Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jistaʼ kollox imma juri konsiderazzjoni

Jistaʼ kollox imma juri konsiderazzjoni

“[Ġeħova] jaf tajjeb kif aħna msawrin, u jiftakar li aħna trab.”—SALM 103:14.

GĦANJIET: 30, 10

1, 2. (a) Il-​mod kif Ġeħova jittratta lin-​nies kif inhu differenti mill-​mod kif nies f’awtorità jittrattaw lil oħrajn? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

NIES li għandhom ċerta awtorità spiss ‘jiddominaw’ fuq oħrajn jew saħansitra jaħqruhom. (Mattew 20:25; Ekkleżjasti 8:9) Ġeħova qatt ma jagħmel dan! Għalkemm hu Dak li Jistaʼ Kollox, l-​iktar Persuna setgħana fl-​univers, hu juri ħafna konsiderazzjoni lejn bnedmin imperfetti. Hu qalbu tajba u jimpurtah minn kif inħossuna u minn dak li għandna bżonn. Hu jiftakar li aħna imperfetti u jaf il-​limitazzjonijiet tagħna, allura qatt ma jitlobna nagħmlu iktar milli aħna kapaċi nagħmlu.—Salm 103:13, 14.

2 Mill-​Bibbja nitgħallmu kemm Ġeħova juri konsiderazzjoni lejn in-​nies tiegħu. Ejja neżaminaw tliet eżempji: L-​ewwel, kif Ġeħova b’qalb tajba għen lit-​tfajjel Samwel biex jagħti messaġġ taʼ ġudizzju lill-​Qassis il-​Kbir Għeli. It-​tieni, kif Ġeħova kien paċenzjuż maʼ Mosè meta dan ħass li ma setax imexxi lill-​ġens taʼ Iżrael ’il barra mill-​Eġittu. U t-​tielet, kif Ġeħova wera konsiderazzjoni lejn l-​Iżraelin meta ħarġu mill-​Eġittu. X’nitgħallmu dwar Ġeħova minn dawn l-​eżempji, u kif nistgħu nimitawh?

WERA KONSIDERAZZJONI LEJN TIFEL

3. Lejl minnhom, liema ħaġa mhux tas-​soltu ġrat lit-​tfajjel Samwel, u x’mistoqsija għandu mnejn nistaqsu? (Ara l-​ewwel stampa.)

3 Samwel beda jaqdi fit-​tabernaklu meta kien għadu żgħir ħafna. (1 Samwel 3:1) Darba waħda billejl, wara li kien mar jorqod, ġrat xi ħaġa mhux tas-​soltu. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Aqra l-​1 Samwel 3:2-10.) Hu semaʼ lil xi ħadd isejjaħlu. Samwel ħaseb li kien ix-​xwejjaħ Għeli, il-​qassis il-​kbir. Allura obda, qam, mar jiġri ħdejn Għeli, u qallu: “Hawn jien, għax sejjaħtli.” Imma Għeli qallu: “Ma sejjaħtlekx.” Wara li l-​istess ħaġa ġrat darbtejn oħra, Għeli rrealizza li kien Alla li kien qed isejjaħ lil Samwel. Allura Għeli qal lil Samwel x’kellu jgħid darb’oħra, u Samwel obda. Ġeħova għala ma qalx mill-​ewwel lil Samwel li kien Hu li kien qed isejjaħlu? Il-​Bibbja ma tgħidx. Però, jistaʼ jagħti l-​każ li Ġeħova għamel l-​affarijiet b’dan il-​mod għaliex kien jimpurtah minn kif setaʼ ħassu Samwel.

4, 5. (a) X’għamel Samwel meta Ġeħova tah messaġġ għal Għeli? (b) Dan ir-​rakkont x’jgħallimna dwar Ġeħova?

4 Aqra l-​1 Samwel 3:11-18. Il-​Liġi taʼ Ġeħova kkmandat lit-​tfal biex jirrispettaw lin-​nies kbar fl-​età, speċjalment lil dawk f’awtorità. (Eżodu 22:28; Levitiku 19:32) Allura huwa diffiċli biex timmaġina lil tifel żgħir bħal Samwel imur ħdejn Għeli filgħodu u bi qlubija jgħidlu l-​messaġġ taʼ ġudizzju, li jolqot fil-​laħam il-​ħaj, mingħand Alla. Il-​Bibbja tgħidilna li Samwel “kien qed jibżaʼ jgħidlu lil Għeli dwar id-​dehra.” Madankollu, Alla għamilha ċara lil Għeli li Hu kien qed isejjaħ lil Samwel. B’hekk, Għeli qal lil Samwel biex ma jaħbi xejn minn dak li qallu Alla. Samwel obda lil Għeli u “qallu l-​kliem kollu.”

Ġeħova għamilha iktar faċli għal Samwel biex jibqaʼ ubbidjenti u juri rispett

5 Dan il-​messaġġ ma kienx taʼ sorpriża. Iktar qabel “bniedem t’Alla,” li l-​Bibbja ma tagħtix ismu, kien wassal messaġġ simili lil Għeli. (1 Samwel 2:27-36) Dan ir-​rakkont jgħallimna kemm Ġeħova juri konsiderazzjoni u kemm hu għaref.

6. X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Alla għen lit-​tfajjel Samwel?

6 Int għadek żgħir? Jekk inhu hekk, ir-​rakkont dwar it-​tfajjel Samwel juri li Ġeħova jifhem il-​problemi tiegħek u kif tħossok. Forsi int tistħi u ssibha bi tqila biex tipprietka lill-​kbar jew biex tkun differenti minn oħrajn tal-​età tiegħek. Tistaʼ tibqaʼ ċert li Ġeħova jrid jgħinek. Allura, itolbu u għidlu kif tħossok eżattament. (Salm 62:8) Aħseb fil-​fond dwar eżempji fil-​Bibbja taʼ wħud żgħar bħal Samwel. U tkellem m’aħwa tal-​età tiegħek jew ikbar li għandhom mnejn għelbu problemi bħal tiegħek. Huma jistgħu jgħidulek dwar drabi meta Ġeħova għenhom, forsi b’modi li ma stennewx.

WERA KONSIDERAZZJONI LEJN MOSÈ

7, 8. Ġeħova kif wera li kien jimpurtah ħafna minn kif kien iħossu Mosè?

7 Meta Mosè kellu 80 sena, Ġeħova tah inkarigu diffiċli ħafna: biex jeħles lill-​ġens taʼ Iżrael mill-​jasar tal-​Eġittu. (Eżodu 3:10) Dan l-​inkarigu probabbilment kien xokk għal Mosè, għaliex hu kien ilu ragħaj f’Midjan għal 40 sena. Mosè qallu: “Jien min jien biex immur għand il-​Fargħun u noħroġ lil ulied Israel mill-​Eġittu?” Ġeħova serraħ moħħ Mosè: “Jien inkun miegħek.” (Eżodu 3:11, 12) Ukoll, Ġeħova wiegħdu li x-​xjuħ taʼ Iżrael “żgur li se jisimgħu” minnu. Xorta waħda, Mosè staqsa: “Suppost li ma jemmnunix u ma jisimgħux?” (Eżodu 3:18; 4:1) Mosè attwalment kien qed jgħid li Ġeħova setaʼ kien żbaljat! Imma Ġeħova kien paċenzjuż maʼ Mosè. Hu saħansitra tah il-​qawwa biex jagħmel il-​mirakli. Fil-​fatt, Mosè kien l-​ewwel bniedem imsemmi fil-​Bibbja li kellu din il-​qawwa.—Eżodu 4:2-9, 21.

8 Anke wara dan kollu, Mosè xorta pprova jiskuża lilu nnifsu billi qal li ma setax jitkellem sew. Allura, Alla qallu: “Jien inkun maʼ fommok u ngħallmek dak li għandek tgħid.” Ikkonvinċa ruħu Mosè fl-​aħħar? Le, hu talab lil Alla biex jibgħat lil xi ħadd ieħor! Imbagħad, Ġeħova bir-​raġun sar irrabjat. Iżda xorta kien jimpurtah minn kif kien iħossu Mosè, allura bagħat lil Aron biex jitkellem għal Mosè.—Eżodu 4:10-16.

9. Il-​paċenzja u l-​qalb tajba taʼ Ġeħova kif għenu lil Mosè jkun mexxej tajjeb?

9 Dan ir-​rakkont x’jgħallimna dwar Ġeħova? Peress li Ġeħova hu Dak li Jistaʼ Kollox, hu setaʼ uża l-​qawwa tiegħu biex ibeżżaʼ lil Mosè u jġiegħlu jobdi. Minflok, Ġeħova kien paċenzjuż u qalbu tajba, u assigura lill-​qaddej modest u umli tiegħu li kien se jkun miegħu. Ħadem dan il-​metodu? Iva, ħadem! Mosè sar mexxej kbir tal-​poplu t’Alla. Hu pprova jkun qalbu tajba u juri konsiderazzjoni lejn oħrajn, l-​istess bħalma Ġeħova wera lejh.—Numri 12:3.

Tittratta int lil oħrajn bil-mod kif Ġeħova jittrattahom? (Ara paragrafu 10)

10. Kif nibbenefikaw meta bħal Ġeħova nuru konsiderazzjoni lejn oħrajn?

10 X’inhuma l-​lezzjonijiet għalina llum? Jekk int raġel miżżewweġ, ġenitur, jew anzjan, mela għandek ftit awtorità fuq oħrajn. Għalhekk, huwa importanti ħafna li timita lil Ġeħova billi turi konsiderazzjoni lejn martek, uliedek, u dawk fil-​kongregazzjoni, kif ukoll tkun qalbek tajba u paċenzjuż magħhom. (Kolossin 3:19-21; 1 Pietru 5:1-3) Jekk timita lil Alla Ġeħova u lil Mosè Akbar, Ġesù Kristu, int se tagħmilha faċli għal oħrajn biex jiġu jkellmuk, u int se tkun taʼ inkuraġġiment għalihom. (Mattew 11:28, 29) Int se tkun ukoll eżempju tajjeb għalihom.—Ebrej 13:7.

SALVATUR SETGĦAN IMMA JURI KONSIDERAZZJONI

11, 12. Ġeħova kif għen lin-​nies tiegħu jħossuhom protetti u fis-​sigurtà meta ħariġhom ’il barra mill-​Eġittu?

11 Setaʼ kien hemm iktar minn tliet miljun Iżraeli li ħarġu mill-​Eġittu fis-​sena 1513 qabel Kristu. F’dak il-​grupp taʼ tliet jew anke erbaʼ ġenerazzjonijiet, kien hemm tfal, kbar, u probabbilment uħud li kienu morda jew persuni b’diżabilità. Grupp daqstant kbir taʼ nies kellu bżonn Mexxej li jimpurtah minnhom u jifhimhom. U eżattament hekk kien Ġeħova permezz taʼ Mosè. Allura, l-​Iżraelin ħassewhom fis-​sigurtà hekk kif ħallew l-​uniku post li qatt kienu jafu.—Salm 78:52, 53.

12 Ġeħova kif għen lin-​nies tiegħu jħossuhom protetti u fis-​sigurtà? Meta l-​ġens taʼ Iżrael ħarġu mill-​Eġittu, Ġeħova organizzahom bħal meta jkunu “mqassmin għall-​battalja.” (Eżodu 13:18) Peress li kienu organizzati b’dan il-​mod, huma setgħu jaraw biċ-​ċar li Alla tagħhom kellu l-​kontroll tas-​sitwazzjoni. Ukoll, Ġeħova tahom “sħaba bi nhar” u “dawl tan-​nar” billejl biex ifakkarhom li kien magħhom, jiggwidahom, u jipproteġihom. (Salm 78:14) U l-​ġens taʼ Iżrael kellu bżonn min iqawwilu qalbu minħabba dak li ġara wara.

Ġeħova kif ħa ħsieb l-Iżraelin fil-Baħar l-Aħmar? (Ara paragrafu 13)

13, 14. (a) Ġeħova kif ħa ħsieb l-​Iżraelin fil-​Baħar l-​Aħmar? (b) Ġeħova kif wera li kien bil-​wisq iktar b’saħħtu mill-​Eġizzjani?

13 Aqra Eżodu 14:19-22. Immaġina li qiegħed hemm mal-​Iżraelin. Ġejt qisek maqbud f’nassa. L-​armata Eġizzjana qiegħda warajk, u l-​Baħar l-​Aħmar jinsab quddiemek. Imbagħad jaġixxi Alla. Il-​kolonna tas-​sħab li kienet tkun quddiemek tersaq lura u tmur fuq wara, bejnek u l-​Eġizzjani. Issa huma qegħdin fid-​dlam, imma fejn qiegħed int hemm dawl mirakoluż! Imbagħad tara lil Mosè joħroġ idu fuq il-​baħar, jiġi riħ qawwi mil-​Lvant, u jiftaħ mogħdija wiesgħa għan-​naħa l-​oħra. Allura int, il-​familja tiegħek, u l-​annimali tiegħek ilkoll timxu fuq qiegħ il-​baħar b’mod organizzat mal-​bqija tan-​nies. Int tiskanta kif l-​art mhix kollha tajn u ma tiżloqx, imma niexfa u soda, allura faċli biex timxi fuqha. B’hekk, anke dawk li l-​iktar jimxu bil-​mod jistgħu jaslu qawwijin u sħaħ san-​naħa l-​oħra.

14 Aqra Eżodu 14:23, 26-30. Waqt li qed jiġri dan kollu, il-​Fargħun, li jaġixxi bi kburija u bluha, jerħilha għal warajk u l-​Iżraelin sħabek. Imbagħad, Mosè jerġaʼ joħroġ idu għal fuq il-​baħar, u ż-​żewġ ħitan tal-​ilma jaqgħu. Il-​baħar jibda ġej miż-​żewġ naħat, bħal żewġ tsunamijiet, fuq il-​Fargħun u l-​armata tiegħu. Ħadd minnhom ma jsalva!—Eżodu 15:8-10.

15. Dan ir-​rakkont x’jgħallmek dwar Ġeħova?

15 Dan ir-​rakkont jgħallimna xi ħaġa oħra dwar Ġeħova. Hu Alla taʼ ordni, u din il-​kwalità tgħinna nħossuna protetti u fis-​sigurtà. (1 Korintin 14:33) Bħal ragħaj li jħobb u jieħu ħsieb in-​nagħaġ tiegħu, Ġeħova jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu b’modi prattiċi. Hu jżommhom fis-​sigurtà u jipproteġihom mill-​għedewwa tagħhom. Dan veru jqawwilna qalbna u jfarraġna hekk kif noqorbu dejjem iktar lejn it-​tmiem taʼ din is-​sistema.—Proverbji 1:33.

16. Kif nistgħu nibbenefikaw milli nerġgħu nistudjaw il-​mod kif Ġeħova salva lill-​Iżraelin?

16 Illum, Ġeħova għadu jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu bħala grupp. Hu jgħinhom iżommu r-​relazzjoni tajba tagħhom miegħu u jipproteġihom mill-​għedewwa tagħhom. U hu se jibqaʼ jagħmel dan matul it-​tribulazzjoni l-​kbira li ġejja dalwaqt. (Rivelazzjoni 7:9, 10) Allura sew jekk huma żgħar jew kbar, f’saħħithom jew għandhom xi diżabilità, il-​poplu t’Alla mhux se jippanikkja jew jitwerwer matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Fil-​fatt, se jagħmlu propju l-​oppost! Huma se jiftakru kliem Ġesù: “Qumu dritti u għollu raskom ’il fuq, għax ikun qorob il-​ħelsien tagħkom.” (Luqa 21:28) Anke meta jiġu attakkati minn Gog, grupp taʼ nazzjonijiet li huma bil-​wisq iktar b’saħħithom mill-​Fargħun, il-​poplu t’Alla se jkun fiduċjuż li Ġeħova se jipproteġih. (Eżekjel 38:2, 14-16) Għala? Għaliex huma jafu li Ġeħova ma jinbidilx. Għal darb’oħra, hu se juri li hu Salvatur li jħobb u li jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu.—Isaija 26:3, 20.

17. (a) Kif nistgħu nibbenefikaw meta nistudjaw rakkonti mill-​Bibbja dwar il-​mod kif Ġeħova jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

17 F’dan l-​artiklu rajna xi eżempji taʼ kif Ġeħova juri konsiderazzjoni u qalb tajba meta jieħu ħsieb, jidderieġi, u jsalva lill-​poplu tiegħu. Hekk kif timmedita fuq rakkonti bħal dawn, ipprova tgħallem xi ħaġa ġdida dwar Ġeħova billi tfittex għal dettalji li għandek mnejn ma nnotajthomx qabel. Hekk kif titgħallem iktar dwar il-​kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova, imħabbtek għalih u l-​fidi tiegħek fih se jissaħħu iktar. Fl-​artiklu li jmiss, se nitgħallmu dwar modi kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nuru konsiderazzjoni lejn dawk fil-​familja tagħna, fil-​kongregazzjoni, u fil-​ministeru.

^ par. 3 L-​istorjografu Ġużeppi Flavju jgħid li Samwel kellu 12-​il sena dak iż-​żmien.

^ par. 16 Hu raġunevoli li nassumu li xi nies li jsalvaw f’Armageddon se jkunu persuni b’diżabilità. Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu fejjaq lin-​nies li kellhom “kull xorta taʼ nuqqas taʼ saħħa,” jew kull xorta taʼ diżabilità. Dak li għamel dakinhar jurina x’se jagħmel għal dawk li jsalvaw f’Armageddon. (Mattew 9:35) Dawk li jiġu rxoxtati se jkollhom ġisem f’saħħtu.