1921—Mitt Sena Ilu
IT-TORRI TAL-GĦASSA tal-1 taʼ Jannar 1921 għamel din il-mistoqsija lill-Istudenti tal-Bibbja: “Għal liema xogħol nistgħu nħarsu ’l quddiem din is-sena?” Imbagħad kien hemm kwotata l-iskrittura taʼ Isaija 61:1, 2: “Ġeħova [għażilni] biex ngħid aħbar tajba lill-ġwejdin . . . , biex inxandar is-sena t’approvazzjoni min-naħa taʼ Ġeħova u jum il-vendetta min-naħa t’Alla tagħna.” Dan il-kliem fakkarhom fix-xogħol tagħhom biex jippritkaw l-aħbar tajba.
AĦWA LI PPRITKAW B’KURAĠĠ
Biex jagħmlu x-xogħol tal-ippritkar, l-Istudenti tal-Bibbja kellhom ikunu kuraġġużi. Huma kellhom jippritkaw kemm l-“aħbar tajba” lin-nies sewwa kif ukoll “jum il-vendetta” lin-nies ħżiena.
Ħuna John Henry Hoskin, li kien jgħix il-Kanada, ipprietka bil-kuraġġ minkejja l-oppożizzjoni. Fl-1921, hu ltaqaʼ maʼ qassis. Ħuna Hoskin beda jitkellem miegħu u qallu: “Aħna nistgħu nieħdu pjaċir nitkellmu dwar il-Bibbja, u anki jekk ma naqblux fuq kollox, xorta waħda nistgħu nibqgħu ħbieb.” Imma mhux hekk ġara. Ħuna Hoskin jirrakkonta: “Kulma tkellimna ftit minuti, għax il-qassis tant ta daqqa kbira mal-bieb li l-ħġieġa ħsibtha se tinkiser.”
Il-qassis bir-rabja qallu: “Għax ma tmurx titkellem maʼ dawk li mhumiex Kristjani?” Ħuna Hoskin ma wiġbux lura, imma xħin telaq, f’qalbu qal, ‘Int mhux wieħed minnhom?’
L-għada, waqt li l-qassis kien qed jgħallem fil-knisja, beda jigdeb fuq Ħuna Hoskin. Ħuna Hoskin jiftakar: “Il-qassis qal lin-nies li jien kont l-ikbar giddieb li qatt kien hemm fir-raħal, u għalhekk kelli niġi maqtul.” Imma dan ma waqqafx lil Ħuna Hoskin milli jkompli jipprietka u jitkellem man-nies. Hu qal: “Vera kont qed nieħu pjaċir nipprietka hemmhekk. Xi nies qaluli li jien kont qed nagħmel ix-xogħol t’Alla, u anki kienu joffruli xi affarijiet bżonjużi.”
STUDJU PERSONALI U STUDJU BĦALA FAMILJA
Biex jgħinu lin-nies jifhmu l-Bibbja aħjar, l-Istudenti tal-Bibbja b’mod regulari kienu jagħmlu mistoqsijiet u tweġibiet fir-rivista li llum tissejjaħ Stenbaħ! F’din ir-rivista kien ikun hemm mistoqsijiet dwar il-Bibbja li l-ġenituri setgħu jiddiskutu mat-tfal tagħhom. Il-ġenituri kienu “jistaqsu dawn il-mistoqsijiet lit-tfal tagħhom, imbagħad jgħinuhom isibu t-tweġiba mill-Bibbja.” Xi mistoqsijiet, bħal pereżempju “Kemm hemm kotba fil-Bibbja?,” għallmu affarijiet bażiċi dwar il-Bibbja. Mistoqsijiet oħrajn, bħal “Kull
Kristjan se jkun ippersegwitat?,” ippreparaw lill-uħud żgħar biex jippritkaw bil-kuraġġ.Kien hemm ukoll mistoqsijiet u tweġibiet għal dawk in-nies li kienu jafu iktar dwar il-Bibbja. It-tweġibiet setgħu jsibuhom fl-ewwel ktieb ta’ Studies in the Scriptures. Ħafna nies tgħallmu ħafna affarijiet minn dawn il-mistoqsijiet. Imma wara, sar avviż li dawn il-mistoqsijiet ma kinux se jibqgħu jiġu ppubblikati. Għala kienet se ssir din il-bidla?
KTIEB ĠDID!
L-aħwa li kienu qegħdin imexxu fehmu li n-nies għandhom bżonn jitgħallmu dwar il-Bibbja b’mod iktar organizzat. Għalhekk, f’Novembru tal-1921 ħarġu l-ktieb li kien jismu The Harp of God. Dawk l-uħud interessati li aċċettaw il-ktieb setgħu jagħmlu wkoll l-istudju weħidhom. Dan għen lin-nies jitgħallmu “l-iskop li għandu Alla għall-bnedmin biex jgħixu għal dejjem.” Kif kien isir dan l-istudju?
Meta persuna kienet taċċetta l-ktieb, kienet tirċievi kard li fuqha kien ikun hemm miktub liema paġni għandha taqra. Il-ġimgħa taʼ wara kienet tirċievi kard oħra bil-posta, u fuqha kien ikun hemm mistoqsijiet dwar dak li tkun qrat. Imbagħad, fl-aħħar tal-kard kien ikun hemm imniżżel dak li kellha taqra l-ġimgħa taʼ wara.
L-istudent kien jirċievi 12-il kard, waħda kull ġimgħa, u dawn kien jirċivihom bil-posta mill-kongregazzjoni viċin tiegħu. Spiss, dawn il-kards kienu jintbagħtu minn aħwa li kienu kbar fl-età jew li ma setgħux imorru jippritkaw minn dar għal dar. Pereżempju, Anna K. Gardner, mill-Istati Uniti, tgħid: “Meta ħareġ il-ktieb The Harp of God, oħti Thayle, li kienet tbati biex timxi, setgħet tagħmel iktar xogħol billi tibgħat il-kards kull ġimgħa bil-mistoqsijiet fuqhom.” Meta l-persuna kienet tlesti l-istudju, xi ħadd mill-kongregazzjoni kien imur iżurha, biex b’hekk jgħinha titgħallem iktar dwar il-Bibbja.
IX-XOGĦOL LI KIEN SE JSIR
Fl-aħħar tas-sena, Ħuna J. F. Rutherford bagħat ittra lill-kongregazzjonijiet kollha. Fl-ittra qal li “l-aħwa rnexxielhom jippritkaw u jkellmu lil iktar nies dwar is-Saltna mis-snin taʼ qabel.” Imbagħad, hu kompla jgħid: “Baqaʼ ħafna xogħol xi jsir. Inkuraġġixxu lill-oħrajn biex jingħaqdu magħna f’dan ix-xogħol mill-isbaħ.” Jidher ċar li l-Istudenti tal-Bibbja għamlu dak li qal hu. Fl-1922, huma ppritkaw bil-kuraġġ dwar is-Saltna iktar minn qatt qabel.