Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Il-kelma t’Alla tagħna tibqaʼ għal dejjem’

‘Il-kelma t’Alla tagħna tibqaʼ għal dejjem’

“Il-​ħaxix aħdar nixef, l-​inwar dbiel; imma l-​kelma t’Alla tagħna, din tibqaʼ għal dejjem.”—ISAIJA 40:8.

GĦANJIET: 116, 115

1, 2. (a) Kif kienet tkun il-​ħajja mingħajr il-​Bibbja? (b) X’inhu li jgħinna nibbenefikaw mill-​Kelma t’Alla?

KIF kienet tkun ħajtek kieku ma kellekx il-​Bibbja? Ma kienx ikollok pariri għaqlin biex jiggwidawk kuljum. Ma kontx tkun taf il-​verità dwar Alla, il-​ħajja, jew il-​futur. U ma kien ikollok l-​ebda idea taʼ dak li Ġeħova għamel għall-​bnedmin fil-​passat.

2 Aħna ferħanin ħafna li m’aħniex f’din is-​sitwazzjoni miżerabbli. Ġeħova tana l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Hu wiegħed li l-​messaġġ tagħha se jibqaʼ għal dejjem. L-​appostlu Pietru kkwota Isaija 40:8. Dan il-​vers ma jirreferix speċifikament għall-​Bibbja, però jirreferi għall-​messaġġ tal-​Bibbja. (Aqra l-​1 Pietru 1:24, 25.) L-​iktar mod kif nistgħu nibbenefikaw mill-​Bibbja hu billi naqrawha bil-​lingwa tagħna stess. Dawk li jħobbu l-​Kelma t’Alla minn dejjem kienu jafuh dan. Matul is-​sekli, xi nies ħadmu iebes biex jittraduċu l-​Bibbja u jagħmluha disponibbli, minkejja oppożizzjoni kbira u diffikultajiet. Ġeħova jixtieq lil kemm jistaʼ jkun nies “jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.”—1 Timotju 2:3, 4.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu? (Ara l-​ewwel stampa.)

3 F’dan l-​artiklu se niddiskutu kif il-​Kelma t’Alla baqgħet teżisti minkejja (1) bidliet fil-​lingwa, (2) żviluppi politiċi li biddlu l-​lingwa komuni, u (3) oppożizzjoni għat-​traduzzjoni tal-​Bibbja. Did-​diskussjoni kif se tgħinna? Din se tkabbar l-​apprezzament tagħna għall-​Bibbja u għall-​Awtur tagħha.—Mikea 4:2; Rumani 15:4.

BIDLIET FIL-​LINGWA

4. (a) Il-​lingwi kif jinbidlu maż-​żmien? (b) Kif nafu li Alla ma jippreferix xi lingwa speċifika? Dan kif iġiegħlek tħossok?

4 Maż-​żmien, il-​lingwi jinbidlu. Ċertu kliem u espressjonijiet jistgħu jibdew ifissru xi ħaġa totalment differenti milli kienu jfissru qabel. Forsi tistaʼ taħseb f’xi eżempji taʼ kif il-​lingwa tiegħek inbidlet. Dan hu minnu wkoll fil-​każ taʼ lingwi antiki. L-​Ebrajk u l-​Grieg li n-​nies jużaw illum huma differenti mill-​Ebrajk u l-​Grieg li bihom ġiet miktuba l-​Bibbja. Il-​maġġoranza tan-​nies ma jistgħux jifhmu l-​Bibbja bil-​lingwi antiki li ġiet miktuba bihom, allura jkollhom bżonn traduzzjoni. Xi wħud ħasbu li kieku tgħallmu l-​Ebrajk u l-​Grieg antik, kienu jkunu jistgħu jifhmu l-​Bibbja aħjar. Imma dan jistaʼ ma jgħinhomx daqskemm jaħsbu. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Aħna grati ħafna li l-​Bibbja jew partijiet minnha ġew tradotti b’iktar minn 3,200 lingwa. Biċ-​ċar, Ġeħova jixtieq li nies minn “kull ġens u tribù u lsien” jibbenefikaw mill-​Kelma tiegħu. (Aqra Rivelazzjoni 14:6.) Dan bla dubju jġegħelna nħossuna saħansitra eqreb lejn Alla tagħna, li hu kollu mħabba u imparzjali.—Atti 10:34.

Aħna grati li l-​Bibbja jew partijiet minnha ġew tradotti b’iktar minn 3,200 lingwa

5. X’inhu li għamel il-​King James Version importanti?

5 Il-​fatt li l-​lingwi jinbidlu jeffettwa wkoll it-​traduzzjonijiet tal-​Bibbja. Traduzzjoni li kienet faċli biex tinqara meta kienet għadha kemm ġiet ippubblikata tistaʼ ma tibqax daqshekk ċara maż-​żmien. Eżempju taʼ dan hi l-​Bibbja King James Version, li ġiet ippubblikata fl-​1611. Din saret waħda mill-​iktar Bibbji popolari bl-​Ingliż. Il-​kliem użat fiha saħansitra effettwa l-​lingwa Ingliża. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Però, dit-​traduzzjoni użat isem Ġeħova ftit drabi biss. Fil-​biċċa l-​kbira tal-​versi fl-​Iskrittura Ebrajka fejn oriġinarjament kien jinsab isem Alla, din użat il-​kelma “LORD,” jiġifieri Mulej, b’ittri kbar. Kopji li saru wara wkoll użaw il-​kelma “LORD” b’ittri kbar f’xi versi tal-​Iskrittura Griega Kristjana. Il-​fatt li ntużaw ittri kbar jindika li l-​King James Version ammettiet li isem Alla kellu postu fl-​hekk imsejjaħ Testment il-​Ġdid.

6. Għaliex aħna grati għat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida?

6 Meta l-​King James Version kienet għadha kif ħarġet, il-​kliem Ingliż li użat instemaʼ modern. Imma hekk kif għadda ż-​żmien, xi ftit minn dan il-​kliem beda jinstemaʼ antikwat, u llum hu diffiċli biex jinftiehem. L-​istess ħaġa ġrat fl-​ewwel traduzzjonijiet tal-​Bibbja b’lingwi oħra. Għalhekk, aħna grati immens li għandna t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa, li tuża lingwa moderna. Dit-​traduzzjoni sħiħa jew partijiet minnha huma disponibbli b’iktar minn 150 lingwa. Dan ifisser li l-​maġġoranza tan-​nies fid-​dinja issa jistgħu jaqraw dit-​traduzzjoni bil-​lingwa tagħhom stess. Il-​kliem modern u ċar li tuża jagħmilha faċli biex il-​messaġġ t’Alla jilħqilna qalbna. (Salm 119:97) Imma dak li jagħmel it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida verament speċjali hu li tpoġġi isem Alla fil-​postijiet fejn kien jinsab fil-​bidu.

ŻVILUPPI POLITIĊI

7, 8. (a) Ħafna Lhud fit-​tielet seklu QK għala ma setgħux jifhmu l-​Iskrittura Ebrajka? (b) X’inhi s-​Settanta Griega?

7 Żviluppi politiċi fid-​dinja kultant influwenzaw il-​lingwa li n-​nies tkellmu biha f’ċertu żmien. Imma Ġeħova għamel ċert li l-​Bibbja tkun disponibbli għan-​nies b’lingwa li jistgħu jifhmu. Pereżempju, l-​ewwel 39 ktieb tal-​Bibbja nkitbu mil-​Lhud, jew l-​Iżraelin. Huma kienu l-​ewwel li ġew “fdati bid-​dikjarazzjonijiet sagri t’Alla.” (Rumani 3:1, 2) Oriġinarjament, huma kitbu dawn il-​kotba bl-​Ebrajk jew bl-​Aramajk. Imma sat-​tielet seklu qabel Kristu (QK), ħafna Lhud ma kinux għadhom jifhmu l-​Ebrajk. Għaliex? Meta Alessandru l-​Kbir għeleb parti kbira mid-​dinja, l-​Imperu Grieg infirex. B’hekk, il-​Grieg sar il-​lingwa komuni fil-​postijiet immexxijin mill-​Greċja, u ħafna nies bdew jitkellmu l-​Grieg minflok il-​lingwa tagħhom. (Danjel 8:5-​7, 20, 21) Dan inkluda lil ħafna Lhud, allura sar diffiċli għalihom li jifhmu l-​Bibbja bl-​Ebrajk. X’kienet is-​soluzzjoni?

8 Madwar 250 sena qabel twieled Ġesù, l-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja ġew tradotti bil-​Grieg. Iktar tard, il-​bqija tal-​Iskrittura Ebrajka ġiet tradotta wkoll. Dit-​traduzzjoni saret magħrufa bħala s-​Settanta Griega. Din hi l-​ewwel traduzzjoni magħrufa tal-​Iskrittura Ebrajka sħiħa.

9. (a) Is-​Settanta u traduzzjonijiet oħra tal-​bidu kif għenu lin-​nies li qraw il-​Kelma t’Alla? (b) Liema hi l-​parti favorita tiegħek mill-​Iskrittura Ebrajka?

9 Is-​Settanta għamlitha possibbli għal-​Lhud li tkellmu bil-​Grieg biex jaqraw l-​Iskrittura Ebrajka bil-​Grieg. Immaġina kemm kienu eċċitati li setgħu jisimgħu jew jaqraw il-​Kelma t’Alla bil-​lingwa tagħhom stess! Eventwalment, partijiet mill-​Bibbja ġew tradotti b’lingwi komuni oħra, bħas-​Sirjaku, il-​Gotiku, u l-​Latin. Hekk kif iktar nies setgħu jaqraw u jifhmu l-​Kelma t’Alla, anki huma saru jħobbuha. U huma setaʼ jkollhom il-​versi favoriti tagħhom, l-​istess bħalna llum. (Aqra Salm 119:162-​165.) Iva, il-​Kelma t’Alla baqgħet teżisti minkejja bidliet politiċi u bidliet għal-​lingwa komuni.

OPPOŻIZZJONI GĦAT-​TRADUZZJONI TAL-​BIBBJA

10. Fi żmien John Wycliffe, il-​maġġoranza tan-​nies għala ma setgħux jaqraw il-​Bibbja?

10 Matul is-​snin, ħafna mexxejja li kellhom il-​qawwa pprovaw iżommu n-​nies milli jaqraw il-​Bibbja. Imma xi nies li kellhom il-​biżaʼ minn Alla ma waqfux jaħdmu f’li jagħmlu l-​Bibbja disponibbli għal kulħadd. Wieħed minn dawn kien John Wycliffe, li għex l-​Ingilterra matul is-​seklu 14. Hu emmen li kulħadd kellu jkun jistaʼ jaqra l-​Bibbja. Matul ħajtu, il-​biċċa l-​kbira min-​nies fl-​Ingilterra qatt ma kienu semgħu l-​messaġġ tal-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom. Il-​Bibbji kienu għaljin ħafna, u kull kopja kellha tiġi miktuba bl-​idejn. Għalhekk, kienu verament ftit in-​nies li kellhom Bibbja. Barra minn hekk, il-​maġġoranza tan-​nies dak iż-​żmien lanqas biss kienu jafu jaqraw. Dawk li kienu jmorru l-​knisja forsi semgħu l-​Bibbja tinqara b’leħen għoli bil-​Latin, imma din kienet lingwa antika li n-​nies komuni ma kinux jifhmu. Ġeħova kif għamel ċert li n-​nies ikollhom il-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom stess?—Proverbji 2:1-​5.

John Wycliffe u oħrajn xtaqu li kulħadd ikollu l-Kelma t’Alla. Għandek din ix-xewqa int ukoll? (Ara paragrafu 11)

11. X’impatt għamlet il-​Bibbja taʼ Wycliffe?

11 Fl-​1382, John Wycliffe u oħrajn ittraduċew il-​Bibbja bl-​Ingliż. Il-​Bibbja taʼ Wycliffe saret popolari ħafna fost grupp taʼ nies li kienu jħobbu l-​Bibbja magħrufin bħala Lollards. Huma vvjaġġaw mal-​Ingilterra kollha billi mxew minn villaġġ għal ieħor. Il-​Lollards qraw il-​Bibbja lin-​nies u tawhom kopji miktubin bl-​idejn taʼ partijiet minnha. Xogħolhom għamel il-​Bibbja popolari ħafna għal darb’oħra.

12. Il-​kleru kif ħassu dwar Wycliffe u xogħlu?

12 Il-​kleru wera mibegħda lejn Wycliffe, il-​Bibbja tiegħu, u dawk li kienu jsegwuh. Huma ppersegwitaw il-​Lollards u qerdu kull Bibbja taʼ Wycliffe li setgħu jsibu. Għalkemm Wycliffe kien diġà miet, il-​kleru ddikjarah bħala eretiku, jew għadu tal-​Knisja. Huma ħaffru għall-​għadam tiegħu, ħarquh, u rmew l-​irmied fix-​Xmara Swift. Imma ħafna nies riedu jaqraw u jifhmu l-​Kelma t’Alla, u l-​Knisja ma setgħetx twaqqafhom milli jagħmlu dan. Fil-​mijiet taʼ snin li ġew wara, nies fl-​Ewropa u f’partijiet oħra tad-​dinja bdew jittraduċu u jipprintjaw il-​Bibbja b’lingwi li ħafna nies setgħu jifhmu.

‘JIEN LI NGĦALLMEK GĦALL-​ĠID TIEGĦEK’

13. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti? Dan kif isaħħilna l-​fidi?

13 Il-​Bibbja hi mnebbħa minn Alla. Imma dan ma jfissirx li x-​xogħol li sar biex tiġi tradotta s-​Settanta, il-​Bibbja taʼ Wycliffe, il-​King James Version, jew xi traduzzjoni oħra hu direttament imnebbaħ minn Alla. Madankollu, meta neżaminaw kif saru dawn it-​traduzzjonijiet, jidher ċar li eżatt bħalma wiegħed Ġeħova, Kelmtu baqgħet teżisti. Dan isaħħilna l-​fidi li kull ħaġa oħra li Ġeħova wiegħed se sseħħ ukoll.—Ġożwè 23:14.

14. Dak li nitgħallmu mill-​Bibbja kif ikabbrilna mħabbitna għal Alla?

14 Meta nsiru nafu dwar kif Ġeħova pproteġa l-​Kelma tiegħu, il-​fidi tagħna fih tissaħħaħ u mħabbitna għalih tikber. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Wara kollox, Ġeħova għala tana l-​Bibbja? U għala wiegħed li jipproteġiha? Dan għamlu għax iħobbna u jrid jgħallimna għall-​ġid tagħna. (Aqra Isaija 48:17, 18.) Dan iqanqalna nħobbuh u nobduh.—1 Ġwanni 4:19; 5:3.

15. X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

15 Aħna napprezzawha ħafna l-​Kelma t’Alla, allura kif nistgħu nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​qari personali tal-​Bibbja? Kif nistgħu ngħinu lil dawk li niltaqgħu magħhom fuq il-​ministeru biex japprezzaw il-​Bibbja? Dawk li jgħallmu fil-​kongregazzjoni kif jistgħu jagħmlu ċert li kull ħaġa li jgħallmu tkun ibbażata fuq il-​Kelma t’Alla? Fl-​artiklu li jmiss se niddiskutu dawn il-​mistoqsijiet.

^ par. 4 Ara l-artiklu “Do You Need to Learn Hebrew and Greek?” fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Novembru 2009.

^ par. 5 Hemm ħafna espressjonijiet magħrufin bl-Ingliż li ġew mill-King James Version.

^ par. 14 Ara l-kaxxa “ Ejja araha!