Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Kun kuraġġuż . . . u aġixxi”

“Kun kuraġġuż . . . u aġixxi”

“Kun kuraġġuż u b’saħħtek u aġixxi. Tibżax u titwerwirx, għax Alla Ġeħova . . . qiegħed miegħek.”—1 KRONAKI 28:20.

GĦANJIET: 60, 29

1, 2. (a) Salamun liema inkarigu importanti ngħata? (b) David għala kien imħasseb dwar Salamun?

SALAMUN ingħata inkarigu speċjali. Ġeħova għażlu biex jieħu ħsieb il-​bini tat-​tempju f’Ġerusalemm, wieħed mill-​iktar proġetti taʼ kostruzzjoni importanti li qatt kien hawn! It-​tempju kien se jkun ‘grandjuż b’mod straordinarju,’ u kellu jkun magħruf għall-​ġmiel tiegħu. Iktar importanti minn hekk, kellu jkun “id-​dar taʼ Ġeħova, l-​Alla l-​veru.”—1 Kronaki 22:1, 5, 9-​11.

2 Is-​Sultan David kien fiduċjuż li Alla kien se jappoġġja lil Salamun. Imma Salamun kien “żagħżugħ u bla esperjenza.” Kien hu se jkollu l-​kuraġġ jaċċetta l-​inkarigu biex jibni t-​tempju? Jew kien se jħalli l-​fatt li kien żagħżugħ u bla esperjenza jwaqqfu milli jagħmel dan? Biex jirnexxi, Salamun kien se jkollu bżonn ikun kuraġġuż u jaġixxi.

3. Salamun x’setaʼ jitgħallem dwar il-​kuraġġ mingħand missieru?

3 Salamun żgur li tgħallem ħafna dwar il-​kuraġġ mingħand missieru, David. Anke meta David kien għadu żgħir ħafna, hu ġġieled kontra annimali slavaġ li attakkaw in-​nagħaġ taʼ missieru. (1 Samwel 17:34, 35) Hu wera kuraġġ kbir ukoll meta ġġieled kontra suldat b’saħħtu u tat-​twerwir, il-​ġgant Gulija. Iva, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova u ċagħqa żgħira, David għeleb lil Gulija.—1 Samwel 17:45, 49, 50.

4. Salamun għala kellu bżonn ikun kuraġġuż?

4 Nistgħu nifhmu għala David kien il-​persuna t-​tajba biex iħeġġeġ lil Salamun ikun kuraġġuż u jibni t-​tempju. (Aqra l-​1 Kronaki 28:20.) Kieku Salamun ma weriex kuraġġ, il-​biżaʼ setgħet tipparalizzah, jiġifieri, twaqqfu milli saħansitra jibda x-​xogħol. U dan kien ikun agħar milli kieku ma rnexxilux iwettaq l-​inkarigu.

Aħna għandna bżonn l-​għajnuna mingħand Ġeħova sabiex inkunu kuraġġużi u nagħmlu x-​xogħol li jagħtina

5. Għala għandna bżonn il-​kuraġġ?

5 Bħal Salamun, aħna għandna bżonn l-​għajnuna mingħand Ġeħova sabiex inkunu kuraġġużi u nagħmlu x-​xogħol li jagħtina. Allura ejja nistudjaw l-​eżempji taʼ xi wħud fil-​passat li kienu kuraġġużi. Imbagħad inkunu nistgħu naħsbu dwar kif nistgħu nkunu kuraġġużi u nwettqu xogħolna.

EŻEMPJI TAʼ WĦUD LI KIENU KURAĠĠUŻI

6. Il-​kuraġġ taʼ Ġużeppi għala jimpressjonak?

6 Ġużeppi wera kuraġġ meta l-​mara taʼ Potifar ittantatu biex jikkommetti immoralità sesswali. Hu żgur kien jaf li ħajtu setgħet tkun fil-​periklu jekk jirrifjuta. Imma minflok ma ċeda, hu wera kuraġġ u bla telf taʼ żmien ħa azzjoni.—Ġenesi 39:10, 12.

7. Raħab kif uriet kuraġġ? (Ara l-​ewwel stampa.)

7 Raħab hi eżempju ieħor taʼ kuraġġ. Meta spiji Iżraelin marru d-​dar tagħha f’Ġeriko, hi setgħet ċediet għall-​biżaʼ u m’aċċettatx li tgħinhom. Imma peress li fdat f’Ġeħova, b’kuraġġ ħbiet liż-​żewġt irġiel u għenithom jaħarbu bla periklu. (Ġożwè 2:4, 5, 9, 12-​16) Raħab emmnet li Ġeħova hu l-​Alla l-​veru, u kienet fiduċjuża li b’xi mod kien se jagħti l-​art lill-​Iżraelin. Hi ma ħallietx il-​biżaʼ minn oħrajn twaqqafha, inkluż il-​biżaʼ mis-​sultan taʼ Ġeriko u l-​irġiel tiegħu. Minflok, hi aġixxiet b’kuraġġ u salvat lilha nfisha u ’l familtha.—Ġożwè 6:22, 23.

8. Il-​kuraġġ li kellu Ġesù kif effettwa lill-​appostli?

8 L-​appostli leali taʼ Ġesù wkoll urew kuraġġ kbir. Huma kienu raw il-​kuraġġ li kellu Ġesù, u dan għenhom biex jimitawh. (Mattew 8:28-​32; Ġwanni 2:13-​17; 18:3-​5) Meta s-​Sadduċej ipprovaw iwaqqfuhom milli jgħallmu dwar Ġesù, l-​appostli rrifjutaw li jagħmlu dan.—Atti 5:17, 18, 27-​29.

9. It-​2 Timotju 1:7 kif jgħinna nifhmu minn fejn jiġi l-​kuraġġ?

9 Ġużeppi, Raħab, Ġesù, u l-​appostli kienu determinati jagħmlu dak li hu tajjeb. Huma wrew kuraġġ, mhux għax kienu kunfidenti fl-​abbiltajiet tagħhom stess, imma għax straħu fuq Ġeħova. Meta xi drabi jkollna bżonn il-​kuraġġ, aħna wkoll għandna nistrieħu fuq Ġeħova, u mhux fuqna nfusna. (Aqra t-​2 Timotju 1:7.) Ejja nikkunsidraw żewġ aspetti tal-​ħajja fejn għandna bżonn il-​kuraġġ: fil-​familja tagħna u fil-​kongregazzjoni.

SITWAZZJONIJIET LI JIRRIKJEDU KURAĠĠ

10. Iż-​żgħażagħ Kristjani għala għandhom bżonn il-​kuraġġ?

10 Hemm ħafna sitwazzjonijiet fejn iż-​żgħażagħ Kristjani għandhom bżonn juru kuraġġ biex jaqdu lil Ġeħova. Huma jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju taʼ Salamun u jsegwuh. Hu kien kuraġġuż meta ħa deċiżjonijiet għaqlin biex ilesti l-​bini tat-​tempju. Għalkemm iż-​żgħażagħ jistgħu u għandhom jiġu gwidati mill-​ġenituri tagħhom, huma għandhom id-​deċiżjonijiet importanti tagħhom stess x’jieħdu. (Proverbji 27:11) Huma għandhom bżonn il-​kuraġġ biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin bħal min se jkunu l-​ħbieb tagħhom, x’divertiment se jagħżlu, kif se jibqgħu nodfa moralment, u meta se jitgħammdu. Għandhom bżonn kuraġġ bħal dan għax huma qed jagħmlu l-​kontra taʼ dak li jrid Satana, il-​wieħed li jgħajjar lil Alla.

11, 12. (a) Mosè kif wera kuraġġ? (b) Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jimitaw l-​eżempju taʼ Mosè?

11 Deċiżjoni importanti li ż-​żgħażagħ għandhom jieħdu hi dwar liema miri se jagħmlu. F’xi pajjiżi, iż-​żgħażagħ għandhom pressjoni biex jiffokaw fuq edukazzjoni għolja u li jkollhom impjieg b’paga tajba ħafna. F’pajjiżi oħra, is-​sitwazzjoni ekonomika hi diffiċli, u ż-​żgħażagħ jistgħu jħossu li għandhom jiffokaw l-​iktar fuq li jaħdmu ħalli jgħinu l-​familji tagħhom. Jekk tinsab f’waħda minn dawn is-​sitwazzjonijiet, aħseb dwar l-​eżempju taʼ Mosè. Hu trabba minn bint il-​Fargħun, għalhekk hu setaʼ għamel mira biex isir sinjur jew importanti ħafna. Immaġina l-​pressjoni li żgur kellu mill-​familja Eġizzjana tiegħu, l-​għalliema, u dawk li kienu jagħtuh il-​pariri! Imma Mosè kien kuraġġuż u għażel li jkun mal-​poplu t’Alla. Wara li Mosè telaq mill-​Eġittu u ħalla warajh ir-​rikkezzi li kien hemm, hu straħ kompletament fuq Ġeħova. (Ebrej 11:24-​26) B’hekk, Ġeħova bierku bil-​kbir, u se jbierku saħansitra iktar fil-​futur.

12 Meta ż-​żgħażagħ b’kuraġġ jagħmlu miri fis-​servizz taʼ Ġeħova u jpoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajjithom, hu se jberikhom. Hu se jgħinhom jipprovdu għall-​bżonnijiet taʼ familthom. Fl-​ewwel seklu, iż-​żagħżugħ Timotju ffoka ħajtu fuq li jaqdi lil Alla, u int tistaʼ tagħmel l-​istess. * (Ara n-​nota taʼ taħt.)—Aqra Filippin 2:19-​22.

Determinat int li tkun kuraġġuż f’kull aspett taʼ ħajtek? (Ara paragrafi 13-17)

13. Il-​kuraġġ kif għen oħt żagħżugħa tilħaq il-​miri tagħha?

13 Oħt f’Alabama, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, kellha bżonn il-​kuraġġ biex tagħmel miri fis-​servizz t’Alla. Hi tikteb: “Jien u nikber, kont mistħija ħafna. Bilkemm kont nitkellem man-​nies fis-​Sala tas-​Saltna, aħseb u ara kemm inħabbat il-​bibien taʼ nies li ma nafhomx.” Bl-​għajnuna tal-​ġenituri tagħha u oħrajn fil-​kongregazzjoni, din iż-​żagħżugħa Kristjana laħqet il-​mira tagħha li ssir pijuniera regolari. Hi tgħid: “Id-​dinja taʼ Satana tippromwovi edukazzjoni għolja, fama, flus, u li jkollok ħafna affarijiet materjali bħala li huma miri tajbin.” Imma hi rrealizzat ukoll li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies qatt ma jistgħu jilħqu dawn il-​miri u li dawn iġibu biss stress u wġigħ. Hi żżid: “Iżda li naqdi lil Ġeħova ġabli l-​akbar ferħ u sodisfazzjon.”

14. Il-​ġenituri Kristjani meta għandhom bżonn il-​kuraġġ?

14 Il-​ġenituri Kristjani wkoll għandhom bżonn il-​kuraġġ. Pereżempju, l-​imgħallem tiegħek forsi jistaqsik b’mod regulari biex taħdem overtime fi ġranet li tkun diġà warrabt għall-​qima bħala familja, għas-​servizz tal-​għalqa, u għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Għandek bżonn il-​kuraġġ biex lill-​imgħallem tgħidlu le u biex tagħti eżempju tajjeb lil uliedek. Jew forsi xi ġenituri fil-​kongregazzjoni jħallu lil uliedhom jagħmlu affarijiet li int ma tridx li wliedek jagħmlu. Meta dawn il-​ġenituri jistaqsuk għala, se tkun kuraġġuż u tispjegalhom b’rispett?

15. Salm 37:25 u Ebrej 13:5 kif jistgħu jgħinu lill-​ġenituri?

15 Jeħtieġ il-​kuraġġ sabiex ngħinu lil uliedna jagħmlu miri fis-​servizz taʼ Ġeħova u jilħquhom. Pereżempju, xi ġenituri għandhom mnejn jibżgħu jinkuraġġixxu lil uliedhom biex jagħmlu x-​xogħol taʼ pijunier il-​karriera tagħhom, biex jaqdu fejn il-​bżonn hu akbar, biex jaqdu f’Betel, jew biex jgħinu fil-​kostruzzjoni tas-​Swali tas-​Saltna u Swali tal-​Assembleat. Forsi jibżgħu li wliedhom mhux se jkunu jistgħu jieħdu ħsiebhom meta jixjieħu. Madankollu, ġenituri għaqlin juru kuraġġ u għandhom fiduċja li Ġeħova se jżomm il-​wegħdi tiegħu. (Aqra Salm 37:25; Ebrej 13:5.) Ġenituri li juru kuraġġ bħal dan u jistrieħu fuq Ġeħova jgħinu lil uliedhom jagħmlu l-​istess.—1 Samwel 1:27, 28; 2 Timotju 3:14, 15.

16. Xi ġenituri kif għenu ’l uliedhom jagħmlu miri fis-​servizz t’Alla, u dan kif kien taʼ benefiċċju għal uliedhom?

16 Koppja fl-​Istati Uniti għenet lil uliedha jiffokaw fuq li jaqdu lil Ġeħova. Ir-​raġel jgħid: “Qabel ma wliedna bdew jimxu u jitkellmu, aħna konna nkellmuhom dwar il-​ferħ li jiġi meta tkun pijunier u meta taqdi fil-​kongregazzjoni. Issa, din hi l-​mira tagħhom.” Hu jżid li peress li wliedhom għamlu miri bħal dawn u laħquhom, huma ġew megħjunin jiġġieldu kontra t-​tentazzjonijiet tas-​sistema taʼ Satana u jiffokaw fuq li jaqdu lil Ġeħova. Ħu li għandu żewġt itfal kiteb: “Ħafna ġenituri jagħmlu ħilithom u jużaw dak kollu li għandhom biex jgħinu lil uliedhom jilħqu miri f’aspetti bħal sports, passatempi, u edukazzjoni. Jagħmel ħafna iktar sens li nagħmlu ħilitna f’li ngħinu ’l uliedna b’dak kollu li għandna ħalli jilħqu miri li se jgħinuhom iżommu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Kien taʼ sodisfazzjon kbir mhux biss li naraw lil uliedna jilħqu miri spiritwali imma li qisu kellna sehem magħhom f’dawn il-​barkiet.” Int tistaʼ tkun ċert li ġenituri li jgħinu ’l uliedhom jagħmlu miri fis-​servizz t’Alla u jilħquhom, għandhom l-​approvazzjoni tiegħu.

KURAĠĠ FIL-​KONGREGAZZJONI

17. Agħti eżempji taʼ wħud li juru kuraġġ fil-​kongregazzjoni Kristjana.

17 Hemm bżonn ukoll li nuru l-​kuraġġ fil-​kongregazzjoni. Pereżempju, l-​anzjani għandhom bżonn il-​kuraġġ meta jieħdu ħsieb każ taʼ dnub serju jew meta jgħinu lil dawk li ħajjithom qiegħda fil-​periklu minħabba emerġenza medika. Xi anzjani jżuru l-​ħabsijiet biex jistudjaw maʼ wħud interessati jew biex jikkonduċu laqgħat. U xi ngħidu dwar aħwa nisa single? Għandhom ħafna opportunitajiet biex juru l-​kuraġġ u jaqdu lil Ġeħova. Huma jistgħu jaqdu bħala pijunieri, imorru joqogħdu fejn il-​bżonn hu akbar, jaħdmu mad-​Dipartiment Lokali tal-​Ippjanar u l-​Kostruzzjoni, u japplikaw għall-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna. Xi wħud jiġu saħansitra mistiedna biex jattendu l-​Iskola taʼ Gilegħad.

18. Aħwa nisa kbar fl-​età kif jistgħu juru l-​kuraġġ?

18 Aħna nħobbuhom lil ħutna nisa kbar fl-​età, u nħossuna grati li għandna nisa bħalhom fil-​kongregazzjoni! Għalkemm xi wħud forsi ma jistgħux jagħmlu daqs qabel fis-​servizz t’Alla, huma xorta jistgħu juru l-​kuraġġ u jaġixxu. (Aqra Titu 2:3-​5.) Pereżempju, oħt kbira fl-​età għandha bżonn turi kuraġġ jekk l-​anzjani jistaqsuha biex tkellem lil oħt żagħżugħa dwar li tilbes modest. Hi mhux se titkellem b’rabja mal-​oħt dwar l-​ilbies tagħha, iżda bi ħlewwa se tgħinha taħseb dwar kif l-​għażliet tagħha jistgħu jeffettwaw oħrajn. (1 Timotju 2:9, 10) Meta aħwa nisa kbar fl-​età juru l-​imħabba tagħhom b’modi bħal dawn, huma jistgħu jsaħħu l-​kongregazzjoni.

19. (a) Aħwa rġiel mgħammdin kif jistgħu jkunu kuraġġużi? (b) Filippin 2:13 u 4:13 kif jistgħu jgħinu l-​aħwa rġiel biex ikunu kuraġġużi?

19 Aħwa rġiel mgħammdin ukoll għandhom bżonn ikunu kuraġġużi u jaġixxu. Meta jkunu lesti li jaqdu bħala qaddejja ministerjali u anzjani, il-​kongregazzjoni tibbenefika bil-​kbir. (1 Timotju 3:1) Madankollu, xi wħud ikunu bejn ħaltejn jagħmlux dan. Għandu mnejn li ħu jkun żbalja fil-​passat u issa jħoss li ma jistħoqqlux ikun qaddej ministerjali jew anzjan. Ħu ieħor jistaʼ jħossu li m’għandux l-​abbiltajiet meħtieġa biex jaqdi. Jekk tħossok b’dan il-​mod, Ġeħova jistaʼ jgħinek issir kuraġġuż. (Aqra Filippin 2:13; 4:13.) Ftakar fl-​eżempju taʼ Mosè. Anke hu ħassu li ma kienx kapaċi jagħmel dak li Ġeħova qallu biex jagħmel. (Eżodu 3:11) Imma Ġeħova għenu jsir kuraġġuż u jagħmel dak li kien hemm bżonn. Ħu mgħammed jistaʼ jkollu kuraġġ bħal dan billi jfittex l-​għajnuna taʼ Ġeħova permezz tat-​talb u billi jaqra l-​Bibbja b’mod regulari. Hu jistaʼ jimmedita fuq l-​eżempji taʼ karattri Bibliċi li kienu kuraġġużi. B’umiltà, jistaʼ jitlob lill-​anzjani biex iħarrġuh u jistaʼ joffri l-​għajnuna tiegħu bi kwalunkwe mod li hemm bżonn fil-​kongregazzjoni. Aħna nħeġġu lil kull ħu mgħammed biex ikun kuraġġuż u jaħdem iebes għall-​kongregazzjoni!

“ĠEĦOVA . . . QIEGĦED MIEGĦEK”

20, 21. (a) David dwar xiex fakkru lil Salamun? (b) Aħna dwar xiex nistgħu nkunu ċerti?

20 Is-​Sultan David fakkar lil Salamun li Ġeħova kien se jkun miegħu sakemm itemm il-​bini tat-​tempju. (1 Kronaki 28:20) Salamun żgur li mmedita fuq dan il-​kliem, u ma ħalliex iż-​żgħożija u n-​nuqqas t’esperjenza tiegħu jwaqqfuh milli jagħmel ix-​xogħol. Minflok, hu wera kuraġġ kbir u, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, lesta t-​tempju grandjuż f’sebaʼ snin u nofs.

21 Ġeħova għen lil Salamun, u hu jistaʼ jgħin lilna wkoll biex inkunu kuraġġużi u nwettqu xogħolna, kemm fil-​familja tagħna u kemm fil-​kongregazzjoni. (Isaija 41:10, 13) Jekk nuru kuraġġ hekk kif naqdu lil Ġeħova, nistgħu nkunu ċerti li hu se jberikna issa u fil-​futur. Għalhekk, “kun kuraġġuż . . . u aġixxi.”

^ par. 12 Fl-​artiklu “Uża Miri Spiritwali biex Tigglorifika lill-​Ħallieq Tiegħek” li ġie ppubblikat fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2004, int se ssib xi suġġerimenti dwar kif tagħmel miri fis-​servizz t’Alla.