Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 41

Kif Tgħin lil Student tal-Bibbja Jagħmel Progress u Jitgħammed—L-Ewwel Parti

Kif Tgħin lil Student tal-Bibbja Jagħmel Progress u Jitgħammed—L-Ewwel Parti

“Jidher ċar li intom ittra taʼ Kristu mingħandna bħala ministri.”—2 KOR. 3:3.

GĦANJA 78 ‘Għallem il-​Kelma t’Alla’

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

X’hemm isbaħ għall-kongregazzjoni milli tara lil xi student tal-Bibbja jitgħammed? (Ara paragrafu 1)

1. It-​2 Korintin 3:1-​3, kif jgħinna napprezzaw il-​privileġġ li għandna li nistudjaw il-​Bibbja maʼ xi ħadd u jitgħammed? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

KIF tħossok meta tara student tal-​Bibbja mill-​kongregazzjoni tiegħek jitgħammed? Żgur li tħossok ferħan. (Mt. 28:19) U kemm tkun iktar eċitat u ferħan jekk il-​wieħed li jitgħammed ikun l-​istudent tiegħek! (1 Tess. 2:19, 20) Dixxipli li jkunu għadhom kemm tgħammdu huma “ittri taʼ rakkomandazzjoni,” mhux biss għal dawk li studjaw magħhom imma wkoll għall-​kongregazzjoni kollha.—Aqra t-​2 Korintin 3:1-​3.

2. (a) X’mistoqsija importanti għandna nikkunsidraw, u għala? (b) X’inhu studju tal-​Bibbja? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

2 Kemm hi xi ħaġa sabiħa li f’dawn l-​aħħar erbaʼ snin, madwar 10 miljun studju tal-​Bibbja * ġew rapportati kull xahar madwar id-​dinja. F’dawn l-​erbaʼ snin, madwar 280 elf tgħammdu kull sena. Kif nistgħu ngħinu lil dawn il-​miljuni taʼ studenti tal-​Bibbja jaslu għall-​magħmudija? Ġeħova għadu qed jagħti l-​opportunità lin-​nies biex isiru Xhieda tiegħu. Għalhekk, aħna nagħmlu l-​almu tagħna biex ngħinuhom jagħmlu progress u jitgħammdu malajr kemm jistaʼ jkun għax ma tantx baqaʼ żmien.—1 Kor. 7:29a; 1 Pt. 4:7.

3. Dwar xiex se nitkellmu f’dan l-​artiklu?

3 Minħabba li hu importanti ħafna li nagħmlu dixxipli, il-​Ġemgħa li Tiggverna saqsiet lill-​uffiċċji tal-​fergħa x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil iktar studenti tal-​Bibbja jaslu għall-​magħmudija. F’dan l-​artiklu u taʼ warajh, se naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza tal-​pijunieri, missjunarji, u indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet. * (Prov. 11:14; 15:22) Huma jispjegaw x’għandhom jagħmlu għalliem tal-​Bibbja u l-​istudent tiegħu biex l-​istudju jkun taʼ suċċess. F’dan l-​artiklu se nitkellmu dwar ħames affarijiet li student għandu jagħmel biex jasal għall-​magħmudija.

AGĦMEL L-​ISTUDJU MIEGĦU KULL ĠIMGĦA

Saqsi lill-istudent jekk tistgħux toqogħdu bilqiegħda biex tiddiskutu l-​Bibbja flimkien (Ara paragrafi 4-6)

4. Konversazzjonijiet qosra se jwasslu lill-​istudent għall-​magħmudija? Spjega.

4 Ħafna aħwa ma jistudjawx il-​Bibbja man-​nies ġewwa fid-​djar tagħhom, imma qed jagħmlu l-​istudju barra, wara l-​bieb. Għalkemm dan hu bidu tajjeb biex ikabbru l-​interess tagħhom fil-​Bibbja, normalment dawn id-​diskussjonijiet ikunu qosra u ma jsirux kull ġimgħa. Ġieli l-​aħwa jitolbu lill-​persuna n-​numru tal-​mowbajl u mbagħad, bejn żjara u oħra, iċemplulhom jew jibagħtulhom xi messaġġ biex jaqsmu magħhom xi ħsieb mill-​Bibbja. L-​aħwa jaf idumu xhur imorru u jagħmlu konversazzjonijiet qosra magħhom. Imma student se jagħmel progress, jiddedika ħajtu, u jitgħammed, jekk ma jwarrabx il-​ħin * u jagħmel sforz biex jistudja l-​Kelma t’Alla? Probabilment le.

5. Ġesù x’qal f’​Luqa 14:27-​33 li nistgħu nużaw biex ngħinu lill-​istudenti jaraw l-​importanza li jistudjaw?

5 Darba waħda, Ġesù permezz taʼ eżempju spjega xi trid tagħmel persuna biex tkun dixxiplu tiegħu. Hu ġab eżempju taʼ xi ħadd li jrid jibni torri u taʼ sultan li jkun sejjer għall-​gwerra. Ġesù qal li l-​bennej “l-​ewwel [kellu joqgħod] bil-​qiegħda u jikkalkula l-​ispejjeż biex jara jekk għandux biżżejjed biex ilestih.” U li s-​sultan kellu “l-​ewwel [joqgħod] bil-​qiegħda u jieħu parir” biex jara jekk is-​suldati tiegħu humiex preparati għall-​gwerra. (Aqra Luqa 14:27-​33.) Ġesù kien jaf li biex persuna ssir dixxiplu tiegħu kellha taħseb bis-​serjetà dwar dak li kellha tagħmel. Mela għalhekk li aħna rridu nuru l-​istudent kemm hu importanti li jagħmel l-​istudju tal-​Bibbja kull ġimgħa. Kif nistgħu nagħmlu dan?

6. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lill-​istudenti jitgħallmu iktar malajr?

6 Ibda billi tipprova ttawwal il-​konversazzjonijiet li jkollok wara l-​bieb tal-​inkwilin. Forsi tistaʼ tiddiskuti iktar minn skrittura waħda. Meta l-​inkwilin jibda jidra b’konversazzjonijiet itwal, staqsih jekk tistgħux issibu xi post biex tkunu tistgħu toqogħdu bilqiegħda u tkomplu d-​diskussjoni. It-​tweġiba tiegħu se turik kemm hu importanti għalih l-​istudju tal-​Bibbja. Biex tgħinu jitgħallem iktar malajr tistaʼ tistaqsih jekk jixtieqx jistudja darbtejn fil-​ġimgħa. Però, li jistudja darba jew darbtejn fil-​ġimgħa mhux biżżejjed.

IPPREPARA GĦAL KULL STUDJU

Ipprepara sew għall-istudju u uri lill-istudent kif jipprepara (Ara paragrafi 7-9)

7. L-​għalliem kif jistaʼ jipprepara sew għall-​istudju?

7 Bħala għalliem, għandek tipprepara sew għal kull studju tal-​Bibbja. Tistaʼ tibda billi taqra dak li se tistudjaw flimkien u taqra l-​iskritturi. Ara li  tifhem sew il-​punti prinċipali. Aħseb  dwar it-​titlu tal-​lezzjoni, is-​sottitli, il-​mistoqsijiet, l-​iskritturi li jkollhom “aqra,” l-​istampi, u l-​vidjows li jistgħu jgħinuk tispjega s-​suġġett. Imbagħad aħseb dwar l-​istudent tiegħek u kif se tispjegalu l-​informazzjoni b’mod ċar u sempliċi biex hu jkun jistaʼ jifhem u japplika dak li jitgħallem.—Neħ. 8:8; Prov. 15:28a.

8. Il-​kliem tal-​appostlu Pawlu f’​Kolossin 1:9, 10, kif jurina li hu importanti nitolbu għall-​istudent tagħna?

8 Waqt li tkun qed tipprepara, itlob lil Ġeħova dwar l-​istudent, dak li għandu bżonn, u biex jgħinek tgħallmu l-​Bibbja b’mod li tmisslu qalbu. (Aqra Kolossin 1:9, 10.) Aħseb jekk hemmx xi ħaġa li tistaʼ tkun diffiċli għall-​istudent biex jifhimha jew jaċċettaha. Żomm f’moħħok li l-​mira tiegħek hi li tgħinu jasal għall-​magħmudija.

9. Kif tistaʼ tgħin lill-​istudent jipprepara għall-​istudju tiegħu? Spjega.

9 Aħna nittamaw li studju b’mod regolari se jgħin lill-​istudent japprezza dak li Ġeħova u Ġesù għamlu għalih, u jkun irid jitgħallem iktar. (Mt. 5:3, 6) Biex jibbenefika sew mill-​istudju, l-​istudent għandu jikkonċentra fuq dak li qed jitgħallem. Biex tgħinu jagħmel hekk, spjegalu kemm hu importanti li jipprepara għal kull studju. Hu jagħmel dan billi jaqra l-​lezzjoni minn qabel u jaħseb dwar kif jistaʼ japplika dak li qed jitgħallem. Kif tistaʼ tgħinu jipprepara? Tistaʼ tipprepara lezzjoni miegħu biex turih kif. * Urih kif jistaʼ jsib it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet, u li meta jimmarka ftit kliem se jgħinu biex jiftakar it-​tweġiba. Imbagħad għidlu biex iwieġeb fi kliemu. Meta jagħmel hekk, se tkun taf kemm qed jifhem sew is-​suġġett. Però, tistaʼ tinkuraġġixxi lill-​istudent biex jagħmel xi ħaġa oħra.

GĦALLMU JIKKOMUNIKA MAʼ ĠEĦOVA KULJUM

Għallem lill-istudent tiegħek kif jikkomunika maʼ Ġeħova (Ara paragrafi 10-11)

10. (a) Għala huwa importanti li l-​istudent jaqra l-​Bibbja kuljum? (b) X’għandu jagħmel biex jibbenefika mill-​qari?

10 Minbarra li jistudja kull ġimgħa mal-​għalliem, l-​istudent se jibbenefika jekk jagħmel xi ħaġa waħdu kuljum. Hu għandu bżonn jikkomunika maʼ Ġeħova. Kif? Billi jismaʼ minnu u jitkellem miegħu. Hu jistaʼ jismaʼ minn Alla billi jaqra l-​Bibbja kuljum. (Ġoż. 1:8; Salm 1:1-​3) Urih kif jistaʼ juża l-​iskeda tal-​qari tal-​Bibbja li qiegħda fuq jw.org li tistaʼ tiġi pprintjata. * Biex jibbenefika sew mill-​qari tal-​Bibbja, inkuraġġih biex jimmedita fuq dak li qed jitgħallem dwar Ġeħova u kif jistaʼ japplikah fil-​ħajja tiegħu.—Atti 17:11; Ġak. 1:25.

11. Student kif jistaʼ jitgħallem jitlob, u għala hu importanti li jitlob lil Ġeħova spiss?

11 Inkuraġġixxi lill-​istudent biex jitkellem maʼ Ġeħova billi jitlob kuljum. Itlob mill-​qalb miegħu qabel tibda l-​istudju u wara li tispiċċa, u semmi lill-​istudent fit-​talb. Meta jismaʼ t-​talb tiegħek, hu se jitgħallem kif jitlob lil Ġeħova mill-​qalb u permezz taʼ Ġesù Kristu. (Mt. 6:9; Ġw. 15:16) Aħseb kif meta jaqra l-​Bibbja kuljum (jiġifieri, jismaʼ minn Ġeħova) u jitlob (jiġifieri, jitkellem maʼ Ġeħova) se jgħin lill-​istudent tiegħek jersaq qrib Alla. (Ġak. 4:8) Jekk jagħmel dan kuljum, se jgħinu biex jagħmel progress u jasal għad-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. X’jistaʼ jgħinu iktar?

GĦINU JSIR ĦABIB TAʼ ĠEĦOVA

12. L-​għalliem kif jistaʼ jgħin lill-​istudent isir ħabib maʼ Ġeħova?

12 L-​istudent mhux biss għandu jifhem dak li jkun qed jitgħallem, imma l-​istudju għandu wkoll imisslu qalbu. Għala? Qalbna—li tinkludi x-​xewqat, l-​emozzjonijiet, u s-​sentimenti tagħna—timmotivana biex naġixxu. Ġesù għallem lin-​nies ħafna affarijiet u huma ħadu pjaċir jitgħallmu minnu. Imma n-​nies marru warajh għax hu messilhom qalbhom. (Lq. 24:15, 27, 32) L-​istudent tiegħek għandu bżonn jara lil Ġeħova bħala Persuna reali, xi ħadd li jistaʼ jibni ħbiberija miegħu. Għandu jirrealizza li Ġeħova jistaʼ jkun Missieru, Alla tiegħu, u Ħabib tiegħu. (Salm 25:4, 5) Matul l-​istudju, iġbed l-​attenzjoni lejn il-​kwalitajiet sbieħ li għandu Alla. (Eżo. 34:5, 6; 1 Pt. 5:6, 7) Agħmel dan f’kull studju. Għinu biex jara l-​imħabba u l-​qalb tajba taʼ Ġeħova u kif hu jifhimna. Ġesù qal li “l-​akbar u l-​ewwel kmandament” hu li ‘tħobb lil Ġeħova Alla tiegħek.’ (Mt. 22:37, 38) Kompli għinu jkabbar l-​imħabba tiegħu għal Ġeħova.

13. Kif tistaʼ tgħin lill-​istudent jitgħallem dwar il-​kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova?

13 Fil-​konversazzjonijiet li jkollok mal-​istudent, urih għala tħobb lil Ġeħova. Dan jistaʼ jgħin lill-​istudent jirrealizza li hu wkoll għandu jsir il-​ħabib taʼ Ġeħova u jitgħallem iħobbu. (Salm 73:28) Pereżempju, fil-​pubblikazzjoni li qed tistudja miegħu, hemm xi frażi jew skrittura li tgħid xi ħaġa dwar l-​imħabba, l-​għerf, il-​ġustizzja, jew il-​qawwa taʼ Ġeħova li tmisslek qalbek? Semmiha lill-​istudent tiegħek, u għidlu li hija waħda mir-​raġunijiet għala tħobb lil Missierna tas-​sema. Hemm xi ħaġa oħra li kull student tal-​Bibbja għandu bżonn jagħmel biex jasal għall-​magħmudija.

INKURAĠĠIH BIEX JATTENDI L-​LAQGĦAT

Inkuraġġixxi lill-​istudent biex jattendi l-laqgħat kemm jistaʼ jkun malajr! (Ara paragrafi 14-15)

14. Ebrej 10:24, 25, kif jistaʼ jgħin lill-​istudent jagħmel progress?

14 Ilkoll kemm aħna nixtiequ li l-​istudenti tagħna jaslu għall-​magħmudija. Mod wieħed kif nistgħu ngħinuhom hu billi ninkuraġġuhom jattendu l-​laqgħat. Għalliema tal-​esperjenza jgħidu li meta l-​istudenti jibdew jattendu l-​laqgħat jagħmlu progress malajr. (Salm 111:1) Xi għalliema jispjegaw lill-​istudenti tagħhom li huma jirċievu nofs it-​tagħlim mill-​istudju tal-​Bibbja u nofs it-​tagħlim mil-​laqgħat. Aqra Ebrej 10:24, 25 mal-​istudent, u spjegalu għala hu tajjeb li hu jattendi l-​laqgħat. Urih il-​vidjow X’jiġri f’Sala tas-​Saltna? * Għinu jkun determinat li jattendi l-​laqgħat.

15. X’nistgħu nagħmlu biex ninkuraġġixxu lill-​istudent jattendi l-​laqgħat b’mod regolari?

15 X’tistaʼ tagħmel jekk l-​istudent tiegħek għadu qatt ma attenda laqgħa jew jattendi darba fill? Aqsam miegħu xi ħaġa interessanti li għoġbitek mil-​laqgħa. Meta jara kif tħossok dwar il-​laqgħat, x’aktarx li se jkun irid jattendi. Agħtih It-​Torri tal-​Għassa jew il-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa li qed ikunu studjati fil-​laqgħa. Urih dak li se jiġi diskuss fil-​laqgħa, u saqsih liema hi l-​aktar parti li tinteressah. Dak li student jismaʼ u jara fl-​ewwel laqgħa se jkun ħafna aħjar minn dak li semaʼ u ra f’laqgħat reliġjużi oħra. (1 Kor. 14:24, 25) Hu se jiltaqaʼ m’aħwa oħrajn taʼ eżempju tajjeb li se jgħinuh jasal għall-​magħmudija.

16. (a) X’hemm bżonn biex nikkonduċu studju tal-​Bibbja li jwassal student għall-​magħmudija? (b) X’se nitgħallmu fl-​artikli li jmiss?

16 Kif nistgħu nikkonduċu studju tal-​Bibbja li jwassal student għall-​magħmudija? Għandna ngħinu lill-​istudent jara kemm hu importanti l-​istudju billi nħeġġuh jagħmel l-​istudju kull ġimgħa u jipprepara għalih. Irridu ninkuraġġuh biex jikkomunika maʼ Ġeħova kuljum u jibni ħbiberija personali miegħu. Ukoll, irridu nuruh kemm hu importanti li jattendi l-​laqgħat. (Ara l-​kaxxa “ L-​Istudent X’Għandu Jagħmel Biex Jagħmel Progress u Jasal għall-​Magħmudija?”) Imma, kif se jispjega l-​artiklu li jmiss, hemm ħames affarijiet oħra li għalliem tal-​Bibbja jistaʼ jagħmel biex l-​istudent tiegħu jasal għall-​magħmudija.

GĦANJA 76 Kif tħossok int dwar dan?

^ par. 5 Li tgħallem xi ħaġa lil xi ħadd ifisser li tgħinu “jaħseb, iħoss, jew jaġixxi b’mod differenti.” L-​iskrittura għas-​sena 2020, Mattew 28:19, tfakkarna fl-​importanza li nistudjaw il-​Bibbja man-​nies. Ukoll, li ngħallmuhom kif jistgħu jsiru dixxipli mgħammdin taʼ Ġesù Kristu. F’dan l-​artiklu u taʼ warajh, se naraw kif nistgħu nagħmlu aħjar dan ix-​xogħol importanti.

^ par. 2 ESPRESSJONI SPJEGATA: Jekk inti b’mod regolari tiddiskuti suġġetti dwar il-​Bibbja maʼ xi ħadd, int qed tikkonduċi studju tal-​Bibbja. Tistaʼ tniżżel l-​istudju jekk urejt lill-​persuna kif isir l-​istudju, għamiltu darbtejn magħha, u jekk fiduċjuż li l-​istudju se jkompli.

^ par. 3 Dawn l-​artikli jinkludu wkoll suġġerimenti mis-​serje “Nikkonduċu Studji tal-​Bibbja Progressivi” li dehru fil-​ħarġiet taʼ Il-​Ministeru tas-​Saltna minn Ġunju 2004 sa Mejju 2005.

^ par. 4 Is-​suġġerimenti taʼ dan l-​artiklu japplikaw kemm għal student raġel kif ukoll għal studenta mara.

^ par. 9 Ara l-​vidjow taʼ erbaʼ minuti Ngħallmu l-​istudenti tagħna jippreparaw. Mur fuq jw.org, LIBRERIJA > VIDJOWS > IL-​LAQGĦAT U L-​MINISTERU TAGĦNA > INTEJBU L-​ABBILTAJIET TAGĦNA. Jew mur fuq JW Library®, MEDIA > OUR MEETINGS AND MINISTRY > IMPROVING OUR SKILLS.

^ par. 10 Mur fuq LIBRERIJA > KOTBA U BROWXERS > SKEDA GĦALL-​QARI TAL-​BIBBJA.

^ par. 14 Mur fuq jw.org, TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > GĦODOD LI JGĦINUK TISTUDJA L-​BIBBJA > STUDJA MAʼ GĦALLIEM PERSONALI. Jew mur fuq JW Library® MEDIA > OUR MEETINGS AND MINISTRY > TOOLS FOR THE MINISTRY.