Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Joseph F. Rutherford u xi aħwa rġiel meta kienu fl-Ewropa

1920—Mitt Sena Ilu

1920—Mitt Sena Ilu

MILL-​bidu tal-​1920, in-​nies taʼ Ġeħova kienu ħerqanin biex jagħmlu x-​xogħol li kellhom quddiemhom. L-​iskrittura li għażlu għal dik is-​sena, mill-​Bibbja tal-​King James Version, kienet: “Il-​MULEJ hu l-​qawwa u l-​għanja tiegħi.”—Salmi 118:14.

Ġeħova saħħaħ lil dawn il-​ħaddiema żelużi. Matul dik is-​sena, l-​ammont taʼ colporteurs, jew pijunieri, minn 225 telaʼ għal 350. U għall-​ewwel darba, iktar minn 8,000 pubblikatur bagħtu r-​rapport tas-​servizz lill-​kwartieri ġenerali. Ġeħova berikhom b’mod li ma kinux qed jistennew.

JURU ŻELU TAL-​GĦAĠEB

Fil-​21 taʼ Marzu 1920, Joseph F. Rutherford, li kien jieħu ħsieb ix-​xogħol tal-​Istudenti tal-​Bibbja dak iż-​żmien, tkellem dwar is-​suġġett “Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Mhu Se Jmutu Qatt.” L-​Istudenti tal-​Bibbja għamlu dak kollu li setgħu biex jistiednu kemm jistaʼ jkun nies għal dan l-​avveniment. Huma krew wieħed mill-​ikbar teatri fi New York City u qassmu madwar 320,000 invit.

Riklam f’gazzetta għat-taħdita “Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Mhu Se Jmutu Qatt”

Attendew ħafna iktar nies milli l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu qed jistennew. Għal din il-​laqgħa marru 12,000 ruħ, imma 7,000 minnhom ma setgħux jidħlu minħabba li t-​teatru kien jesaʼ biss 5,000. It-​Torri tal-​Għassa qal li din kienet waħda mill-​iktar laqgħat taʼ suċċess li qatt kellhom l-​Istudenti Internazzjonali tal-​Bibbja.

L-​Istudenti tal-​Bibbja saru magħrufin għall-​messaġġ li kienu jippritkaw, “miljuni li qegħdin jgħixu issa mhu se jmutu qatt.” Sa dak iż-​żmien, huma kienu għadhom ma fehmux li l-​messaġġ tas-​Saltna kellu jiġi ppritkat mal-​art kollha. Minkejja dan, iż-​żelu tagħhom kien tal-​għaġeb. Ida Olmstead, li bdiet tattendi l-​laqgħat fl-​1902, qalet, “Konna nafu li kien hemm barkiet kbar għall-​bnedmin kollha, u għalhekk qatt ma waqafna nippritkaw din l-​aħbar tajba lil dawk li konna niltaqgħu magħhom fil-​ministeru.”

NIPPRODUĊU L-​LETTERATURA TAGĦNA AĦNA STESS

Biex ikunu ċerti li jipprovdu l-​ikel spiritwali, l-​aħwa f’Betel bdew jipprintjaw xi letteratura huma stess. Huma xtraw apparat u installawh f’post mikri f’35 Myrtle Avenue, Brooklyn, New York, ftit blokok ’il bogħod minn Betel.

Leo Pelle u Walter Kessler ġew assenjati biex jaqdu f’Betel f’Jannar tal-​1920. Walter qal: “Meta wasalna, l-​indokratur tal-​istamperija ħares lejna u qal, ‘Fadal siegħa u nofs qabel il-​brejk jekk tridu tilħqu tagħmlu xi xogħol.’ Imbagħad, hu talabna biex intellgħu xi kaxxi tal-​kotba fl-​ewwel sular.”

Leo jiftakar x’ġara l-​għada: “Kellna naħslu l-​ħitan tas-​sular t’isfel tal-​blokka. Kien l-​iktar xogħol maħmuġ li qatt għamilt. Imma aħna konna qed naħdmu għal Ġeħova u dan kien worth it.”

Il-magna tal-istampar li ntużat biex tipprintja It-Torri tal-Għassa

Fi ftit ġimgħat, It-​Torri tal-​Għassa kien qed jiġi pprintjat minn aħwa żelużi. Sittin elf kopja taʼ It-​Torri tal-​Għassa tal-​ħarġa tal-​1 taʼ Frar 1920, kienu pprintjati fl-​ewwel sular. Waqt li fil-​kantina, l-​aħwa rġiel ramaw magna tal-​istampar u bdew isejħulha “Battleship.” Imbagħad, il-​ħarġa tal-​14 taʼ April 1920, taʼ The Golden Age (issa Stenbaħ!) kienet ġiet ippubblikata wkoll minn dawn l-​aħwa. Bla dubju, Ġeħova bierek l-​isforzi li għamlu dawn il-​ħaddiema żelużi.

“Konna qed naħdmu għal Ġeħova u dan kien worth it”

“EJJA NGĦIXU FIL-​PAĊI”

Bejn l-​1917 u l-​1919, xi Studenti tal-​Bibbja telqu l-​organizzazzjoni minħabba xi problemi li nqalgħu. Imma, fl-​1920, in-​nies leali taʼ Ġeħova kienu reġgħu qed igawdu x-​xogħol tal-​ippritkar u jaqdu lil Ġeħova flimkien. Dawk li kienu telqu, x’għajnuna ngħataw biex jerġgħu lura fl-​organizzazzjoni?

It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ April 1920, kien fih l-​artiklu “Ejja Ngħixu fil-​Paċi.” Dan l-​artiklu bi mħabba qal: “Aħna ċerti li dawk kollha li jridu jobdu lil Ġeħova se jinsew l-​iżbalji li għamlu qabel, u jerġgħu jingħaqdu man-​nies t’Alla biex jagħmlu x-​xogħol tiegħu.”

Ħafna aċċettaw dan il-​messaġġ sabiħ. Koppja miżżewġa kitbet li l-​artiklu għenhom biex jifhmu li kienu żbaljati matul dawk is-​snin meta ma kinux qed jippritkaw. Huma kienu determinati li jerġgħu jibdew jippritkaw b’żelu. L-​aħwa li reġgħu ġew lura kellhom ħafna xogħol x’jagħmlu.

JITQASSAM IL-​KTIEB IMSEJJAĦ IŻ-​“ZG”

Fil-​21 taʼ Ġunju 1920, l-​Istudenti tal-​Bibbja bdew kampanja kbira biex jitqassam iż-​“ZG,” ktieb li kellu t-​titlu The Finished Mystery. * Kwantità kbira taʼ dan il-​ktieb ġew merfugħin minħabba li fl-​1918 ġie mwaqqaf milli jitqassam.

Għal din il-​kampanja, ma kinux biss il-​pijunieri li ġew mistednin biex jieħdu sehem, imma l-​pubblikaturi kollha. F’Ġunju 1920, il-​ħarġa tal-​Bulletin * qalet: “Kull persuna mgħammda f’kull kongregazzjoni li tistaʼ tieħu sehem, għandha tagħmel dan mill-​qalb. Ħalli kulħadd ikollu l-​istess mira: ‘Din il-​ħaġa biss se nagħmel’—inqassam iż-​ZG.” Edmund Hooper qal li din il-​kampanja, għal ħafna aħwa kienet l-​ewwel darba li bdew jippritkaw minn bieb għal bieb. Hu żied jgħid, “Bdejna nifhmu dak li kien involut f’dan ix-​xogħol, xogħol li kellu jikber iktar milli konna qed nistennew aħna.”

JERĠGĦU JIBDEW IX-​XOGĦOL FL-​EWROPA

Peress li kien diffiċli biex isir kuntatt mal-​Istudenti tal-​Bibbja f’pajjiżi oħrajn matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, Ħuna Rutherford ried jinkuraġġixxi lil dawn l-​aħwa u jgħinhom jorganizzaw ix-​xogħol tal-​ippritkar. Allura, fit-​12 t’Awwissu 1920, hu u erbaʼ aħwa rġiel telqu għal vjaġġ twil lejn l-​Ingilterra u ħafna pajjiżi oħra.

Ħuna Rutherford fl-Eġittu

Meta Ħuna Rutherford mar l-​Ingilterra, l-​Istudenti tal-​Bibbja organizzaw tliet konvenzjonijiet u 12-​il laqgħa pubblika. L-​attendenza kienet madwar 50,000. Meta It-​Torri-​tal-​Għassa ġabar fil-​qosor dak li ġara, qal: “L-​aħwa ġew megħjunin u inkuraġġiti ħafna. Dan għenhom ikunu iktar magħqudin u ferħanin.” F’Pariġi, Ħuna Rutherford reġaʼ tkellem dwar is-​suġġett “Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Mhu Se Jmutu Qatt.” Meta beda t-​taħdita, is-​sala kienet mimlija u tliet mitt persuna riedu jkunu jafu iktar.

Poster jirriklama t-taħdita li ngħatat fir-Royal Albert Hall, Londra

Fil-​ġimgħat taʼ wara, xi aħwa rġiel marru Ateni, il-​Kajr, u Ġerusalemm. Biex jgħin lil dawk li wrew interess, Ħuna Rutherford organizza fejn setgħet tinżamm il-​letteratura fil-​belt taʼ Ramallah, viċin Ġerusalemm. Imbagħad reġaʼ mar l-​Ewropa u fetaħ l-​Uffiċċju tal-​Fergħa tal-​Ewropa Ċentrali, u rranġa biex il-​letteratura tiġi printjata hemmhekk.

TINKIXEF L-​INĠUSTIZZJA

F’Settembru tal-​1920, l-​Istudenti tal-​Bibbja ħarġu l-​ħarġa Nru. 27 taʼ The Golden Age. Din il-​ħarġa speċjali kixfet il-​persekuzzjoni fuq l-​Istudenti tal-​Bibbja matul is-​sena tal-​1918. Il-​magna tal-​istampar, Battleship, li ssemmiet qabel, kienet tintuża lejl u nhar biex tipprintja iktar minn erbaʼ miljun kopja taʼ din ir-​rivista.

Ritratt taʼ Emma Martin li ħadu l-pulizija

In-​nies li kienu jaqraw The Golden Age, saru jafu dwar il-​każ mhux tas-​soltu taʼ Emma Martin. Oħtna Martin kienet pijuniera fʼSan Bernardino, Kalifornja. Fis-​17 taʼ Marzu 1918, hi u tliet aħwa rġiel, E. Hamm, E.J. Sonnenburg, u E. A. Stevens, attendew laqgħa żgħira tal-​Istudenti tal-​Bibbja.

F’dik il-​laqgħa kien hemm raġel li ma marx biex jitgħallem il-​Bibbja. Fil-​qorti, hu qal: “Jien mort dik il-​laqgħa . . . għax intbgħatt mill-​uffiċċju tal-​gvern. Mort hemmhekk biex nakkwista l-​evidenza.” Hu sab dak li ried, kopja taʼ The Finished Mystery. Ftit jiem wara, Oħtna Martin u t-​tliet aħwa rġiel ġew arrestati. Huma ġew akkużati li kisru l-​liġi għax qassmu dan il-​ktieb.

Emma u dawn l-​aħwa nstabu ħatja u weħlu tliet snin ħabs. Fis-​17 taʼ Mejju 1920, wara li appellaw kemm-​il darba u ma setgħux jappellaw iktar, spiċċaw il-​ħabs. Imma l-​affarijiet malajr inbidlu għall-​aħjar.

Fl-​20 taʼ Ġunju 1920, Ħuna Rutherford irrakkonta l-​esperjenza tagħhom f’konvenzjoni f’San Francisco. Dawk fl-​udjenza baqgħu xxokkjati meta semgħu dwar kif ġew trattati dawn il-​Kristjani. Huma qablu li jintbagħat messaġġ bit-​telegramma lill-​President tal-​Istati Uniti. Huma ħassew li l-​gvern abbuża mill-​awtorità tiegħu biex jitfaʼ lil Oħtna Martin il-​ħabs.

L-​għada, il-​President Woodrow Wilson, mill-​ewwel waqqaʼ s-​sentenzi taʼ Oħtna Martin u Ħutna Hamm, Sonnenburg, u Stevens. L-​inġustizzja li kienu qed jesperjenzaw dawn l-​aħwa spiċċat.

Lejn l-​aħħar tal-​1920, l-​Istudenti tal-​Bibbja raw li kellhom ħafna għal xiex jifirħu. Ix-​xogħol fil-​kwartieri ġenerali baqaʼ jiżdied, u iktar minn qatt qabel, l-​Istudenti tal-​Bibbja ppritkaw dwar is-​Saltna t’Alla bħala s-​soluzzjoni għall-​problemi tal-​bnedmin. (Mt. 24:14) Is-​sena taʼ wara, l-​1921, kellha tkun sena li kienu se jippritkaw saħansitra iktar dwar is-​Saltna.

^ par. 18 Il-​ktieb The Finished Mystery kien is-​sebaʼ volum taʼ Studies in the Scriptures. Fil-​fatt, The Finished Mystery ġie printjat bħala l-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Marzu 1918. Il-​ktieb fil-​qosor kien jissejjaħ iż-​“ZG,” għax iż-​“Z” tirreferi għal Zion’s Watch Tower, u l-​“G” hi s-​sebaʼ ittra tal-​alfabett bl-​Ingliż li tirreferi għas-​sebaʼ volum.

^ par. 19 Issa l-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna.