Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ferħanin dawk li jaqdu lill-“Alla l-hieni”

Ferħanin dawk li jaqdu lill-“Alla l-hieni”

“Hieni l-​poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova!”—SALM 144:15.

GĦANJIET: 44, 125

1. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għala huma poplu ferħan? (Ara l-​ewwel stampa.)

IX-​XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA huma poplu ferħan, jew hieni. Kull meta jkunu flimkien, kemm jekk f’laqgħa, f’assemblea, jew f’get-​together, tistaʼ tarahom jitkellmu u jidħqu. Għala huma daqshekk ferħanin? Ir-​raġuni prinċipali hi li jafu lil Ġeħova, “l-​Alla l-​hieni.” Huma jaqduh u jipprovaw jimitawh. (1 Timotju 1:11; Salm 16:11) Ġeħova hu s-​Sors tal-​ferħ, allura hu jridna nkunu ferħanin, u jagħtina ħafna raġunijiet biex inkunu ferħanin.—Dewteronomju 12:7; Ekkleżjasti 3:12, 13.

2, 3. (a) Xi jfisser li tkun ferħan? (b) Għala għandu mnejn ikun diffiċli li nkunu ferħanin?

2 Xi ngħidu għalik? Ferħan int? Li tkun ferħan ifisser li tħossok tajjeb, li tkun kuntent b’ħajtek, jew sodisfatt. Il-​Bibbja turina li dawk imberkin minn Ġeħova jistgħu jkunu verament ferħanin. Imma mbagħad għala għandu mnejn ikun diffiċli li nkunu ferħanin fid-​dinja tal-​lum?

3 Jistaʼ jkun diffiċli li nkunu ferħanin minħabba sitwazzjonijiet stressanti li ngħaddu minnhom, bħal meta xi ħadd maħbub imut jew jiġi maqtugħ mis-​sħubija, meta ż-​żwieġ tagħna jispiċċa f’divorzju, jew meta nitilfu x-​xogħol tagħna. Jistaʼ jkun diffiċli wkoll meta ma jkunx hemm il-​paċi fid-​dar minħabba ġlied kontinwu, meta sħabna tax-​xogħol jew tal-​iskola jwaqqgħuna għaċ-​ċajt, jew meta nkunu persegwitati jew mitfugħin il-​ħabs minħabba li naqdu lil Ġeħova. Jew forsi saħħitna tmur lura, ikollna marda fit-​tul, jew insofru minn dipressjoni. Imma ftakar li Ġesù Kristu, “is-​Setgħan [jew, il-​Mexxej] hieni u uniku,” kienet l-​hena tiegħu jfarraġ u jferraħ lin-​nies. (1 Timotju 6:15; Mattew 11:28-30) Fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù semma xi kwalitajiet li jistgħu jgħinuna nkunu ferħanin anki meta jkollna ħafna problemi minħabba li qed ngħixu fid-​dinja taʼ Satana.

MA NISTGĦUX INKUNU FERĦANIN MINGĦAJR ĠEĦOVA

4, 5. X’nistgħu nagħmlu biex inkunu u nibqgħu ferħanin?

4 L-​ewwel ħaġa li semma Ġesù hi speċjalment importanti. Hu qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-​saltna tas-​smewwiet.” (Mattew 5:3) Jekk aħna konxji tal-​bżonn spiritwali tagħna, aħna se nagħrfu li neħtieġu nkunu nafu lil Alla u li għandna bżonn l-​għajnuna u d-​direzzjoni tiegħu. Kif nuruh dan? Billi nistudjaw il-​Bibbja, nobdu lil Alla, u npoġġu l-​qima tagħna lejh fl-​ewwel post f’ħajjitna. Li nagħmlu dawn l-​affarijiet se jgħinna nkunu ferħanin. Il-​fidi tagħna li l-​wegħdi t’Alla dalwaqt jitwettqu se tissaħħaħ iktar. U “t-​tama hienja” li nsibu fil-​Bibbja se tinkuraġġina.—Titu 2:13.

5 Jekk irridu li nkunu ferħanin minkejja dak li jistaʼ jiġrilna fil-​ħajja, għandna nkomplu nsaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ifirħu dejjem fil-​Mulej. Nerġaʼ ngħidilkom, Ifirħu!” (Filippin 4:4) Biex inkunu ħbieb tal-​qalb taʼ Ġeħova, jeħtieġ ikollna l-​għerf divin. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Hieni l-​bniedem li sab l-​għerf, u l-​bniedem li jikseb id-​dixxerniment. Huwa siġra tal-​ħajja għal dawk li jaqbdu miegħu, u dawk li jibqgħu jżommuh sod jissejħu henjin.”—Proverbji 3:13, 18.

Biex nibqgħu ferħanin, hu importanti ħafna li nkomplu napplikaw dak li nitgħallmu

6. X’għandna nagħmlu iktar biex nibqgħu ferħanin?

6 Imma biex nibqgħu ferħanin, hu importanti ħafna li nkomplu napplikaw dak li nitgħallmu mill-​Bibbja. Ġesù enfasizza kemm dan hu importanti meta qal: “Jekk tafu dan, henjin intom jekk tagħmluh.” (Ġwanni 13:17; aqra Ġakbu 1:25.) Dan hu importanti ferm jekk irridu nissodisfaw il-​bżonn spiritwali tagħna u nibqgħu ferħanin. Imma kif nistgħu nkunu ferħanin meta hemm ħafna affarijiet li jisirqulna l-​ferħ? Ejja naraw x’kompla jgħid Ġesù fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja.

KWALITAJIET LI JŻIDU MAL-​FERĦ TAGĦNA

7. Dawk li huma mnikktin kif jistgħu jkunu ferħanin?

7 “Henjin l-​imnikktin, għax għad jitfarrġu.” (Mattew 5:4) Forsi nistaqsu, ‘Kif jistgħu l-​imnikktin ikunu ferħanin?’ Ġesù ma kienx qed jitkellem dwar kull min ikun imnikket. Ħafna nies mill-​agħar jitnikktu, jew huma mdejqin, peress li jgħaddu minn inkwiet kbir f’dawn “l-​aħħar jiem” li huma “diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Imma huma jkunu qed jaħsbu fihom infushom biss u mhux f’Ġeħova, allura ma jiżviluppawx ħbiberija miegħu, u ma jistgħux ikunu ferħanin. Ġesù kien qed jitkellem dwar l-​uħud konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom. Huma jitnikktu għax jaraw li tant nies irrifjutaw lil Alla jew mhux qed jgħixu skont dak li jrid hu. Ukoll, huma jagħrfu li huma midinbin, u jaraw l-​affarijiet terribbli li qed jiġru fid-​dinja. Ġeħova jinnota lil dawk li jitnikktu b’mod sinċier, ifarraġhom permezz tal-​Kelma tiegħu, iferraħhom, u jagħtihom it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem.—Aqra Eżekjel 5:11; 9:4.

8. Li tkun ġwejjed kif jistaʼ jgħinek tkun ferħan?

8 “Henjin il-​ġwejdin, għax għad jirtu l-​art.” (Mattew 5:5) Li tkun ġwejjed kif jistaʼ jgħinek tkun ferħan? Ħafna nies huma arroganti u aggressivi. Dan jistaʼ jwassal għal ħafna problemi. Imma meta jitgħallmu l-​verità, huma jinbidlu u jilbsu “l-​personalità l-​ġdida.” Issa huma juru “sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-​tul.” (Kolossin 3:9-​12) B’hekk, għandhom il-​paċi, għandhom ħbiberiji tajbin m’oħrajn, u huma ferħanin. Ukoll, il-​Kelma t’Alla twiegħed li se “jirtu l-​art.”—Salm 37:8-10, 29.

9. (a) X’ried ifisser Ġesù meta qal li l-​ġwejdin se “jirtu l-​art?” (b) Dawk li “huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa” għala jistgħu jkunu ferħanin?

9 X’ried ifisser Ġesù meta qal li l-​ġwejdin se “jirtu l-​art?” Il-​midlukin se jirtu l-​art meta jsaltnu għal fuqha bħala slaten u qassisin. (Rivelazzjoni 20:6) Miljuni t’oħrajn li m’għandhomx it-​tama għas-​sema se jirtu l-​art meta jitħallew jgħixu fuqha għal dejjem. Dawn se jkunu perfetti u jkollhom il-​paċi u l-​ferħ. Il-​midlukin u n-​nagħaġ oħrajn huma l-​istess uħud li Ġesù qal dwarhom: “Henjin dawk li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa.” (Mattew 5:6) Ix-​xewqa tagħhom għas-​sewwa se tiġi sodisfata meta Ġeħova jneħħi l-​ħażen kollu. (2 Pietru 3:13) Fid-​dinja il-​ġdida, in-​nies ġusti se jkunu ferħanin u qatt iktar ma jitnikktu minħabba l-​affarijiet ħżiena li n-​nies mill-​agħar jagħmlu.—Salm 37:17.

10. Xi jfisser li tħenn?

10 “Henjin dawk li jħennu, għax għad jintwerew ħniena.” (Mattew 5:7) Li tħenn ifisser li tkun qalbek tajba, ġentili, u tagħder, jiġifieri, li tħoss għal dawk li qed isofru u titħassarhom. Madankollu, il-​ħniena hi iktar minn sentiment teneru. Il-​Bibbja tgħallem illi li tħenn jinkludi li tagħmel xi ħaġa biex tgħin lil oħrajn.

11. X’tgħallimna t-​tixbiha tas-​Samaritan li aġixxa taʼ proxxmu tajjeb?

11 Aqra Luqa 10:30-37. It-​tixbiha taʼ Ġesù tas-​Samaritan li aġixxa taʼ proxxmu tajjeb tpinġilna stampa sabiħa taʼ xi jfisser li tħenn. Is-​Samaritan ħass mogħdrija u ħniena għar-​raġel li kien qed isofri, u dan qanqlu biex jgħinu. Wara li Ġesù ta din it-​tixbiha, qal: “Mur u agħmel l-​istess int ukoll.” Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Qiegħed nagħmel l-​istess? Qiegħed nagħmel bħas-​Samaritan li aġixxa taʼ proxxmu tajjeb? Meta oħrajn isofru, nistaʼ nagħmel xi ħaġa biex ngħinhom? Pereżempju, nistaʼ ngħin lil dawk avvanzati fl-​età fil-​kongregazzjoni, lil dawk li tilfu lir-​raġel jew lill-​mara fil-​mewt, jew lit-​tfal li l-​ġenituri tagħhom ma jaqdux lil Ġeħova? Nistaʼ “nikkonsla lid-​dipressi” biex infarraġhom?’—1 Tessalonikin 5:14; Ġakbu 1:27.

Kun minn taʼ quddiem biex tgħin lil oħrajn, u ara kemm kulħadd ikun ferħan meta tagħmel dan (Ara paragrafu 12)

12. Għala nkunu ferħanin meta nħennu?

12 Għala nkunu ferħanin meta nħennu? Meta nħennu għal oħrajn, inkunu qed nagħtu, u Ġesù qal li nkunu ferħanin meta nagħtu. Barra minn dan, aħna nafu li qed nogħġbu lil Ġeħova. (Atti 20:35; aqra Ebrej 13:16.) Dwar xi ħadd li juri ħniena, is-​Sultan David qal: “Ġeħova nnifsu se jħarsu u jżommu ħaj. Se jiġi dikjarat hieni fl-​art.” (Salm 41:1, 2) Jekk nuru ħniena u mogħdrija lejn oħrajn, anke aħna se nintwerew ħniena minn Ġeħova u nistgħu nkunu ferħanin għal dejjem.—Ġakbu 2:13.

GĦALA “DAWK TAʼ QALBHOM SAFJA” HUMA FERĦANIN

13, 14. Għala hu importanti li jkollna ‘qalb safja’?

13 Ġesù qal: “Henjin dawk taʼ qalbhom safja, għax għad jaraw lil Alla.” (Mattew 5:8) Biex inkunu qalbna safja, irridu nżommu l-​ħsibijiet u x-​xewqat tagħna safja, jew nodfa. Dan hu importanti ħafna jekk nixtiequ li Ġeħova jaċċetta l-​qima tagħna.—Aqra t-​2 Korintin 4:2; 1 Timotju 1:5.

14 Dawk taʼ qalbhom safja jistaʼ jkollhom ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova, li qal: “Henjin dawk li jaħslu lbieshom.” (Rivelazzjoni 22:14) Xi jfisser li “jaħslu lbieshom”? Għal Kristjani midlukin, ifisser li Ġeħova jqishom bħala nodfa, se jagħtihom ħajja immortali fis-​sema, u se jkunu ferħanin għal dejjem. Għall-​folla l-​kbira, li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art, ifisser li Ġeħova jħallihom ikunu l-​ħbieb tiegħu għax iqishom bħala ġusti. Il-​Bibbja tgħid li huma “ħaslu l-​ilbiesi tagħhom u għamluhom bojod fid-​demm tal-​Ħaruf.”—Rivelazzjoni 7:9, 13, 14.

15, 16. Dawk taʼ qalbhom safja kif jistgħu “jaraw lil Alla”?

15 Ġeħova qal: “Ebda bniedem ma jistaʼ jarani u madankollu jibqaʼ ħaj.” (Eżodu 33:20) Allura, dawk taʼ qalbhom safja kif jistgħu “jaraw lil Alla”? Il-​kelma Griega li hi tradotta “jaraw” tistaʼ tfisser li nimmaġinaw, li nifhmu, jew li nkunu nafu. Għalhekk li ‘naraw lil Alla’ jfisser li nifhmu t-​tip taʼ Persuna li hu u nħobbu l-​kwalitajiet tiegħu. (Efesin 1:18) Ġesù imita l-​kwalitajiet taʼ Ġeħova perfettament, u b’hekk setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.”—Ġwanni 14:7-9.

16 Flimkien maʼ dan, aħna ‘naraw lil Alla’ meta nesperjenzaw l-​għajnuna tiegħu f’ħajjitna. (Ġob 42:5) Aħna nistgħu wkoll ‘naraw,’ jew niffokaw fuq, l-​affarijiet tal-​għaġeb li Ġeħova jwiegħed li jagħmel għal dawk li jibqgħu safja u jaqduh lealment. U l-​midlukin se jaraw lil Ġeħova letteralment meta jiġu rxoxtati u jmorru s-​sema.—1 Ġwanni 3:2.

FERĦANIN MINKEJJA L-​PROBLEMI

17. Dawk li jġibu l-​paċi għala huma ferħanin?

17 Ġesù mbagħad qal: “Henjin dawk li jġibu l-​paċi.” (Mattew 5:9) Meta nkunu minn taʼ quddiem biex nagħmlu paċi m’oħrajn, aħna nistgħu nkunu ferħanin. Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Il-​frott tal-​ġustizzja jinżeraʼ f’kundizzjonijiet paċifiċi għal dawk li qegħdin iġibu l-​paċi.” (Ġakbu 3:18) Għalhekk, jekk qed issibha diffiċli biex tingwalaha maʼ xi ħadd fil-​kongregazzjoni jew fil-​familja tiegħek, itlob bil-​qalb lil Ġeħova biex jgħinek iġġib il-​paċi. Imbagħad, Ġeħova se jagħtik l-​ispirtu qaddis tiegħu, li se jgħinek turi kwalitajiet Kristjani, u b’hekk tkun iktar ferħan. Ġesù enfasizza kemm hu importanti li tkun minn taʼ quddiem biex tagħmel paċi meta qal: “Allura, jekk waqt li tkun qed iġġib l-​għotja tiegħek lejn l-​artal tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq l-​għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-​artal, u mur l-​ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-​għotja tiegħek.”—Mattew 5:23, 24.

L-​ispirtu taʼ Ġeħova se jgħinek turi kwalitajiet Kristjani, u b’hekk tkun iktar ferħan

18, 19. Il-​Kristjani għala jistgħu jkunu ferħanin anke jekk ikunu persegwitati?

18 “Henjin intom meta n-​nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-​gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija.” X’ried ifisser Ġesù? Hu żied: “Thennew u aqbżu bil-​ferħ, għax il-​premju tagħkom hu kbir fis-​smewwiet; għax hekk kienu jippersegwitawhom lill-​profeti li ġew qabilkom.” (Mattew 5:11, 12) Meta l-​appostli kienu msawtin u ordnati biex jieqfu jippritkaw, “telqu minn quddiem is-​Sinedriju, henjin.” Naturalment, ma ħadux pjaċir jiġu msawtin. Imma huma kienu ferħanin għax ingħataw il-​privileġġ li jiġu diżonorati minħabba isem Ġesù.—Atti 5:41.

19 Illum, il-​poplu taʼ Ġeħova wkoll jissaporti bil-​ferħ meta jiġi persegwitat minħabba isem Ġesù. (Aqra Ġakbu 1:2-4.) Bħall-​appostli, ma niħdux pjaċir insofru jew niġu persegwitati. Imma jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova, hu se jagħtina l-​kuraġġ li għandna bżonn biex nissaportu. Ikkunsidra x’ġara lil Henryk Dornik u lil ħuh. F’Awwissu tal-​1944, intbagħtu f’kamp tal-​konċentrament. Dawk li ppersegwitawhom qalu: “Huwa impossibbli li nikkonvinċuhom jagħmlu xi ħaġa. It-​tbatija tagħhom bħala martri tagħmilhom ferħanin.” Henryk spjega: “Għalkemm ma kelli ebda xewqa li nkun martri, il-​fatt li batejt bil-​kuraġġ u d-​dinjità minħabba li bqajt leali lejn Ġeħova verament għamilni ferħan.” Hu żied: “Talb ħerqan ressaqni eqreb lejn Ġeħova, u hu wera li kien Ajjutant taʼ min joqgħod fuqu.”

20. Aħna għala nkunu ferħanin meta naqdu lill-​“Alla l-​hieni”?

20 Meta Ġeħova, “l-​Alla l-​hieni,” ikun kuntent bina, aħna nistgħu nkunu ferħanin anke jekk aħna persegwitati, jekk il-​familja tagħna topponina, jekk nimirdu, jew jekk nixjieħu. (1 Timotju 1:11) Aħna nistgħu nkunu ferħanin ukoll għax Alla tagħna, “li ma jistax jigdeb,” wegħedna ħafna affarijiet sbieħ. (Titu 1:2) Meta Ġeħova jwettaq il-​wegħdi tiegħu, lanqas biss se niftakruhom il-​problemi li għandna bħalissa. Fil-​fatt, lanqas biss nistgħu nimmaġinaw kemm se tkun tal-​għaġeb il-​ħajja fil-​Ġenna tal-​art u kemm se nkunu ferħanin! Iva, ‘bi sliem kotran nitgħaxxqu ferm.’—Salm 37:11.