Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Taf x’ħin hu?

Taf x’ħin hu?

X’TAGĦMEL meta trid tkun taf x’ħin hu? Probabbilment tħares lejn l-​arloġġ. Int għandek mnejn tara li saru s-​siegħa u nofs taʼ waranofsinhar. Kieku x’tgħid lil xi ħadd jekk jistaqsik, “X’ħin hu?”

Dan jiddependi f’liema pajjiż toqgħod. Pereżempju, int forsi tgħid, “Is–1:30” jew “13:30.” F’xi pajjiżi forsi jgħidu, “Fadal nofsiegħa għas-​sagħtejn.”

In-​nies fi żminijiet Bibliċi x’termini kienu jużaw għall-​ħin? Anke huma kellhom iktar minn mod wieħed. L-​Iskrittura Ebrajka tuża espressjonijiet bħal “kmieni fil-​għodu,” “fil-​għodu,” “f’nofsinhar,” u “fil-​għaxija.” (Ġenesi 8:11; 19:27; Dewteronomju 28:29; 1 Slaten 18:26) Imma xi kultant il-​Bibbja tuża termini iktar preċiżi.

F’Iżrael tal-​qedem kien komuni li jkun hemm għassiesa, speċjalment matul il-​lejl. L-​Iżraelin qasmu l-​lejl fi tliet partijiet, li sejħulhom “għases.” (Salm 63:6) Fi Mħallfin 7:19 naqraw dwar “l-​għassa tan-​nofs taʼ matul il-​lejl.” Saż-​żmien li twieled Ġesù, il-​Lhud qasmu l-​lejl f’erbaʼ għases, bħalma għamlu l-​Griegi u r-​Rumani.

L-​Evanġelji jsemmu dawn l-​għases tal-​lejl ħafna drabi. Pereżempju, “fir-​rabaʼ għassa tal-​lejl,” Ġesù mexa fuq l-​ilma lejn id-​dgħajsa fejn kienu d-​dixxipli tiegħu. (Mattew 14:25) U f’tixbiha Ġesù qal: “Kieku sid id-​dar kien jaf f’liema għassa kien ġej il-​ħalliel, kien jibqaʼ mqajjem u ma jħallix daru tinsteraq.”—Mattew 24:43.

Ġesù semma l-​erbaʼ għases kollha meta qal lid-​dixxipli tiegħu biex joqogħdu għassa għax ‘ma jafux meta ġej sid id-​dar, jekk hux tard fil-​jum jew f’nofsillejl jew x’ħin jidden is-​serduq jew kmieni fil-​għodu.’ (Marku 13:35) Kif juru n-​noti taʼ taħt għal dal-​vers, l-​ewwel minn dawk l-​għases, “tard fil-​jum,” kienet minn inżul ix-​xemx sa madwar id-​disgħa taʼ filgħaxija. It-​tieni għassa, “f’nofsillejl,” kienet minn madwar id-​disgħa taʼ filgħaxija sa nofsillejl. It-​tielet għassa, “x’ħin jidden is-​serduq,” kienet minn nofsillejl sa madwar it-​tlieta taʼ filgħodu. Probabbilment kien matul dal-​ħin li s-​serduq idden fil-​lejl li Ġesù kien arrestat. (Marku 14:72) Ir-​rabaʼ għassa, “kmieni fil-​għodu,” kienet minn madwar it-​tlieta taʼ filgħodu sa tlugħ ix-​xemx.

Allura, għalkemm dak iż-​żmien ma kellhomx arloġġi bħalma għandna llum, xorta kellhom mod kif jgħidu x’ħin kien.