Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Jekk tafu dan, henjin intom jekk tagħmluh”

“Jekk tafu dan, henjin intom jekk tagħmluh”

“L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.”—ĠWANNI 4:34.

GĦANJIET: 80, 35

1. Kif tistaʼ l-​attitudni egoista taʼ din id-​dinja teffettwa l-​umiltà tagħna?

GĦALA huwa diffiċli li napplikaw dak li nitgħallmu mill-​Kelma t’Alla? Raġuni waħdi hi għax biex nagħmlu dak li hu tajjeb għandna bżonn inkunu umli. F’dawn “l-​aħħar jiem,” huwa diffiċli li tibqaʼ umli, għax ħafna nies madwarna “jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, minfuħin bihom infushom, suppervi,” u ‘mingħajr rażan.’ (2 Timotju 3:1-3) Bħala qaddejja t’Alla, aħna nafu li din it-​tip t’attitudni hija ħażina, imma jaf jidher li dawk li jaġixxu hekk jirnexxu u jgawdu verament ħajjithom. (Salm 37:1; 73:3) Jaf issaqsi lilek innifsek: ‘Huwa vera worth it li nagħmel sforz biex inpoġġi l-​interessi t’oħrajn qabel tiegħi? Jekk inkun umli, xorta se jibqgħu jirrispettawni n-​nies?’ (Luqa 9:48) Jekk inħallu l-​attitudni egoista taʼ din id-​dinja tinfluwenzana, nistgħu nagħmlu ħsara lir-​relazzjoni tajba tagħna maʼ ħutna u nagħmluha diffiċli għal oħrajn biex jindunaw li aħna Kristjani. Imma meta nistudjaw l-​eżempji taʼ qaddejja umli t’Alla u nimitawhom, aħna se jkollna riżultati tajbin.

2. X’nistgħu nitgħallmu minn qaddejja leali t’Alla tal-​passat?

2 X’għen lil qaddejja leali t’Alla tal-​passat ikunu l-​ħbieb tiegħu? Kif għoġbuh? Minn fejn ġabu s-​saħħa biex jagħmlu t-​tajjeb? Meta naqraw dwar l-​eżempji tagħhom fil-​Bibbja u nimmeditaw fuq dak li naqraw, il-​fidi tagħna se tissaħħaħ iktar.

DAK LI JŻOMM IL-​FIDI TAGĦNA B’SAĦĦITHA

3, 4. (a) Ġeħova kif jgħallimna? (b) Għala għandna bżonn iktar minn għarfien biex inżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha?

3 Ġeħova jipprovdilna dak li għandna bżonn biex inżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha. Aħna nirċievu pariri tajbin u taħriġ permezz tal-​Bibbja, il-​pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna, il-​websajt tagħna, il-​JW Broadcasting, u l-​laqgħat u l-​assembleat tagħna. Imma Ġesù spjega li għandna bżonn xi ħaġa iktar mill-​għarfien. Hu qal: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.”Ġwanni 4:34.

4 Li jagħmel ir-​rieda t’Alla kien bħal ikel għal Ġesù. Li nieklu ikel sustanzjuż jgħinna nħossuna tajbin u jagħti s-​saħħa lil ġisimna. Bl-​istess mod, li nagħmlu r-​rieda t’Alla jgħinna nħossuna tajbin u jagħti s-​saħħa lill-​fidi tagħna. Pereżempju, ġieli ħassejtek għajjien qabel mort laqgħa għas-​servizz tal-​għalqa, imma mbagħad ħassejtek ferħan u inkuraġġit wara l-​ministeru?

5. Kif nibbenefikaw meta jkollna l-​għerf?

5 Meta nagħmlu dak li Ġeħova jitlobna, ikollna l-​għerf. (Salm 107:43) U ħafna affarijiet sbieħ jiġru lil dawk li għandhom l-​għerf. “L-​affarijiet l-​oħrajn kollha li titgħaxxaq bihom ma jiswewx daqsu. . . . Huwa siġra tal-​ħajja għal dawk li jaqbdu miegħu, u dawk li jibqgħu jżommuh sod jissejħu henjin.” (Proverbji 3:13-​18) Ġesù qal: “Jekk tafu dan, henjin intom jekk tagħmluh.” (Ġwanni 13:17) Id-​dixxipli taʼ Ġesù kienu se jkunu ferħanin dment li jibqgħu jagħmlu dak li qalilhom. Li jimxu mat-​tagħlim u l-​eżempju tiegħu sar il-​mod kif għexu ħajjithom.

6. Għala għandna bżonn inkomplu napplikaw dak li nitgħallmu?

6 Illum, anki aħna għandna bżonn inkomplu napplikaw dak li nitgħallmu. Ħu l-​eżempju taʼ mekkanik li għandu l-​għodod, il-​materjal, u l-​għarfien dwar xogħlu. Dawn l-​affarijiet se jgħinuh ikun mekkanik tajjeb biss jekk jużahom. Hu jaf ikollu ħafna snin t’esperjenza, imma jeħtieġ ikompli juża dak li tgħallem jekk irid jibqaʼ mekkanik tajjeb. B’mod simili, għall-​ewwel li tgħallimna l-​verità, aħna esperjenzajna l-​ferħ għax applikajna dak li qrajna mill-​Bibbja. Imma biex nibqgħu ferħanin, għandna nkomplu napplikaw kuljum dak li jgħallimna Ġeħova.

7. X’għandna nagħmlu biex nitgħallmu minn eżempji Bibliċi?

7 F’dan l-​artiklu, se niddiskutu xi sitwazzjonijiet li fihom għandu mnejn insibuha diffiċli nibqgħu umli. Se nitgħallmu kif uħud leali tal-​passat baqgħu umli. Imma aħna m’għandniex biss naqraw l-​informazzjoni. Għandna naħsbu dwarha u mbagħad napplikawha f’ħajjitna.

TQISX LILEK INNIFSEK SUPERJURI GĦAL OĦRAJN

8, 9. X’nitgħallmu mill-​umiltà taʼ Pawlu f’​Atti 14:8-15? (Ara l-​ewwel stampa.)

8 Alla jrid li kull xorta taʼ nies “jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” (1 Timotju 2:4) Int kif tħares lejn in-​nies kollha li għadhom ma tgħallmux il-​verità? L-​appostlu Pawlu pprietka lin-​nies Lhud li kienu diġà jafu xi ħaġa dwar Ġeħova. Imma hu pprietka wkoll lil dawk li kienu jqimu allat foloz. Il-​fatt li għamel dan ittestja l-​umiltà taʼ Pawlu. Kif?

9 Fl-​ewwel vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu, hu u Barnaba marru fil-​belt taʼ Listra. In-​nies t’hemm ittrattaw lil Pawlu u Barnaba bħala allat li saru bnedmin u sejħulhom bl-​ismijiet tal-​allat foloz tagħhom Żews u Erme. Ħadu pjaċir Pawlu u Barnaba b’din l-​attenzjoni kollha? Qiesu huma din l-​esperjenza bħala bidla sabiħa mill-​persekuzzjoni li kellhom fl-​aħħar żewġt ibliet li kienu żaru? Ħasbu huma li din l-​attenzjoni kollha kienet se tgħin lil iżjed nies jisimgħu l-​aħbar tajba? Le! Huma ma ħadux pjaċir, tant li għajtu: “Għala qed tagħmlu dan? Aħna wkoll bnedmin bl-​istess dgħjufijiet bħal tagħkom.”—Atti 14:8-15.

10. Pawlu u Barnaba għala ma ħassewhomx superjuri għan-​nies fil-​Likaonja?

10 Meta Pawlu u Barnaba qalu li anki huma kienu bnedmin, huma riedu jfissru li kienu imperfetti. Huma ma ridux ifissru li l-​qima tagħhom kienet l-​istess bħal tan-​nies fil-​Likaonja. Pawlu u Barnaba kienu ntbagħtu minn Alla bħala missjunarji. (Atti 13:2) Huma kienu midlukin bl-​ispirtu qaddis u kellhom tama mill-​isbaħ. Imma ma kellhomx għalfejn iħossuhom superjuri għal oħrajn. Huma kienu fehmu li anki dawn in-​nies setgħu jirċievu t-​tama li jgħixu fis-​sema jekk jaċċettaw l-​aħbar tajba.

11. Kif nistgħu nkunu umli bħal Pawlu meta nippritkaw?

11 Dan huwa mod wieħed kif nuru li aħna umli bħal Pawlu. Aħna qatt ma nħossu li l-​inkarigu tagħna li nippritkaw jew l-​affarijiet li nagħmlu bl-​għajnuna taʼ Ġeħova jagħmluna speċjali b’xi mod. Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: ‘Kif inħossni lejn in-​nies fit-​territorju tiegħi? Preġudikat jien lejn ċerti gruppi taʼ nies?’ Madwar id-​dinja, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jipprovaw ifittxu lil dawk li huma lesti jisimgħu l-​aħbar tajba. Xi aħwa anki jagħmlu sforz biex jitgħallmu lingwa jew drawwiet taʼ nies li xi wħud iqisuhom inferjuri. Imma qatt ma jħossu li huma aħjar minn dawk li jippritkawlhom. Minflok, huma jipprovaw jifhmu lil kull persuna individwalment biex jgħinu lil kemm jistaʼ jkun nies jaċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna.

ITLOB GĦAL OĦRAJN B’ISIMHOM

12. Epafra kif wera li kien verament jimpurtah minn oħrajn?

12 Mod ieħor kif nuru li aħna umli hu billi nitolbu għal ħutna rġiel u nisa li diġà “għandhom privileġġ daqsna fil-​fidi.” (2 Pietru 1:1) Dan hu dak li għamel Epafra. Il-​Bibbja ssemmih tliet darbiet biss. Meta Pawlu kien arrestat f’dar f’Ruma, hu kiteb lill-​Kristjani f’Kolossi, u qal hekk dwar Epafra: “Hu dejjem jistinka għalikom fit-​talb tiegħu.” (Kolossin 4:12) Epafra kien jafhom sew lil ħutu, u kien jimpurtah ħafna minnhom. Pawlu sejjaħlu “priġunier sieħbi,” mela Epafra kellu l-​problemi personali tiegħu. (Filemon 23) Imma hu xorta kien jimpurtah mill-​bżonnijiet t’oħrajn u għamel xi ħaġa biex jgħinhom. Hu talab għal ħutu, u aħna nistgħu nagħmlu l-​istess, saħansitra nsemmuhom b’isimhom. Talb bħal dan għandu qawwa kbira.—2 Korintin 1:11; Ġakbu 5:16.

13. Kif tistaʼ timita lil Epafra meta titlob?

13 Aħseb f’xi ħadd li tistaʼ ssemmi b’ismu fit-​talb tiegħek. Forsi taf b’aħwa fil-​kongregazzjoni jew b’familji li qed iħabbtu wiċċhom maʼ sfidi. Forsi għandhom deċiżjonijiet diffiċli x’jieħdu jew qed jiġġieldu maʼ xi tentazzjonijiet. Tistaʼ wkoll titlob għal ħutek li l-​ismijiet tagħhom jinsabu fl-​artiklu fuq jw.org bit-​titlu “Jehovah’s Witnesses Imprisoned for Their Faith.” (Ikklikkja fuq NEWSROOM > LEGAL DEVELOPMENTS.) Tistaʼ titlob ukoll għal dawk li għadhom kemm tilfu lil xi ħadd maħbub fil-​mewt, dawk li reċentement salvaw minn xi diżastru naturali jew gwerra, u għal uħud bi problemi finanzjarji. Hemm ħafna aħwa li għandhom bżonn it-​talb tagħna! Meta nitolbu għalihom, aħna nagħtu prova li ma nkunux qed naħsbu biss fina nfusna imma anki fil-​bżonnijiet t’oħrajn. (Filippin 2:4) Ġeħova jisimgħu dan it-​tip taʼ talb.

‘KUN ĦAFIF BIEX TISMAʼ’

14. Ġeħova kif inhu l-​aqwa semmiegħ?

14 Mod ieħor kif nuru li aħna umli hu billi nkunu semmiegħa tajbin. Ġakbu 1:19 jgħidilna biex ‘inkunu ħfief biex nisimgħu.’ Ġeħova huwa l-​aqwa semmiegħ. (Ġenesi 18:32; Ġożwè 10:14) Pereżempju, aqra l-​konversazzjoni li nsibu f’​Eżodu 32:11-14. (Aqra.) Għalkemm ma kellux bżonn l-​opinjoni taʼ Mosè, Ġeħova ħallieh jesprimi l-​mod kif kien qed iħossu. Se tkun paċenzjuż int u tismaʼ lil xi ħadd li għamel xi żball fil-​passat u mbagħad issegwi s-​suġġeriment tiegħu? Madankollu, Ġeħova jismaʼ bil-​paċenzja t-​talb tan-​nies kollha li jitolbu bil-​fidi.

15. Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nagħtu attenzjoni speċjali u nuru rispett lejn oħrajn?

15 Staqsi lilek innifsek: ‘Jekk Ġeħova hu daqshekk umli li jistaʼ jismaʼ lin-​nies bil-​mod kif semaʼ lil Abraham, Rakele, Mosè, Ġożwè, Manogħa, Elija, u Ħeżekija, m’għandix jien nipprova nagħmel l-​istess? Nistaʼ nagħti lill-​aħwa kollha iktar attenzjoni speċjali billi nismagħhom u nsegwi s-​suġġerimenti tagħhom meta jkun possibbli? Hemm xi ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħi jew fil-​familja li nistaʼ nagħtih iktar attenzjoni? X’se nagħmel dwar dan?’—Ġenesi 30:6; Imħallfin 13:9; 1 Slaten 17:22; 2 Kronaki 30:20.

ĠEĦOVA SE JARA N-​NIKET TIEGĦI

David qallu: “Ħallih!” Kieku int x’kont tagħmel? (Ara paragrafi 16, 17)

16. Is-​Sultan David kif irreaġixxa meta Simgħi ttrattah ħażin?

16 L-​umiltà tgħinna wkoll ikollna r-​rażan meta oħrajn jittrattawna ħażin. (Efesin 4:2) Eżempju eċċellenti dwar dan jinsab fit-​2 Samwel 16:5-13. (Aqra.) Simgħi, raġel mill-​familja tas-​Sultan Sawl, insulta u attakka lil David u lill-​qaddejja tiegħu. David setaʼ waqqfu lil Simgħi, imma minflok bil-​paċenzja ssaporta l-​insulti tiegħu. David kif irnexxielu jkollu daqshekk rażan? Nistgħu nkunu nafu jekk neżaminaw it-​tielet Salm.

17. X’għen lil David ikollu r-​rażan, u kif nistgħu nimitawh?

17 David ikkompona t-​tielet Salm meta ibnu Absalom kien qed jipprova joqtlu. Kien matul dan iż-​żmien li Simgħi attakka lil David, imma David sab is-​saħħa biex jibqaʼ kalm. Kif? F’​Salm 3:4, naqraw il-​kliem taʼ David: “B’leħen għoli nsejjaħ lil Ġeħova, u hu jwiġibni mill-​muntanja qaddisa tiegħu.” Meta niġu ttrattati ħażin, aħna għandna nitolbu kif għamel David. Imbagħad Ġeħova se jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu biex inkunu nistgħu nissaportu. Jistaʼ jkollok int iktar rażan jew taħfer iktar meta xi ħadd jittrattak ħażin? Fiduċjuż int li Ġeħova jimpurtah min-​niket tiegħek u li se jgħinek u jbierkek?

“L-​GĦERF HU L-​AQWA ĦAĠA”

18. Kif se nibbenefikaw meta napplikaw l-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova?

18 Meta nagħmlu dak li nafu li hu tajjeb, dan iġibilna barkiet kbar. Fi Proverbji 4:7, il-​Bibbja tgħid: “L-​għerf hu l-​aqwa ħaġa.” Għalkemm l-​għerf hu bbażat fuq l-​għarfien, l-​għerf jinvolvi iktar milli nifhmu l-​fatti. Jinvolvi d-​deċiżjonijiet li nieħdu. Anki n-​nemel juri l-​għerf billi jaħżen l-​ikel għax-​xitwa. (Proverbji 30:24, 25) Kristu, li hu msejjaħ “l-​għerf t’Alla,” dejjem jagħmel dak li jogħġob lil Missieru. (1 Korintin 1:24; Ġwanni 8:29) Alla se jberikna jekk aħna wkoll nuru l-​għerf billi nagħżlu li nagħmlu dak li nafu li hu tajjeb u nibqgħu umli. (Aqra Mattew 7:21-23.) Għalhekk, kompli aħdem biex tagħmel il-​kongregazzjoni post fejn kulħadd jistaʼ jaqdi lil Ġeħova b’umiltà. Jieħu ż-​żmien u l-​paċenzja biex napplikaw dak li nafu li hu tajjeb. Imma meta nagħmlu dan nuru li aħna umli, u l-​umiltà se tagħmilna ferħanin issa u għal dejjem.