Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 44

It-Tfal Tiegħek Se Jaqdu lil Alla Meta Jikbru?

It-Tfal Tiegħek Se Jaqdu lil Alla Meta Jikbru?

“Ġesù baqaʼ javanza fl-​għerf u fl-​iżvilupp fiżiku u approvat minn Alla u mill-​bnedmin.”LQ. 2:52.

GĦANJA 134 It-​tfal huma wirt mingħand Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Liema hi l-​aqwa deċiżjoni li xi ħadd jistaʼ jieħu?

SPISS, id-​deċiżjonijiet li jieħdu l-​ġenituri jaffettwaw lit-​tfal tagħhom. Jekk il-​ġenituri jieħdu deċiżjonijiet ħżiena, jistgħu jikkaġunaw problemi lit-​tfal. Imma jekk jieħdu deċiżjonijiet tajbin, jgħinu lit-​tfal biex ikollhom ħajja ferħana. Imma anki t-​tfal se jkollhom jieħdu deċiżjonijiet tajbin. L-​aqwa deċiżjoni li xi ħadd jistaʼ jieħu hi li jaqdi lil Missierna kollu mħabba, Ġeħova.—Salm 73:28.

2. Ġużeppi, Marija, u Ġesù, liema deċiżjonijiet ħadu?

2 Ġużeppi u Marija xtaqu jgħinu lit-​tfal tagħhom jaqdu lil Ġeħova. Fil-​fatt, id-​deċiżjonijiet tagħhom urew li l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjithom kienet li jaqdu lil Ġeħova. (Lq. 2:40, 41, 52) Anki Ġesù ħa deċiżjonijiet tajbin li għenuh jagħmel dak li ried Ġeħova. (Mt. 4:1-​10) Ġesù kien raġel qalbu tajba, leali, u kuraġġuż. Kull ġenitur li jħobb lil Ġeħova żgur li jkun kburi u ferħan jekk ikollu tifel bi kwalitajiet bħal taʼ Ġesù.

3. Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-​artiklu?

3 F’dan l-​artiklu se nwieġbu l-​mistoqsijiet li ġejjin: Ġeħova liema deċiżjonijiet tajbin ħa għal Ġesù? Il-​ġenituri x’jistgħu jitgħallmu mid-​deċiżjonijiet li ħadu Ġużeppi u Marija? U t-​tfal u ż-​żgħażagħ x’jistgħu jitgħallmu mid-​deċiżjonijiet li ħa Ġesù?

DAK LI JITGĦALLMU L-​ĠENITURI MINN ĠEĦOVA

4. Ġeħova liema deċiżjoni importanti ħa għal Ġesù?

4 Ġeħova għażel l-​aqwa ġenituri għal Ġesù. (Mt. 1:18-​23; Lq. 1:26-​38) Fil-​Bibbja nsibu dak li esprimiet Marija, u dan juri l-​imħabba kbira li kellha għal Ġeħova u l-​Kelma tiegħu. (Lq. 1:46-​55) U l-​mod kif Ġużeppi obda d-​direzzjoni taʼ Ġeħova juri li kien iħobbu u ried jogħġbu.—Mt. 1:24.

5-6. Ġeħova minn xiex ma pproteġiehx lil Ġesù?

5 Innota li Ġeħova m’għażilx ġenituri sinjuri għal Ġesù. Is-​sagrifiċċju li offrew Ġużeppi u Marija wara t-​twelid tiegħu juri li kienu foqra. (Lq. 2:24) Ġużeppi jaf kellu ħanut żgħir viċin id-​dar tiegħu f’Nazaret fejn kien jaħdem bħala mastrudaxxa. X’aktarx, minħabba li huma kellhom minn tal-inqas sebat itfal, ma kellhomx ħafna flus jew affarijiet materjali.—Mt. 13:55, 56.

6 Għalkemm Ġeħova pproteġa lil Ġesù minn ċerti perikli, hu ma pproteġiehx mill-​provi kollha. (Mt. 2:13-​15) Pereżempju, Ġesù kellu wħud minn tal-​familja li ma kinux jemmnu fih. Immaġina kemm ħassu ddiżappuntat Ġesù meta wħud minn tal-​familja tiegħu għall-​ewwel m’emmnux li kien il-​Messija. (Mk. 3:21; Ġw. 7:5) U x’aktarx, Ġesù kellu jkampa mal-​mewt taʼ missieru Ġużeppi. Il-​mewt taʼ Ġużeppi kienet tfisser li Ġesù, bħala t-​tifel il-​kbir, kellu jieħu post missieru u jaħdem għall-​familja. (Mk. 6:3) Meta Ġesù kiber, tgħallem kif jieħu ħsieb il-​familja tiegħu. Milli jidher, hu kellu jaħdem iebes biex imantnihom. Għalhekk, Ġesù kien jaf x’jiġifieri tkun għajjien fl-​aħħar tal-​ġurnata.

Ġenituri, ippreparaw lit-tfal tagħkom għall-problemi tal-ħajja billi tgħallmuhom kif jistgħu japplikaw il-pariri tal-Bibbja (Ara paragrafu 7) *

7. (a) Liema mistoqsijiet se jgħinu lill-​koppja miżżewġin irabbu t-​tfal? (b) Skont Proverbji 2:1-​6, il-​ġenituri x’għandhom jgħallmu lit-​tfal tagħhom?

7 Jekk intom miżżewġin u tixtiequ jkollkom it-​tfal, staqsu dawn il-​mistoqsijiet: ‘Aħna umli u spiritwali bħal Ġużeppi u Marija? Ġeħova kieku jagħżilna biex nieħdu ħsieb tarbija tat-​twelid?’ (Salm 127:3, 4) Jekk int diġà ġenitur, staqsi lilek innifsek: ‘Qed ngħallem lit-​tfal tiegħi li hu importanti li jaħdmu iebes?’ (Ekk. 3:12, 13) ‘Nagħmel l-​almu tiegħi biex nipproteġi lit-​tfal tiegħi mill-​affarijiet ħżiena tad-​dinja taʼ Satana?’ (Prov. 22:3) Huwa impossibbli li tipproteġu lit-​tfal tagħkom mill-​problemi kollha li jiffaċċjaw. Imma tistgħu tippreparawhom għall-​problemi tal-​ħajja billi bi mħabba tkomplu tgħallmuhom kif jistgħu japplikaw il-​pariri tal-​Bibbja. (Aqra Proverbji 2:1-​6.) Pereżempju, jekk xi membru tal-​familja jieqaf jaqdi lil Ġeħova, għinu lit-​tfal tagħkom biex mill-​Kelma t’Alla jitgħallmu għala huwa importanti li jibqgħu leali lejn Ġeħova. (Salm 31:23) Jew jekk xi ħadd li tħobbu jmut, uru lit-​tfal tagħkom versi mill-​Bibbja li huma inkuraġġanti.—2 Kor. 1:3, 4; 2 Tim. 3:16.

DAK LI JITGĦALLMU L-​ĠENITURI MINN ĠUŻEPPI U MARIJA

8. Skont Dewteronomju 6:6, 7, Ġużeppi u Marija x’kellhom jagħmlu?

8 Ġużeppi u Marija setgħu jgħinu lil Ġesù biex isir adult u jkollu l-​approvazzjoni t’Alla għax huma bħala ġenituri segwew id-​direzzjoni taʼ Ġeħova. (Aqra Dewteronomju 6:6, 7.) Huma kienu jħobbuh ħafna lil Ġeħova, u l-​iktar ħaġa importanti għalihom kienet li jgħinu lit-​tfal tagħhom ikollhom l-​istess imħabba.

9. Ġużeppi u Marija liema deċiżjoni importanti ħadu?

9 Ġużeppi u Marija flimkien mat-​tfal tagħhom kellhom rutina spiritwali tajba. Huma kienu jmorru kull ġimgħa fis-​sinagoga taʼ Nazaret, kif ukoll għall-​festa tal-​Qbiż kull sena f’Ġerusalemm. (Lq. 2:41; 4:16) Għandu mnejn li fit-​triq lejn Ġerusalemm huma kienu jgħallmu lil Ġesù u lil ħutu dwar dak li ġara lill-​poplu taʼ Ġeħova fil-​passat. U mat-​triq jistaʼ jkun li żaru xi postijiet li huma mniżżlin fl-​Iskrittura. Meta kellhom iktar tfal, x’aktarx ma kienx faċli għal Ġużeppi u Marija biex iżommu rutina spiritwali. Imma huma ġew premjati għal dak li għamlu! Minħabba li huma poġġew l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel f’ħajjithom, il-​familja tagħhom baqgħet qrib Ġeħova.

10. Ġenituri Kristjani x’jistgħu jitgħallmu minn Ġużeppi u Marija?

10 Ġenituri li jħobbu lil Ġeħova, x’jistgħu jitgħallmu minn Ġużeppi u Marija? L-​iktar ħaġa importanti hi li b’dak li tgħidu u tagħmlu turu lit-​tfal tagħkom kemm verament tħobbu lil Ġeħova. L-​ikbar rigal li tistgħu tagħtuhom hu li tgħinuhom isiru jħobbu lil Ġeħova. U waħda mill-​iktar lezzjonijiet importanti li tistgħu tgħallmuhom hi kif jistudjaw il-​Bibbja b’mod regolari, jitolbu, imorru l-​laqgħat, u jieħdu sehem fil-​ministeru. (1 Tim. 6:6) Bla dubju, intom għandkom tipprovdulhom l-​affarijiet materjali li jkollhom bżonn. (1 Tim. 5:8) Imma ftakru li l-​ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova se tgħinhom isalvaw minn din id-​dinja ħażina taʼ Satana u jgħaddu għal ġod-​dinja l-​ġdida, u mhux il-​flus u l-​affarijiet materjali. *Eżek. 7:19; 1 Tim. 4:8.

Kemm hi xi ħaġa sabiħa li tara ġenituri Kristjani jagħmlu għażliet tajbin biex jgħinu lit-tfal tagħhom ikunu qrib Ġeħova! (Ara paragrafu 11) *

11. (a) Il-​parir li nsibu fl-​1 Timotju 6:17-​19, kif se jgħin lil ġenituri jagħmlu għażliet tajbin għat-​tfal tagħhom? (b) Il-​familja tiegħek x’miri tistaʼ tagħmel, u x’barkiet tistgħu tgawdu? (Ara l-​kaxxa “ Liema Miri Se Tagħmlu Bħala Familja?”)

11 Kemm hi xi ħaġa sabiħa li tara ġenituri Kristjani jagħmlu għażliet tajbin biex jgħinu lit-​tfal tagħhom ikunu qrib Ġeħova! B’mod regolari huma jaqdu lil Ġeħova billi jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u l-​konvenzjonijiet. Ukoll, jippritkaw l-​aħbar tajba. Hemm familji li jistgħu jmorru jippritkaw fejn hemm il-​bżonn. Oħrajn iżuru Betel jew jgħinu fix-​xogħol tal-​bini. Familji li jagħmlu dan jonfqu l-​flus, u b’hekk ikollhom jagħmlu xi sagrifiċċji. Imma Ġeħova se jberikhom bil-​kbir! (Aqra l-​1 Timotju 6:17-​19.) Tfal li jitrabbew f’familji bħal dawn, spiss meta jikbru jkomplu jagħmlu dawn l-​affarijiet, u huma japprezzaw li l-​ġenituri rabbewhom hekk! *Prov. 10:22.

DAK LI JITGĦALLMU T-​TFAL U Ż-​ŻGĦAŻAGĦ MINN ĠESÙ

12. Ġesù x’kellu jagħmel meta beda jikber?

12 Ġeħova, Missier Ġesù, dejjem ħa deċiżjonijiet tajbin, u anki Ġużeppi u Marija. Imma meta Ġesù kiber kellu jieħu deċiżjonijiet hu. (Gal. 6:5) Bħalna, Ġesù kellu l-​libertà tal-​għażla. Hu setaʼ għażel li jagħmel dak li xtaq hu. Imma minflok, hu għażel li jkollu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. (Ġw. 8:29) L-​eżempju tiegħu kif jistaʼ jgħin lit-​tfal u liż-​żgħażagħ illum?

Tfal u żgħażagħ, qatt tinjoraw il-pariri tal-ġenituri tagħkom (Ara paragrafu 13) *

13. X’għażla importanti għamel Ġesù meta kien għadu żgħir?

13 Minn meta kien żgħir, Ġesù għażel li jobdi l-​ġenituri tiegħu. Hu dejjem semaʼ minnhom u qatt ma ħaseb li jaf iktar minnhom. Minflok, hu “baqaʼ sottomess lejhom.” (Lq. 2:51) Ġesù kien il-​kbir, u dan kien ifisser li kellu xi responsabbiltajiet. Aħna ċerti li hu ħa ħsieb li jagħmilhom. Hu żgur li ħadem iebes biex jitgħallem is-​sengħa taʼ missieru u b’hekk jgħin lill-​familja.

14. Kif nafu li Ġesù kien student tajjeb tal-​Kelma t’Alla?

14 Ġużeppi u Marija x’aktarx qalu lil Ġesù dak li qalu l-​anġli dwaru u li t-​twelid tiegħu kien miraklu. (Lq. 2:8-​19, 25-​38) Imma dan ma kienx biżżejjed għal Ġesù. Hu studja wkoll l-​Iskrittura waħdu. Kif nafu li kien student tajjeb tal-​Kelma t’Alla? Għax meta kien għadu żgħir, l-​għalliema f’Ġerusalemm “baqgħu mistagħġbin b’kemm kien jifhem u bit-​tweġibiet tiegħu.” (Lq. 2:46, 47) U meta kellu 12-​il sena, Ġesù kien diġà konvint li Ġeħova kien Missieru.—Lq. 2:42, 43, 49.

15. Ġesù kif wera li ried jagħmel ir-​rieda taʼ Ġeħova?

15 Meta Ġesù tgħallem xi xtaq Ġeħova minnu, hu ddeċieda li jagħmlu. (Ġw. 6:38) Ġesù kien jaf li n-​nies kienu se jobogħduh u dan ma kienx se jkun faċli għalih, imma hu xorta obda lil Missieru. Meta Ġesù tgħammed fis-​sena 29, l-​iktar ħaġa importanti għalih kienet li jagħmel ir-​rieda taʼ Ġeħova. (Ebr. 10:5-​7) Hu kien determinat li jkompli jagħmel hekk anki meta kien qed imut fuq iz-​zokk tat-​tortura.—Ġw. 19:30.

16. X’lezzjoni jistgħu jitgħallmu t-​tfal minn Ġesù?

16 Obdi l-​ġenituri. Bħal Ġużeppi u Marija, il-​ġenituri tiegħek mhumiex perfetti. Però, huma għandhom ir-​responsabbiltà li jipproteġuk u jgħallmuk. Jekk tismaʼ minnhom u tirrispetta l-​awtorità tagħhom ‘se jaħbatlek tajjeb.’—Efes. 6:1-​4.

17. Skont Ġożwè 24:15, it-​tfal u ż-​żgħażagħ liema deċiżjoni għandhom jieħdu?

17 Iddeċiedi lil min se taqdi. Int trid issir taf lil Ġeħova, x’inhu l-​skop tiegħu, u kif tistaʼ tagħmel ir-​rieda tiegħu f’ħajtek. (Rum. 12:2) Imbagħad, se tkun tistaʼ tieħu l-​iktar deċiżjoni importanti taʼ ħajtek, li taqdi lil Ġeħova. (Aqra Ġożwè 24:15; Ekk. 12:1) Jekk taqra l-​Bibbja u tagħmel l-​istudju b’mod regolari, l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova u l-​fidi tiegħek fih se jissaħħu.

18. Liema deċiżjoni għandhom jieħdu t-​tfal u ż-​żgħażagħ, u x’se jkun ir-​riżultat?

18 Agħżel li tpoġġi lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajtek. Id-​dinja taʼ Satana tridek temmen li jekk tuża l-​abbiltajiet tiegħek biex ikollok suċċess se tkun ferħan. Imma aħna nafu li dawk li jagħmlu miri biex jakkwistaw affarijiet materjali jkollhom ħafna inkwiet. (1 Tim. 6:9, 10) Mill-​banda l-​oħra, jekk tismaʼ minn Ġeħova u tagħmel l-​ewwel dak li jixtieq hu f’ħajtek, int “se taġixxi bl-​għerf” u se tkun ferħan.—Ġoż. 1:8.

INT X’SE TAGĦMEL?

19. Il-​ġenituri x’għandhom jiftakru?

19 Ġenituri, agħmlu l-​almu tagħkom biex tgħinu lit-​tfal tagħkom jaqdu lil Ġeħova. Strieħu fuqu, u hu se jgħinkom tieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Prov. 3:5, 6) Ftakru li dak li tagħmlu se jeffettwa lit-​tfal iktar minn dak li tgħidu. Mela ħudu deċiżjonijiet li jgħinu lit-​tfal tagħkom ikollhom l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova.

20. It-​tfal u ż-​żgħażagħ x’barkiet se jkollhom jekk jiddeċiedu li jaqdu lil Ġeħova?

20 Tfal u żgħażagħ, il-​ġenituri tagħkom jistgħu jgħinukom tieħdu deċiżjonijiet tajbin. Imma biex togħġbu lil Alla, intom tridu tieħdu dawn id-​deċiżjonijiet. Għalhekk, imitaw lil Ġesù u agħżlu li taqdu lil Missierkom tas-​sema. Jekk tagħmlu hekk se jkollkom ħajja mimlija, sabiħa, u se tkunu ferħanin. (1 Tim. 4:16) U fil-​futur se tgawdu l-​aqwa ħajja li jistaʼ jkollkom!

GĦANJA 133 Qim lil Ġeħova matul iż-​żgħożija

^ par. 5 Ġenituri Kristjani jridu li  t-​tfal tagħhom ikunu ferħanin u jaqdu lil Ġeħova meta jikbru. Ġenituri, x’deċiżjonijiet tistgħu tieħdu biex tgħinu lit-​tfal tagħkom jaqdu lil Ġeħova? It-​tfal tagħkom liema deċiżjonijiet għandhom jieħdu biex ikollhom suċċess fil-​ħajja tagħhom? Dan l-​artiklu se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

^ par. 11 Ara l-​kaxxa “Ma Nistax Nimmaġina Ġenituri Aħjar” fi Stenbaħ!, Ottubru 2011, paġna 20, u l-​artiklu “A Special Letter to Their Parents” fi Stenbaħ!, bl-​Ingliż taʼ 8 taʼ Marzu 1999, paġna 25.

^ par. 66 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Marija għenet lil Ġesù biex iħobb lil Ġeħova minn meta kien żgħir. Illum, l-​ommijiet ukoll jistgħu jgħinu lil uliedhom biex iħobbu lil Ġeħova.

^ par. 68 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Għal Ġużeppi kien importanti li jmur fis-​sinagoga mal-​familja tiegħu. Anki għall-​missirijiet illum huwa importanti li jmorru għal-​laqgħat mal-​familja tagħhom.

^ par. 70 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Ġesù tgħallem affarijiet prattiċi minn missieru. Illum, it-​tfal ukoll jistgħu jitgħallmu minn missierhom.