoloġija. Apparti dawn l-affarijiet, l-organizzazzjoni qed tipprovdi wkoll informazzjoni b’iktar minn elf lingwa. Riv. 14:6, 7) Ġeħova jrid li kulħadd ikun jistaʼ jismaʼ l-messaġġ tas-Saltna.
Għala? Biex kulħadd ikun jistaʼ jismaʼ l-aħbar tajba bil-lingwa tiegħu stess. Ġeħova mhux parzjali; minn qabel hu bassar li l-aħbar tajba kienet se tiġi pritkata “lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (9 Imma xi ngħidu għan-nies li ma nistgħux nitkellmu magħhom minn bieb għal bieb, forsi minħabba li jgħixu f’postijiet li mhux permess nidħlu? Biex nilħqu lil dawn in-nies, Ġeħova għen lill-organizzazzjoni tiegħu tibda tuża tipi differenti taʼ pritkar f’postijiet pubbliċi. Pereżempju, fl-2001, il-Ġemgħa li Tiggverna approvat li l-aħwa fi Franza jibdew jużaw l-istands u l-imwejjed. Maż-żmien, aħwa f’pajjiżi oħra wkoll bdew jagħmlu dan. Ir-riżultati kienu sbieħ ħafna. Fl-2011, beda programm bi prova fi New York City. Matul l-ewwel sena, l-aħwa ħallew iktar minn 100,000 ktieb u 68,911-il rivista. U madwar 4,500 persuna xtaqet tistudja l-Bibbja! Dan wera ċar li l-ispirtu qaddis kien qed jgħin biex dax-xogħol jirnexxi. Għalhekk, il-Ġemgħa li Tiggverna approvat li l-aħwa mad-dinja kollha setgħu jibdew jużaw dawn il-metodi taʼ pritkar.
10. X’nistgħu nagħmlu biex intejbu l-mod kif nippritkaw u ngħallmu?
10 X’tistaʼ tagħmel int. Waqt il-laqgħat, Ġeħova jgħallimna kif nippritkaw. Għalhekk, ikun tajjeb li tipprova tuża dak li titgħallem. Ipprietka b’mod regolari mal-grupp tas-servizz tiegħek. L-aħwa fil-grupp jistgħu jgħinuk ittejjeb il-mod kif tipprietka u tgħallem, u anki jinkuraġġuk bl-eżempju tagħhom. Anki meta jkun diffiċli, ibqaʼ pprietka. Bħalma turi l-iskrittura prinċipali taʼ dan l-artiklu, aħna nistgħu nagħmlu dak li jrid Alla għax hu jgħinna bl-ispirtu tiegħu. (Żak. 4:6) Wara kollox, dan hu x-xogħol tiegħu.
ĠEĦOVA JĦOBB L-ORDNI U L-PAĊI
11. Il-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm kif ħadmet biex ikun hemm l-ordni u l-paċi fost in-nies t’Alla?
11 Fi żmien il-Kristjani tal-bidu. Il-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm ħadmet biex ikun hemm l-ordni u l-paċi Atti 2:42) Pereżempju, meta fis-sena 49 kien hemm nuqqas taʼ qbil dwar jekk kulħadd kellux bżonn jagħmel iċ-ċirkonċiżjoni, il-ġemgħa li tiggverna ddiskutiet din il-problema bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis. Kieku l-kongregazzjoni baqgħet mifruda fuq din il-kwistjoni, ix-xogħol tal-ippritkar kien se jmur minn taħt. Għalkemm kienu Lhud, l-appostli u rġiel oħra ma ħallewx it-tradizzjonijiet jew it-tagħlim Lhudi jinfluwenzahom. Minflok, huma fittxew fil-Kelma t’Alla u talbu lil Ġeħova biex permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu jgħinhom jieħdu deċiżjoni tajba. (Atti 15:1, 2, 5-20, 28) X’kien ir-riżultat? Ġeħova bierek id-deċiżjoni tagħhom, il-kongregazzjoni baqgħet fil-paċi u magħquda, u l-aħbar tajba baqgħet tiġi ppritkata.—Atti 15:30, 31; 16:4, 5.
fost in-nies t’Alla. (12. X’juri li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova hi organizzata u għandha l-paċi?
12 Fi żminijiet moderni. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova għenet lill-poplu t’Alla jibqaʼ organizzat u fil-paċi. Lura fis-sena 1895, il-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa taʼ Sijon li Jħabbar il-Preżenza taʼ Kristu tal-15 taʼ Novembru, kellu artiklu bit-titlu “Bid-Deċenza u bl-Ordni,” li kien ibbażat fuq l-iskrittura tal-1 Korintin 14:40. L-artiklu qal: “L-appostli kitbu ħafna affarijiet lill-kongregazzjonijiet tal-bidu dwar l-ordni . . . Huwa importanti li nibqgħu nobdu għax ‘kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna.’” (Rum. 15:4) Din hi l-istess xewqa li l-organizzazzjoni għandha llum. Ejja nġibu eżempju: Jekk tmur f’kongregazzjoni oħra f’pajjiżek jew madwar id-dinja, inti taf kif se jsir l-Istudju taʼ It-Torri tal-Għassa u liema wieħed se jiġi studjat. B’hekk, mill-ewwel tħossok komdu! U dan hu possibbli biss għax hemm l-ispirtu t’Alla.—Sof. 3:9.
13. Bil-kliem taʼ Ġakbu 3:17 f’moħħna, liema mistoqsijiet għandna nsaqsu lilna nfusna?
13 X’tistaʼ tagħmel int. Ġeħova jrid li n-nies tiegħu jkunu magħqudin. (Efes. 4:1-3) Għalhekk, saqsi lilek innifsek: ‘Nipprova jien inżomm il-paċi u l-għaqda fil-kongregazzjoni? Nobdi lil dawk li qed imexxu? Jekk għandi responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni, jistgħu oħrajn jafdawni? Oħrajn jistgħu jistrieħu fuqi u jafu li lest li ngħin?’ (Aqra Ġakbu 3:17.) Jekk tinduna li għandek fuq xiex taħdem, itlob għall-ispirtu qaddis. Iktar ma tħalli l-ispirtu qaddis jgħinek tbiddel il-personalità tiegħek u kif iġġib ruħek, l-aħwa iktar se jħobbuk u japprezzawk.
ĠEĦOVA JGĦALLIMNA U JAGĦTINA DAK KOLLU LI GĦANDNA BŻONN
14. Skont Kolossin 1:9, 10, Ġeħova kif għen lin-nies tiegħu jifhmu “l-għarfien eżatt” dwaru?
14 Fi żmien il-Kristjani tal-bidu. Ġeħova jieħu pjaċir jgħallem lin-nies tiegħu. (Salm 32:8) Hu jixtieqhom isiru jafuh, iħobbuh, u jgħixu għal dejjem bħala wliedu. Dan ma jistax isir kieku ma jgħallimniex. (Ġw. 17:3) Ġeħova uża lill-kongregazzjoni tal-bidu biex jgħallem lin-nies tiegħu. (Aqra Kolossin 1:9, 10.) Anki l-ispirtu qaddis, l-“ajjutant,” li Ġesù kien wiegħed għen lid-dixxipli. (Ġw. 14:16) Dan għenhom jifhmu l-Kelma t’Alla u jiftakru dak kollu li qal u għamel Ġesù. Dawn l-affarijiet setgħu jaqraw dwarhom iktar tard fl-Evanġelji. Dan it-tagħlim saħħaħ il-fidi tal-Kristjani tal-bidu kif ukoll l-imħabba tagħhom għal Alla, għal Ibnu, u għal xulxin.
15. Int b’liema mod rajt il-profezija taʼ Isaija 2:2, 3 titwettaq?
15 Fi żminijiet moderni. Ġeħova bassar “li fl-aħħar parti tal-jiem” nies minn kull ġens kienu se jiġu lejn “il-muntanja,” jiġifieri, kienu se jingħaqdu mal-qaddejja veri tiegħu. (Aqra Isaija 2:2, 3.) Aħna qed naraw din il-profezija titwettaq. Nistgħu naraw id-differenza kbira li hemm bejn ir-reliġjon vera u r-reliġjon falza. U x’festa taʼ ikel spiritwali qed jipprovdilna Ġeħova! (Is. 25:6) Dan jagħmlu permezz tal-“ilsir leali u għaqli.” Huma jipprovdu l-ikel spiritwali b’modi differenti. Pereżempju, nistgħu naqraw artikli, nisimgħu taħditiet, u naraw vidjows kemm għall-kbar kif ukoll għat-tfal. (Mt. 24:45) Aħna naqblu maʼ dak li qal Eliħu, il-ħabib taʼ Ġob: “Liema għalliem iħabbatha [m’Alla]?”—Ġob 36:22.
16. X’tistaʼ tagħmel biex tibbenefika mit-tagħlim taʼ Ġeħova?
16 X’tistaʼ tagħmel int. L-ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinek tapplika dak li taqra u tistudja mill-Bibbja. Itlob bħalma talab is-salmista, meta qal: “Istruwini, O Ġeħova, dwar triqtek. Jien se nimxi fil-verità tiegħek. Agħtini qalb sħiħa biex nibżaʼ minn ismek.” (Salm 86:11) Ukoll, kompli aqra u studja l-Bibbja u pubblikazzjonijiet oħra li l-organizzazzjoni tipprovdi. Bla dubju, il-mira tiegħek m’għandhiex tkun li jkollok ħafna għarfien, imma li tkun konvint li din hi l-verità u tapplikaha f’ħajtek. Ġeħova jistaʼ jgħinek tagħmel dan bl-ispirtu tiegħu. Ikun tajjeb ukoll li tinkuraġġixxi lill-aħwa. (Ebr. 10:24, 25) Għala? Għax huma l-familja spiritwali tiegħek. Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tagħti kummenti minn qalbek waqt il-laqgħat. U meta jkollok taħdita, agħmel dak kollu li tistaʼ. Meta tagħmel dawn l-affarijiet, int turi lil Ġeħova u lil Ibnu li għalik “in-nagħaġ” tiegħu huma prezzjużi.—Ġw. 21:15-17.
17. B’liema modi tistaʼ turi li qed taħdem lealment mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
17 Dalwaqt, l-unika organizzazzjoni li se tibqaʼ fuq l-art hi dik immexxiha mill-ispirtu t’Alla. Allura, mill-qalb aħdem mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Bħal Alla, uri li tħobb lin-nies kollha billi tipprietka maʼ kull min tiltaqaʼ. Meta int iżżomm il-paċi fil-kongregazzjoni, int tkun qed timitah għax hu jħobb l-ordni u l-paċi. U ismaʼ mill-Istruttur Grandjuż billi tieħu vantaġġ sħiħ biex titgħallem mill-informazzjoni kollha li hu qed jipprovdi. Imbagħad, meta d-dinja taʼ Satana tispiċċa, m’intix se tibżaʼ. Minflok, ħa tkun kuraġġuż u ħa tkun fost dawk li qed jaqdu lil Ġeħova lealment fl-organizzazzjoni tiegħu.
GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama
^ par. 5 Int konvint li Ġeħova qed imexxi l-organizzazzjoni tiegħu llum? F’dan l-artiklu, se naraw kif Ġeħova mexxa lill-Kristjani tal-bidu u kif qed ikompli jagħmel dan man-nies tiegħu llum.
^ par. 1 ESPRESSJONI SPJEGATA: Parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova hi fis-sema u l-parti l-oħra hi fuq l-art. F’dan l-artiklu, se nitkellmu fuq il-parti tal-“organizzazzjoni” li Ġeħova għandu fuq l-art.
^ par. 52 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt pijuniera tmur taqdi fejn hemm il-bżonn wara li rat vidjow t’aħwa li għamlu l-istess. Hi tilħaq il-mira tagħha biex taqdi fejn hemm bżonn iktar pubblikaturi.