Erġaʼ Ibni l-Ħbiberija Tiegħek maʼ Ġeħova
KULL sena, ħafna nagħaġ prezzjużi jerġgħu jiġu aċċettati lura fil-kongregazzjoni Kristjana. Immaġina kemm ikun hemm “ferħ fis-sema” meta dawn l-uħud jerġgħu jiġu lura! (Lq. 15:7, 10) Jekk int ġejt aċċettat lura, tistaʼ tkun ċert li Ġesù, l-anġli, u Ġeħova huma ferħanin ħafna li rġajt qed tagħmel parti mill-kongregazzjoni. Imma, hekk kif tkun qed tibni l-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova, tistaʼ tiffaċċja xi sfidi. X’inhuma xi ftit minnhom, u x’jistaʼ jgħinek?
X’INHUMA L-ISFIDI?
Ħafna aħwa, minkejja li ġew aċċettati lura fil-kongregazzjoni, xorta jħossuhom skuraġġiti. X’aktarx jifhmu kif ħassu s-Sultan David. Anke wara li Ġeħova kien ħafirlu, hu qal li l-żbalji tiegħu ħakmuh. (Salm 40:12; 65:3) Meta xi ħadd jerġaʼ lura għand Ġeħova, hu jistaʼ jibqaʼ jħoss mistħija jew ħtija għal ħafna żmien. Isabelle, kienet ilha maqtugħa mis-sħubija għal iktar minn 20 sena. a Hi tgħid: “Vera ħassejtha diffiċli biex nemmen li Ġeħova setaʼ jaħfirli.” Jekk tħossok skuraġġit, il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova tistaʼ terġaʼ tiddgħajjef. (Prov. 24:10) Oqgħod attent li ma jiġrilekx hekk.
Oħrajn jaħsbu li ma jkunux kapaċi jagħmlu dak li jkun hemm bżonn biex jerġgħu jibnu ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova. Wara li reġaʼ ġie aċċettat lura, Antoine jgħid: “Kont insejt ħafna affarijiet li tgħallimt u affarijiet li kont nagħmel bħala Xhud.” Minħabba li xi wħud iħossuhom b’dan il-mod, iżommu lura milli jagħmlu dak kollu li jistgħu għal Ġeħova.
Ejja nġibu eżempju. Jekk dar issirilha ħafna ħsara minħabba xi diżastru, is-sid jaf jaqtaʼ qalbu meta jaħseb dwar ix-xogħol li jkollu
jagħmel biex jirranġa d-dar. Bl-istess mod, jekk il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova saritilha l-ħsara minħabba li għamilt dnub serju, int forsi tħoss li trid taħdem iebes biex tirranġa l-ħbiberija tiegħek miegħu. Imma ftakar li mhux se tagħmel dan waħdek.Ġeħova jgħidilna: “Ejjew, issa, ħa nirranġaw l-affarijiet taʼ bejnietna.” (Is. 1:18) Inti diġà ħdimt iebes biex ‘tirranġa l-affarijiet.’ Ġeħova jħobbok talli għamilt dan l-isforz. Aħseb ftit: Minħabba li int erġajt lura għand Ġeħova, hu jistaʼ juża l-eżempju tiegħek biex joħroġ lil Satana taʼ giddieb!—Prov. 27:11.
Minħabba li int erġajt lura għand Ġeħova, int diġà rsaqt qrib tiegħu u hu jwiegħdek li hu se jersaq qrib tiegħek. (Ġak. 4:8) Huwa tajjeb għall-aħwa li jarawk lura fil-kongregazzjoni, però, int trid tagħmel iktar minn hekk. Int għandek bżonn tkompli ssaħħaħ l-imħabba tiegħek għall-Ħabib tiegħek u Missierek, Ġeħova. Kif tistaʼ tagħmel dan?
AGĦMEL MIRI LI TISTAʼ TILĦAQHOM
Ipprova agħmel miri li tistaʼ tilħaqhom. X’aktarx li għadek tiftakar l-affarijiet bażiċi li tgħallimt dwar Ġeħova u t-tama taʼ futur mill-isbaħ. Imma issa għandek bżonn jerġaʼ jkollok rutina tajba, bħal pereżempju, tipprietka b’mod regolari, tattendi l-laqgħat, u tqattaʼ l-ħin mal-aħwa. Ikkunsidra l-miri li ġejjin.
Tkellem maʼ Ġeħova spiss. Ġeħova jaf li jekk tibqaʼ tħossok ħati se ssibha diffiċli biex titolbu. (Rum. 8:26) Però, ibqaʼ itolbu. Għidlu kemm tixtieq li tkun ħabib tiegħu. (Rum. 12:12) Andrej jiftakar: “Kont nistħi u kont inħoss ħafna ħtija. Imma wara li kont ngħid talba lil Ġeħova, kont nistrieħ u nħossni aħjar.” Jekk ma tkunx taf x’se taqbad tgħid fit-talb, aħseb dwar it-talb li talab is-Sultan David biex juri li vera ddispjaċieh għal dak li għamel, li nsibuh f’Salm 51 u 65.
Studja l-Bibbja b’mod regolari. Dan se jgħinek biex issaħħaħ il-fidi u tkabbar l-imħabba tiegħek għal Ġeħova. (Salm 19:7-11) Felipe jgħid: “Minħabba li qabel ma kellix skeda biex nagħmel studju personali u naqra l-Bibbja, il-fidi tiegħi ddgħajfet u weġġajt lil Ġeħova. Jien ma ridtx nerġaʼ nweġġgħu, għalhekk għamiltha mira li nagħmel studju personali b’mod regolari.” Int tistaʼ tagħmel l-istess. Jekk għandek bżonn l-għajnuna biex tara dwar xiex tistaʼ tagħmel l-istudju personali, tistaʼ titlob l-għajnuna lil ħu jew oħt li għandha ħbiberija soda maʼ Ġeħova.
Erġaʼ ibni l-ħbiberija tiegħek mal-aħwa. Xi wħud li jerġgħu lura fil-kongregazzjoni jinkwetaw li l-aħwa se jkunu rrabjati għalihom. Larissa tammetti: “Kont inħossni skomda. Ħassejt li jien weġġajt u ddiżappuntajt lill-aħwa u domt inħossni hekk għal ħafna żmien.” Kun ċert li l-anzjani u l-aħwa maturi jridu jgħinuk biex terġaʼ tibni l-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. (Ara l-kaxxa “ L-Anzjani X‘Jistgħu Jagħmlu?”) Huma vera kuntenti li int erġajt lura u huma jixtiequ li int tkun ferħan!—Prov. 17:17.
X’jistaʼ jgħinek tersaq qrib tal-aħwa? Attendi l-laqgħat kollha u oħroġ fuq il-ministeru magħhom b’mod regolari. Dan kif se jgħinek? Felix jgħid: “L-aħwa kienu qed jistennewni nerġaʼ lura. Vera ħassejt l-imħabba tagħhom. Huma għenuni nerġaʼ nħossni parti mill-kongregazzjoni, inħoss li Ġeħova ħafirli, u li nistaʼ nkompli naqdih.”—Ara l-kaxxa “ Int X’Tistaʼ Tagħmel?”
TAQTAX QALBEK!
Satana se jkompli jaqlagħlek il-problemi biex jipprova jiskuraġġik waqt li int qed tibni l-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. (Lq. 4:13) Kun lest billi ssaħħaħ il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova minn issa.
Lin-nagħaġ tiegħu Ġeħova jwegħedhom: “Lill-mitlufa se nfittixha, u lill-imferrxa nġibha lura, u lill-miksura ninfaxxaha u lill-muġugħa nsaħħaħha.” (Eżek. 34:16) Ġeħova għen lil ħafna wħud biex jerġgħu jibnu l-ħbiberija tagħhom miegħu. Kun ċert li Ġeħova jrid jgħinek biex int ukoll tibni ħbiberija soda miegħu.
a L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.