Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 42

Kun Ċert li Għandek il-Verità

Kun Ċert li Għandek il-Verità

“Aċċertaw ruħkom minn kollox; żommu sod mat-​tajjeb.” —1 TESS. 5:21.

GĦANJA 142 Inżommu mat-​tama tagħna sat-​tmiem

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

1. Illum għala ħafna nies huma mħawdin?

 ILLUM il-​ġurnata hawn ħafna reliġjonijiet li jgħidu li huma Kristjani u li jqimu lil Alla b’mod tajjeb. Għalhekk, ħafna nies huma mħawdin! Huma jistaqsu, “Reliġjon waħda hi tajba?” “Jew, ir-​reliġjonijiet kollha jogħġbu lil Alla?” Bħala Xhieda taʼ Ġeħova aħna ċerti li ngħallmu l-​verità u li kif naqdu lil Alla hu l-​uniku mod li jogħġbu? Kif nistgħu nkunu ċerti minn dan? Ejja neżaminaw l-​evidenza.

2. Skont l-​1 Tessalonikin 1:5, l-​appostlu Pawlu għala kien ċert li kellu l-​verità?

2 L-​appostlu Pawlu kien ċert li kellu l-​verità. (Aqra l-1 Tessalonikin 1:5.) Hu ma kienx jemmen sempliċiment għax il-​verità għenitu f’ħajtu. Pawlu studja sew il-​Kelma t’Alla u emmen li “l-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.” (2 Tim. 3:16) Pawlu x’tgħallem? Fl-​Iskrittura, Pawlu sab evidenza ċara li Ġesù kien il-​Messija mwiegħed, evidenza li l-​mexxejja reliġjużi Lhud għażlu li jinjoraw. Huma qalu li kienu qegħdin jgħallmu lin-​nies il-​verità dwar Alla, imma huma kienu qed jagħmlu affarijiet li Alla jobgħod. (Titu 1:16) Pawlu ma kienx bħalhom. Hu għażel li jemmen dak kollu li kien hemm miktub fil-​Kelma t’Alla u mhux dak li jaqbel lilu biss. Hu kien lest li jgħallem u japplika “l-​iskop kollu t’Alla.”—Atti 20:27.

3. Biex inkunu konvinti li għandna l-​verità, irridu nkunu nafu t-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet kollha? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Ix-​Xogħlijiet u l-​Ħsibijiet taʼ Ġeħova Huma Ħafna Biex Tirrakkontahom.”)

3 Xi wħud jgħidu li r-​reliġjon vera għandha twieġeb il-​mistoqsijiet kollha, anke dawk il-​mistoqsijiet li m’hemmx tweġiba għalihom fil-​Bibbja. Imma dan huwa possibbli? Aħseb dwar dak li qal Pawlu. Hu qal lil sħabu l-​Kristjani “aċċertaw ruħkom minn kollox,” imma hu qal ukoll li kien hemm ħafna affarijiet li ma setax jifhimhom. (1 Tess. 5:21) Fil-​fatt, Pawlu qal li “l-​għarfien li għandna hu limitat,” u kompla jgħid, “bħalissa naraw imċajpar b’mera tal-​metall.” (1 Kor. 13:9, 12) Hu ma fehemx kollox u lanqas aħna llum. Imma Pawlu fehem il-​veritajiet bażiċi dwar Ġeħova. Hu kien jaf biżżejjed biex ikun konvint li kellu l-​verità!

4. Kif nistgħu nkunu iktar konvinti li għandna l-​verità, u x’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

4 Mod wieħed li jgħinna nkunu iktar konvinti li għandna l-​verità hu billi nqabblu l-​mod taʼ kif Ġesù kien jaqdi lil Alla maʼ dak li qegħdin jagħmlu x-​Xhieda taʼ Ġeħova llum. F’dan l-​artiklu, se naraw li l-​Kristjani veri (1) ma jqimux statwi, (2) jirrispettaw l-​isem t’Alla, (3) iħobbu l-​verità, u (4) iħobbu ħafna lil xulxin.

AĦNA MA NQIMUX STATWI

5. X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġesù ta qima lil Alla, u kif nistgħu napplikaw dak li għallem?

5 Minħabba li Ġesù kien iħobb ħafna lil Ġeħova, hu ta qima lilu biss, sew meta kien fis-​sema u sew meta kien fuq l-​art. (Lq. 4:8) Hu għallem lid-​dixxipli tiegħu biex iqimu lil Ġeħova biss. La Ġesù u lanqas id-​dixxipli tiegħu qatt ma użaw statwi. Alla ma jidhirx, għalhekk, ħadd ma jistaʼ jagħmel xi ħaġa li tixbah lilu! (Is. 46:5) Imma xi ngħidu għall-​istatwi tal-​qaddisin u t-​talb li jitolbu lilhom? It-​tieni kmandament li ta Ġeħova jgħid: “Tagħmilx għalik xi xbieha skolpita jew forma bħal xi ħaġa li hemm fis-​smewwiet ’il fuq, jew li hemm fuq l-​art taħt . . . Tmilx quddiemhom.” (Eżo. 20:4, 5) Għalhekk, dawk in-​nies li jridu jogħġbu lil Alla jifhmu li hu ma jridhomx jagħtu qima lill-​istatwi.

6. Illum, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kif iqimu lil Alla?

6 Nies li studjaw l-​istorja jgħidu li fi żmien l-​appostli l-​Kristjani kienu jagħtu qima biss lil Alla. Pereżempju, ktieb tal-​istorja jgħid li dawn il-​Kristjani “kienu jobogħdu” l-​idea li jintużaw statwi fil-​postijiet taʼ qima. Illum, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jqimu lil Alla bl-​istess mod li kienu jqimuh il-​Kristjani tal-​bidu. Aħna ma nitolbux quddiem statwi taʼ qaddisin jew anġli; u lanqas nitolbu lil Ġesù. Aħna ma nsellmux lill-​bandiera u ma nqimu l-​ebda ħaġa li tirrappreżenta lill-​pajjiż. Anke jekk jippruvaw jisforzawna, aħna determinati li nobdu l-​kliem taʼ Ġesù: “Qim lil Ġeħova Alla tiegħek.”—Mt. 4:10.

7. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kif inhuma differenti ħafna minn reliġjonijiet oħrajn?

7 Illum, ħafna nies jieħdu pjaċir jisimgħu lill-​mexxejja reliġjużi popolari. Huma tant ikunu jammiraw lil dawn in-​nies, li kważi jaslu biex iqimuhom. Ħafna nies imorru fil-​knejjes tagħhom, jixtru l-​kotba tagħhom, u jagħtuhom ħafna flus biex jappoġġjawhom. Xi nies jemmnu dak kollu li jgħidu dawn l-​għalliema reliġjużi. U huma jieħdu pjaċir bihom daqslikieku qegħdin jaraw lil Ġesù! Imma dawk li jqimu lil Alla b’mod tajjeb ma jagħmlux lill-​mexxejja reliġjużi tagħhom bħala allat. Għalkemm aħna nirrispettaw lil dawk li jmexxu fl-​organizzazzjoni, aħna naċċettaw dak li qalilna Ġesù: “Intom ilkoll aħwa.” (Mt. 23:8-​10) Aħna ma nagħtux qima lin-​nies, sew jekk huma mexxejja reliġjużi u sew jekk huma politikanti. Aħna ma nieħdu sehem fl-​ebda attività li jagħmlu huma. Minflok, nibqgħu newtrali u b’hekk ma nkunux parti mid-​dinja. Dan kollu jurina li aħna differenti ħafna minn reliġjonijiet oħrajn li jgħidu li huma Kristjani.—Ġw. 18:36.

NIRRISPETTAW L-​ISEM T’ALLA

8. Kif nafu li Ġeħova jridna nużaw ismu u ngħallmuh lil oħrajn?

8 Darba waħda, Ġesù talab: “Missier, igglorifika lil ismek.” Ġeħova wieġeb din it-​talba b’leħen qawwi mis-​sema u wiegħdu li se jigglorifika lil ismu. (Ġw. 12:28) Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù dejjem għallem isem Missieru lil oħrajn. (Ġw. 17:26) Għalhekk, il-​Kristjani veri jħossuh taʼ privileġġ li jistgħu jużaw isem Alla u jgħallmuh lil oħrajn.

9. Il-​Kristjani tal-​bidu kif urew li jirrispettaw l-​isem t’Alla?

9 Ftit wara li kien hemm l-​ewwel kongregazzjoni Kristjana, Ġeħova “dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu.” (Atti 15:14) Dawn il-​Kristjani kienu kburin li bdew jużaw l-​isem t’Alla u bdew jgħallmuh lil oħrajn. L-​appostli u d-​dixxipli użaw l-​isem t’Alla meta ppritkaw u kitbu l-​kotba tal-​Bibbja. b B’dan il-​mod urew li huma biss kienu qed jużaw l-​isem t’Alla.—Atti 2:14, 21.

10. Kif nafu li x-​Xhieda taʼ Ġeħova biss qed ixandru l-​isem t’Alla?

10 Kif nafu li x-​Xhieda taʼ Ġeħova biss qed ixandru l-​isem t’Alla? Ejja nikkunsidraw il-​provi. Illum, ħafna mexxejja reliġjużi għamlu minn kollox biex jaħbu l-​isem t’Alla. F’xi każijiet, huma neħħewh mill-​Bibbja u m’aċċettawx li jintuża l-​isem t’Alla fil-​knejjes tagħhom. c Jidher ċar li x-​Xhieda taʼ Ġeħova biss għandhom rispett kbir lejn ismu. Aħna qegħdin inxandru isem Alla iktar minn kull reliġjon oħra! Aħna qed nagħmlu l-​almu tagħna biex nagħtu xhieda lin-​nies dwar Ġeħova biex b’hekk ikun jixirqilna li nissejħu x-​Xhieda taʼ Ġeħova! (Is. 43:10-​12) Aħna ppubblikajna iktar minn 240 miljun kopja tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida ta’ l-​Iskrittura Mqaddsa, li fiha l-​isem taʼ Ġeħova f’postijiet fejn kien tneħħa minn Bibbji oħrajn. U nippubblikaw ukoll pubblikazzjonijiet li fihom l-​isem taʼ Ġeħova f’iktar minn 1,000 lingwa!

AĦNA NĦOBBU L-​VERITÀ

11. Il-​Kristjani tal-​bidu kif urew l-​imħabba tagħhom għall-​verità?

11 Ġesù ħabb il-​verità, jiġifieri, il-​verità dwar Alla u dwar dak li se jagħmel. Ġesù għex ħajtu fi qbil mal-​verità, u hu għallem din il-​verità lil oħrajn. (Ġw. 18:37) Is-​segwaċi taʼ Ġesù wkoll kienu jħobbu ħafna l-​verità. (Ġw. 4:23, 24) Fil-​fatt, l-​appostlu Pietru sejjaħ ir-​reliġjon tal-​Kristjani “t-​triq tal-​verità.” (2 Pt. 2:2) Minħabba li huma ħabbew ħafna l-​verità, il-​Kristjani tal-​bidu m’aċċettawx tradizzjonijiet reliġjużi u opinjonijiet tan-​nies li jmorru kontra l-​verità. (Kol. 2:8) Bl-​istess mod illum, il-​Kristjani veri jaħdmu iebes biex ‘ikomplu mexjin fil-​verità’ billi t-​tagħlim kollu tagħhom u l-​mod kif jgħixu ħajjithom ikunu bbażati fuq il-​Bibbja.—3 Ġw. 3, 4.

12. X’jiġri meta l-​Ġemgħa li Tiggverna tinduna li hemm bżonn inbiddlu l-​mod taʼ kif nifhmu xi ħaġa, u għala tagħmel dan?

12 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jgħidux li huma jifhmu dak kollu li hemm fil-​Bibbja. Kien hemm drabi meta ħadu żball fil-​mod taʼ kif spjegaw it-​tagħlim tal-​Bibbja jew kif għamlu l-​affarijiet fl-​organizzazzjoni tagħhom. Però, m’għandniex għalfejn niħduha bi kbira. Il-​Bibbja turi b’mod ċar li n-​nies t’Alla, iktar ma jgħaddi żmien, iktar se jifhmu l-​Bibbja. (Kol. 1:9, 10) Ġeħova jagħtina l-​verità bil-​mod u aħna rridu nkunu paċenzjużi sakemm inkunu nistgħu nifhmu l-​verità aħjar. (Prov. 4:18) Meta l-​Ġemgħa li Tiggverna ssir taf li rridu nibdlu l-​mod taʼ kif nifhmu jew nagħmlu xi ħaġa, huma mill-​ewwel jagħmlu l-​bidla. Illum, ħafna knejjes ibiddlu t-​tagħlim tagħhom għax iridu jogħġbu lill-​membri tagħhom jew lin-​nies fid-​dinja. Imma x-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu l-​bidliet għax iridu jersqu eqreb t’Alla u jqimuh bħal Ġesù. (Ġak. 4:4) Meta l-​organizzazzjoni tagħmel xi bidla, ma tagħmilhiex biex taqbel mal-​opinjoni tan-​nies, imma għax tifhem il-​Bibbja b’mod aħjar. Aħna nħobbu l-​verità!—1 Tess. 2:3, 4.

AĦNA NĦOBBU ĦAFNA LIL XULXIN

13. Liema hi l-​iktar kwalità importanti li juru l-​Kristjani u x-​Xhieda taʼ Ġeħova kif juruha?

13 Il-​Kristjani tal-​bidu kienu magħrufin għall-​ħafna kwalitajiet tajbin, imma l-​iktar kwalità importanti li kienu magħrufin għaliha kienet l-​imħabba. Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġw. 13:34, 35) Illum, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja kollha jgawdu unità u mħabba vera bejniethom. Aħna differenti minn kull reliġjon oħra għax minkejja li niġu minn pajjiżi u kulturi differenti, aħna familja waħda. Nistgħu naraw dan fil-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet tagħna. Dan ikompli jikkonvinċina li aħna qed inqimu lil Ġeħova bil-​mod kif jixtieq hu.

14. Skont Kolossin 3:12-​14, x’inhu mod wieħed kif nuru li nħobbu ħafna lil xulxin?

14 Il-​Bibbja tgħidilna “ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin.” (1 Pt. 4:8) Mod wieħed kif nuru l-​imħabba hu billi naħfru lil xulxin mill-​qalb u nissaportu lil xulxin. Barra minn hekk, aħna nfittxu opportunitajiet biex inkunu ġenerużi u ospitabbli mal-​aħwa kollha, anke maʼ dawk li forsi weġġgħuna. (Aqra Kolossin 3:12-​14.) Meta nuru mħabba bħal din, nagħtu prova li aħna Kristjani veri.

“FIDI WAĦDA”

15. B’liema modi aħna nqimu lil Alla bħalma kienu jqimuh il-​Kristjani tal-​bidu?

15 Aħna nqimu lil Alla bħall-​Kristjani tal-​bidu b’modi oħrajn. Pereżempju, aħna organizzati bħalma kienu huma. Aħna għandna l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet, l-​anzjani, u l-​qaddejja ministerjali, eżatt bħalma kellhom huma. (Flp. 1:1; Titu 1:5) U bħalhom, aħna nirrispettaw il-​liġi taʼ Ġeħova dwar is-​sess, iż-​żwieġ, u d-​demm. U aħna nipproteġu l-​kongregazzjoni minn dawk l-​uħud li ma jkunux iridu jobdu l-​liġi t’Alla.—Atti 15:28, 29; 1 Kor. 5:11-​13; 6:9, 10; Ebr. 13:4.

16. L-​iskrittura t’Efesin 4:4-​6 x’tgħallimna?

16 Ġesù qal li se jkun hemm ħafna nies li jgħidu li huma dixxipli tiegħu, imma mhux kollha se jkunu tajbin. (Mt. 7:21-​23) Il-​Bibbja tgħidilna wkoll li fl-​aħħar jiem ħafna nies “ikollhom [biss] għamla taʼ devozzjoni lejn Alla.” (2 Tim. 3:1, 5) Però, il-​Bibbja turina ċar li hemm “fidi waħda” li Alla jaċċetta.—Aqra Efesin 4:4-​6.

17. Illum min għandu l-​fidi vera u għala?

17 Illum min għandu l-​fidi vera? Matul dan l-​artiklu rajna l-​evidenza. Rajna l-​mod taʼ kif Ġesù għallem lin-​nies biex iqimu lil Alla u l-​mod taʼ kif il-​Kristjani tal-​bidu mxew fuq l-​eżempju tiegħu. Mela, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova biss għandhom il-​fidi vera, għax huma jqimu lil Alla kif jogħġob lilu. Xi privileġġ għandna li nagħmlu parti mill-​familja taʼ Ġeħova u li nafu l-​verità dwaru u dwar l-​iskop tiegħu! Jalla nibqgħu ċerti li għandna l-​verità.

GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama

a F’dan l-​artiklu, se naraw l-​eżempju li ħallielna Ġesù taʼ kif għandha tkun il-​qima vera, u kif il-​Kristjani tal-​bidu pprattikaw din il-​qima. Ukoll, se naraw evidenza li x-​Xhieda taʼ Ġeħova llum qegħdin iqimu lil Alla bil-​mod li jogħġob lilu.

b Ara l-​kaxxa “Did the First Christians Use God’s Name?” fIt-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Lulju 2010, paġna 6.

c Pereżempju, fl-​2008, il-​Papa Benedettu Sittax qal li l-​isem t’Alla “m’għandux jintuża” fir-​reliġjon Kattolika, waqt il-​quddiesa, fl-​għanjiet, u fit-​talb.

d X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova ħarġet it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida f’iktar minn 200 lingwa biex b’hekk in-nies ikunu jistgħu jaqrawha bil-lingwa tagħhom. Din il-Bibbja fiha l-isem t’Alla, Ġeħova.