Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 36

Armageddon—Aħbar tajba!

Armageddon—Aħbar tajba!

“Ġabruhom flimkien lejn . . . Armageddon.”—RIV. 16:16, ntt.

GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) Armageddon għala hi aħbar tajba għall-​umanità? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

XI NIES jemmnu li d-​dinja se tinqered jew b’xi gwerra nukleari jew b’xi diżastru naturali. Imma dan mhuwiex dak li tgħallem il-​Bibbja. Minflok, din tgħallem li dalwaqt se jkun hawn gwerra li se ġġib riżultati sbieħ. Din il-​gwerra tissejjaħ Armageddon, u dak li l-​Bibbja tgħid dwar din il-​gwerra għandu jferraħna! (Riv. 1:3) Il-​gwerra t’Armageddon mhux se teqred lill-​umanità imma se ssalvaha! Kif?

2 Il-​Bibbja turi li l-​gwerra t’Armageddon se ssalva lill-​umanità billi ttemm it-​tmexxija mill-​bniedem, u billi teqred lill-​ħżiena u ssalva lill-​ġusti. Ukoll, din il-​gwerra se ssalva lill-​umanità billi teqred lil dawk li qed jeqirdu l-​Art. (Riv. 11:18) Biex nifhmu aħjar dawn il-​punti, ejja nikkunsidraw erbaʼ mistoqsijiet: X’inhi Armageddon? X’se jiġri eżatt qabilha? Kif nistgħu nkunu fost dawk li jiġu salvati f’Armageddon? Kif nistgħu nibqgħu leali waqt li riesaq it-​tmiem?

X’INHI ARMAGEDDON?

3. (a) Il-​kelma “Armageddon” xi tfisser? (b) Rivelazzjoni 16:14, 16 kif juri li Armageddon mhijiex post li jeżisti veru fid-​dinja?

3 Aqra Rivelazzjoni 16:14, 16. Il-​kelma “Armageddon” tidher biss darba fl-​Iskrittura, u din ġejja minn terminu Ebrajk li jfisser “Muntanja taʼ Megiddo.” (Riv. 16: 16, ntt.) Megiddo kienet belt f’Iżrael tal-​qedem. (Ġoż. 17:11) Imma Armageddon ma tirreferix għal post li jeżisti veru fid-​dinja. Biex inkunu eżatti, Armageddon tirreferi għas-​sitwazzjoni li għaliha “s-​slaten taʼ l-​art abitata kollha” jinġabru biex jopponu lil Ġeħova. (Riv. 16:14) Però, f’dan l-​artiklu, se nużaw ukoll it-​terminu “Armageddon” biex jirreferi għall-​gwerra li tiġi eżatt wara li s-​slaten tal-​art jinġabru. Kif nafu li Armageddon mhijiex post li jeżisti veru fid-​dinja? L-​ewwel, il-​Muntanja taʼ Megiddo ma teżistix. It-​tieni, l-​art taʼ madwar Megiddo hija żgħira wisq biex tesaʼ “s-​slaten taʼ l-​art abitata kollha” u s-​suldati u l-​armamenti tagħhom. It-​tielet, kif se naraw iktar tard fl-​artiklu, il-​gwerra t’Armageddon se tibda meta “s-​slaten” tad-​dinja jattakkaw lin-​nies t’Alla mxerrdin madwar id-​dinja.

4. Ġeħova għala sejjaħ il-​gwerra finali kbira tiegħu bl-​istess isem taʼ Megiddo?

4 Ġeħova għala sejjaħ il-​gwerra finali kbira tiegħu bl-​istess isem taʼ Megiddo? Fiż-​żminijiet Bibliċi, ħafna gwerer ġew miġġildin f’Megiddo u fil-​Wied taʼ Ġeżragħel, li kien fil-​viċin. Xi kultant, Ġeħova għen lin-​nies tiegħu biex jirbħu. Pereżempju, “biswit l-​ilmijiet taʼ Megiddo,” Alla għen lill-​imħallef Iżraeli Barak jirbaħ lill-​armata taʼ Kangħan immexxija minn kap jismu Sisera. Barak u l-​profetessa Debora rringrazzjaw lil Ġeħova għar-​rebħa mirakoluża tagħhom. Huma kantaw: “Mis-​sema ġġieldu l-​kwiekeb . . . kontra Sisera. Il-​wied taʼ Kison kaxkarhom.”—Mħ. 5:19-21.

5. Il-​gwerra t’Armageddon b’liema mod importanti se tkun differenti mill-​gwerra li Barak iġġieled?

5 Barak u Debora spiċċaw l-​għanja tagħhom bil-​kliem: “B’hekk, ħa jgħibu l-​għedewwa kollha tiegħek, O Ġeħova, u ħa jkunu dawk li jħobbuk bħal meta x-​xemx toħroġ fl-​aqwa tagħha.” (Mħ. 5:31) Matul il-​gwerra t’Armageddon, l-​għedewwa t’Alla se jinqerdu wkoll, filwaqt li dawk li jħobbu lil Alla se jiġu salvati. Imma hemm differenza importanti bejn dawn iż-​żewġ gwerer. Matul il-​gwerra t’Armageddon, in-​nies t’Alla mhux se jiġġieldu. Huma lanqas biss se jkollhom armi! Huma se jkunu ‘setgħanin jekk ma jinkwetawx u jkollhom il-​fiduċja’ f’Ġeħova u fl-​armati tiegħu tas-​sema.—Is. 30:15; Riv. 19:11-15.

6. X’għandu mnejn juża Ġeħova biex jeqred lill-​għedewwa tiegħu fil-​gwerra t’Armageddon?

6 Fil-​gwerra t’Armageddon, Alla kif se jeqred lill-​għedewwa tiegħu? Hu għandu mnejn juża ħafna modi differenti. Pereżempju, għandu mnejn juża terremoti, silġ, u sajjetti. (Ġob 38:22, 23; Eżek. 38:19-22) Forsi jdawwar lill-​għedewwa tiegħu kontra xulxin. (2 Kron. 20:17, 22, 23) U jistaʼ jkun li juża l-​anġli tiegħu biex joqtol lill-​ħżiena. (Is. 37:36) Ikun xi jkun dak li Alla juża, se jirbaħ żgur. In-​nies kollha li jopponu lil Alla se jiġu meqrudin u l-​ġusti kollha se jiġu salvati.—Prov. 3:25, 26.

X’SE JIĠRI EŻATT QABEL ARMAGEDDON?

7-8. (a) Skont l-​1 Tessalonikin 5:1-6, liema stqarrija mhux tas-​soltu se jgħidu l-​mexxejja tad-​dinja? (b) Din l-​istqarrija għala se tkun gidba perikoluża?

7 Qabel “jum Ġeħova” se jkun hemm l-​istqarrija taʼ “paċi u sigurtà.” (Aqra l-​1 Tessalonikin 5:1-6.) Fl-​1 Tessalonikin 5:2, “jum Ġeħova” jirreferi għat-​“tribulazzjoni l-​kbira.” (Riv. 7:14) Aħna kif se nkunu nafu li din it-​tribulazzjoni tkun se tibda? Il-​Bibbja tgħid li se jkun hemm stqarrija mhux tas-​soltu li se sservi taʼ sinjal li t-​tribulazzjoni l-​kbira se tibda.

8 L-​istqarrija mhux tas-​soltu li l-​Bibbja bassret hi taʼ “paċi u sigurtà.” Il-​mexxejja tad-​dinja għala se jgħidu dan? Ma nafux eżatt. Il-​mexxejja reliġjużi se jieħdu sehem? Jistaʼ jkun. Jiġri x’jiġri, din l-​istqarrija se tkun gidba oħra li tiġi mid-​demonji. Imma din il-​gidba se tkun speċjalment perikoluża għax se ġġiegħel lin-​nies jaħsbu li huma protetti, meta fil-​fatt l-​akbar tribulazzjoni fl-​istorja tal-​bniedem tkun għadha se tibda. Iva, “tiġi fuqhom minnufih qerda f’daqqa bħall-​weġgħa tal-​ħlas fuq mara tqila.” X’se jiġri lill-​qaddejja leali taʼ Ġeħova? Għalkemm jum Ġeħova se jibda f’daqqa, huma se jkunu lesti, mhux se jinqabdu fuq sieq waħda.

9. Se jeqred Ġeħova d-​dinja kollha taʼ Satana f’daqqa? Spjega.

9 Ġeħova mhux se jeqred lid-​dinja kollha taʼ Satana f’daqqa, kif għamel fi żmien Noè. Minflok, hu se jeqridha f’żewġ partijiet. L-​ewwel, se jeqred lil Babilonja l-​Kbira, li hi r-​reliġjonijiet foloz kollha. Imbagħad, matul il-​gwerra t’Armageddon, hu se jeqred il-​kumplament tad-​dinja taʼ Satana, inkluż is-​sistemi politiċi, militari, u kummerċjali tagħha. Ejja niddiskutu fid-​dettall dawn iż-​żewġ ġrajjiet importanti.

10. Skont Rivelazzjoni 17:1, 6 u 18:24, Ġeħova għala se jeqred lil Babilonja l-​Kbira?

10 “Il-​ġudizzju fuq il-​prostituta l-​kbira.” (Aqra Rivelazzjoni 17:1, 6; 18:24.) Babilonja l-​Kbira ġabet diżrispett kbir fuq l-​isem t’Alla. Hi għallmet il-​gideb fuqu. Bħal mara prostituta, ir-​reliġjon falza kienet żleali lejn Ġeħova billi ssapportjat lil gvernijiet umani. Hi użat il-​qawwa u l-​influwenza tagħha biex tieħu vantaġġ mill-​membri tagħha. U r-​reliġjon falza qatlet ħafna nies, inkluż lil uħud mill-​qaddejja t’Alla. (Riv. 19:2) Ġeħova kif se jeqred lil Babilonja l-​Kbira?

11. (a) X’tirrappreżenta l-​“bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat”? (b) Alla kif se jużaha kontra Babilonja l-​Kbira?

11 Ġeħova se jeqred lill-​“prostituta l-​kbira” permezz tal-​“bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat” u l-​“għaxart iqrun” tagħha. Din il-​bhima salvaġġa tirrappreżenta lill-​Ġnus Magħquda. L-​għaxart iqrun jirrappreżentaw lill-​gvernijiet li jissapportjaw lil din l-​organizzazzjoni. Fiż-​żmien stabbilit t’Alla, il-​gvernijiet tad-​dinja u l-​Ġnus Magħquda se jattakkaw lil Babilonja l-​Kbira. Huma se “jħarbtuha u jneżżgħuha” billi jiħdulha ġidha u juru lil kulħadd kemm hi mill-​agħar. (Riv. 17:3, 16) Din il-​qerda tant se tkun f’daqqa li se tidher qisha seħħet “f’jum wieħed.” Għalhekk, dawk li ssapportjaw lir-​reliġjon falza se jkunu xxokkjati, speċjalment minħabba li hi spiss ftaħret u qalet: “Jien qiegħda bil-​qiegħda bħala sultana, u m’iniex armla, u qatt ma se nara niket.”—Riv. 18:7, 8.

12. Alla x’mhux se jħalli lill-​ġnus jagħmlu, u għala?

12 Alla mhux se jħalli lill-​ġnus jeqirdu lin-​nies tiegħu. Huma kburin li jġorru ismu, u obdew il-​kmand tiegħu biex joħorġu minn Babilonja l-​Kbira. (Atti 15:16, 17; Riv. 18:4) Huma anki ħadmu iebes biex jgħinu n-​nies joħorġu minnha. Allura, il-​qaddejja taʼ Ġeħova mhux se ‘jirċievu parti mill-​kastigi tagħha.’ Xorta waħda, se jkollhom bżonn fidi b’saħħitha biex jissaportu dak li se jiġri wara.

Huma fejn huma fid-dinja, in-nies t’Alla se jafdaw fih meta jibda l-attakk (Ara paragrafu 13) *

13. (a) Min hu Gog? (b) Skont Eżekjel 38:2, 8, 9, meta se tibda l-​gwerra t’Armageddon?

13 L-​attakk taʼ Gog. (Aqra Eżekjel 38:2, 8, 9.) Wara l-​qerda tar-​reliġjonijiet foloz kollha, in-​nies t’Alla se jispikkaw bħal siġra li tibqaʼ wieqfa wara maltempata qalila. Satana, bla dubju, se jifferoċja. Hu se jiżvoga r-​rabja tiegħu billi juża ‘espressjonijiet imnebbħin mhux nodfa.’ Dawn se jkunu informazzjoni falza mid-​demonji li se ġġiegħel lill-​grupp taʼ ġnus jattakkaw lill-​qaddejja taʼ Ġeħova. (Riv. 16:13, 14) Dan il-​grupp taʼ ġnus jissejjaħ “Gog taʼ l-​art taʼ Magog.” Meta l-​ġnus jattakkaw lin-​nies taʼ Ġeħova, tibda l-​gwerra t’Armageddon.—Riv. 16:16.

14. X’se jirrealizza Gog?

14 Gog se jafda fid-​“driegħ tal-​laħam” tiegħu, jiġifieri fil-​qawwa militari tiegħu. (2 Kron. 32:8.) Aħna se nafdaw f’Alla tagħna Ġeħova—waqfa li se tidher li ma tagħmilx sens għall-​ġnus. Għala? Għax Babilonja l-​Kbira kienet b’saħħitha, imma l-​allat tagħha ma salvawhiex mill-​“bhima salvaġġa” u l-​“għaxart iqrun” tagħha! (Riv. 17:16) Għalhekk, Gog jaħseb li se jeqridna faċilment. “Bħal sħab li  jiksi l-​pajjiż,” hu se jattakka lin-​nies taʼ Ġeħova. (Eżek. 38:16) Imma Gog malajr se jinduna li nqabad f’nassa. Bħall-​Fargħun ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar, Gog se jirrealizza li qed jiġġieled kontra Ġeħova.—Eżo. 14:1-4; Eżek. 38:3, 4, 18, 21-23.

15. X’se jagħmel Ġesù fil-​gwerra t’Armageddon?

15 Kristu u l-​armati tiegħu tas-​sema se jiddefendu lin-​nies t’Alla u jeqirdu għalkollox lil Gog u s-​suldati tiegħu. (Riv. 19:11, 14, 15) Imma x’se jiġri lil Satana, l-​akbar għadu taʼ Ġeħova, li gideb lill-​ġnus u ġegħelhom jattakkaw lin-​nies t’Alla fil-​gwerra t’Armageddon? Ġesù se jixħet lilu u lid-​demonji tiegħu fl-​abbiss, fejn se jiġu msakkrin għal elf sena.—Riv. 20:1-3.

KIF TISTAʼ TIĠI SALVAT F’ARMAGEDDON?

16. (a) Kif nuru li ‘nafu lil Alla’? (b) Li nkunu nafu lil Ġeħova għala se jkun barka għalina f’Armageddon?

16 Jekk ilniex ħafna snin fil-​verità jew le, biex niġu salvati f’Armageddon, għandna nuru li ‘nafu lil Alla’ u li ‘nobdu l-​aħbar tajba dwar il-​Mulej tagħna Ġesù.’ (2 Tess. 1:7-9) Aħna nuru li ‘nafu lil Alla’ meta nkunu nafu xi jħobb, x’jobgħod, u l-​livelli tiegħu. Ukoll, nuru li nafuh meta nħobbuh, nobduh, u nqimu lilu biss. (1 Ġw. 2:3-5; 5:3) Jekk nagħmlu dawn l-​affarijiet, Alla wkoll se jkun jafna, jiġifieri se jkollna l-​approvazzjoni tiegħu. (1 Kor. 8:3) B’riżultat taʼ dan, aħna se niġu salvati matul il-​gwerra t’Armageddon!

17. Xi jfisser li ‘nobdu l-​aħbar tajba dwar il-​Mulej tagħna Ġesù’?

17 “L-​aħbar tajba dwar il-​Mulej tagħna Ġesù” tinkludi l-​veritajiet kollha li Ġesù għallem u li nsibu fil-​Kelma t’Alla. Aħna nobdu l-​aħbar tajba meta napplikawha f’ħajjitna. Din l-​ubbidjenza tinkludi li npoġġu s-​servizz taʼ Ġeħova l-​ewwel f’ħajjitna, nobdu l-​livelli ġusti t’Alla, u nippritkaw dwar is-​Saltna t’Alla. (Mt. 6:33; 24:14) Tinkludi wkoll li nissapportjaw lill-​aħwa midlukin taʼ Kristu hekk kif jieħdu ħsieb l-​inkarigu taʼ responsabbiltà tagħhom.—Mt. 25:31-40.

18. B’liema mod l-​aħwa midlukin taʼ Kristu se jkunu jistgħu jippremjaw lil dawk li wrew qalb tajba magħhom?

18 Il-​qaddejja midlukin t’Alla dalwaqt se jkunu jistgħu jippremjaw il-​qalb tajba li n-​“nagħaġ oħrajn” urew magħhom. (Ġw. 10:16) Dan kif se jagħmluh? Qabel tibda l-​gwerra t’Armageddon, il-​144,000 kollha se jkunu telgħu fis-​sema bħala spirti immortali. Imbagħad, se jkunu parti mill-​armati tas-​sema li se jeqirdu lil Gog u jipproteġu lil “folla kbira” taʼ wħud bħal nagħaġ. (Riv. 2:26, 27; 7:9, 10) Iva, xi privileġġ se jkun għall-​folla l-​kbira li ssapportjat lill-​qaddejja midlukin taʼ Ġeħova waqt li dawn kienu għadhom fuq l-​art!

KIF NISTGĦU NIBQGĦU LEALI WAQT LI RIESAQ IT-​TMIEM?

19-20. Minkejja l-​provi tagħna, kif nistgħu nibqgħu leali waqt li riesaq it-​tmiem?

19 Matul dawn l-​aħħar jiem diffiċli, ħafna min-​nies taʼ Ġeħova qed jesperjenzaw provi. Minkejja dan, nistgħu nissaportu bil-​ferħ. (Ġak. 1:2-4) Xi ħaġa li se tgħinna ħafna hi li nitolbu mill-​qalb. (Lq. 21:36) Aħna mhux biss għandna nitolbu imma wkoll għandna nistudjaw il-​Kelma t’Alla kuljum u nimmeditaw fuqha. Dan jinkludi l-​profeziji tal-​għaġeb li se jiġru dalwaqt. (Salm 77:12) Dawn l-​attivitajiet, flimkien maʼ li nagħmlu l-​aħjar li nistgħu fil-​ministeru, se jżommu l-​fidi u t-​tama tagħna b’saħħithom!

20 Aħseb x’ferħ u eċitament se jkollok meta Babilonja l-​Kbira tkun meqruda u l-​gwerra t’Armageddon tkun għaddiet! Iżjed importanti minn hekk, aħseb kemm se tkun ferħan meta kulħadd se jirrispetta isem Alla u d-​dritt tiegħu li jmexxi! (Eżek. 38:23) Iva, Armageddon hi aħbar tajba għal dawk li jafu lil Alla, jobdu lil Ibnu, u jissaportu sat-​tmiem.—Mt. 24:13.

GĦANJA 143 Ibqaʼ ħabrek, għasses, u stenna

^ par. 5 In-​nies taʼ Ġeħova ilhom jistennew Armageddon. F’dan l-​artiklu se niddiskutu x’inhi Armageddon, x’se jiġri eżatt qabilha, u kif nistgħu nibqgħu leali waqt li riesaq it-​tmiem.

^ par. 71 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Meta jgħidu l-​istqarrija taʼ “paċi u sigurtà,” aħna se nieħdu sehem fil-​ministeru sakemm ikun possibbli. Meta r-​reliġjonijiet foloz jiġu meqrudin, aħna se nżommu mal-​iskeda taʼ studju tagħna. Meta Gog taʼ Magog jattakkana, aħna se nibqgħu nafdaw fil-​protezzjoni t’Alla.

^ par. 85 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Pulizija lesti biex jidħlu fid-​dar taʼ familja Kristjana li għandhom il-​fiduċja li Ġesù u l-​anġli tiegħu jafu eżatt x’inhu jiġri.