Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 39

“Ara, folla kbira”

“Ara, folla kbira”

“Ara, folla kbira, li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha, . . . weqfin quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf.”—RIV. 7:9.

GĦANJA 60 Hemm ħajjithom fin-​nofs

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’kienet is-​sitwazzjoni tal-​appostlu Ġwanni fi tmiem l-​ewwel seklu?

FI TMIEM l-​ewwel seklu, l-​appostlu Ġwanni kien f’sitwazzjoni diffiċli ħafna. Hu kien avvanzat fl-​età, eżiljat fuq il-​gżira taʼ Patmos, u aktarx l-​aħħar appostlu ħaj. (Riv. 1:9) Hu kien jaf li apostati kienu qed jiżvijaw lil kongregazzjonijiet u joħolqu firda. Setaʼ deher li dalwaqt ma kienx se jibqaʼ Kristjani veri.—Ġuda 4; Riv. 2:15, 20; 3:1, 17.

L-appostlu Ġwanni ra “folla kbira” lebsin ilbiesi bojod u bi friegħi tal-palm f’idejhom (Ara paragrafu 2)

2. Skont Rivelazzjoni 7:9-14, liema viżjoni profetika ngħata Ġwanni? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

2 Waqt li Ġwanni kien għaddej minn din is-​sitwazzjoni diffiċli, Alla tah viżjoni eċitanti dwar il-​futur. Fiha, anġlu jgħid lil erbaʼ anġli oħra biex iżommu lura l-​irjieħ qerrieda tat-​tribulazzjoni l-​kbira sa ma jsir l-​aħħar immarkar bis-​siġill taʼ grupp taʼ lsiera. (Riv. 7:1-3) Dal-​grupp hu magħmul minn 144,000 li se jmexxu maʼ Ġesù fis-​sema. (Lq. 12:32; Riv. 7:4) Imbagħad Ġwanni jsemmi grupp ieħor. Dan tant hu kbir li Ġwanni jgħajjat: “Ara”—espressjoni li tistaʼ turi li kien sorpriż b’dak li ra. X’ra Ġwanni? “Folla kbira, li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù u poplu u lsien, weqfin quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf.” (Aqra Rivelazzjoni 7:9-14.) Ġwanni probabbilment kien ferħan ħafna li sar jaf li fil-​futur, kien se jkun hemm ħafna nies li jqimu lil Alla bil-​mod it-​tajjeb.

3. (a) Il-​viżjoni taʼ Ġwanni għala għandha ssaħħilna l-​fidi? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-​artiklu?

3 Din il-​viżjoni żgur li saħħet il-​fidi taʼ Ġwanni. Mela kemm iktar għandha ssaħħaħ il-​fidi tagħna, ladarba qed ngħixu fit-​twettiq tagħha! Fi żmienna, miljuni taʼ nies bdew iqimu lil Ġeħova u jittamaw li jgħaddu mit-​tribulazzjoni l-​kbira u jgħixu għal dejjem fuq l-​art. F’dan l-​artiklu, se nitgħallmu kif Ġeħova wera l-​identità taʼ din il-​folla l-​kbira lill-​poplu tiegħu iktar minn 80 sena ilu. Imbagħad se nikkunsidraw żewġ fatturi taʼ din il-​folla: (1) id-​daqs tagħha u (2) il-​varjetà li fiha. Dawn il-​punti għandhom isaħħu l-​fidi taʼ kull min jittama li jkun parti minn dal-​grupp b’tama mill-​isbaħ.

FEJN SE TGĦIX IL-​FOLLA L-​KBIRA?

4. Liema verità mill-​Bibbja ma jifhimx il-​Kristjaneżmu, u l-​Istudenti tal-​Bibbja kif kienu differenti?

4 Il-​Kristjaneżmu ġeneralment ma jgħallimx il-​verità mill-​Bibbja li xi darba n-​nies ubbidjenti se jgħixu għal dejjem fuq l-​art. (2 Kor. 4:3, 4) Illum, il-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet fil-​Kristjaneżmu jgħallmu li n-​nies tajbin kollha jmorru fis-​sema meta jmutu. Madankollu, grupp żgħir taʼ Studenti tal-​Bibbja, * li bdew jippubblikaw it-​Torri tal-​Għassa fl-​1879, kienu differenti. Huma fehmu li Alla kien se jerġaʼ jagħmel l-​art Ġenna u li miljuni taʼ nies ubbidjenti kienu se jgħixu hawn fuq l-​art, u mhux fis-​sema. Iżda għadda ż-​żmien sakemm fehmu ċar min kienu se jkunu dawn in-​nies ubbidjenti.—Mt. 6:10.

5. L-​Istudenti tal-​Bibbja x’kienu jemmnu dwar il-​144,000?

5 Ovvjament, l-​Istudenti tal-​Bibbja fehmu ċar ukoll mill-​Bibbja li grupp taʼ nies kienu se ‘jinxtraw mill-​art’ biex imexxu maʼ Ġesù fis-​sema. (Riv. 14:3) Dal-​grupp kien se jkun magħmul minn 144,000 Kristjan żeluż u dedikat li jkunu qdew lil Alla lealment waqt li kienu fuq l-​art. Xi ngħidu għall-​folla l-​kbira?

6. L-​Istudenti tal-​Bibbja x’kienu jemmnu dwar il-​folla l-​kbira?

6 Fil-​viżjoni li kellu, Ġwanni ra dal-​grupp ‘wieqaf quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf.’ (Riv. 7:9) B’dal-​kliem, l-​Istudenti tal-​Bibbja waslu għall-​konklużjoni li bħall-​144,000, il-​folla l-​kbira kienet se tgħix fis-​sema. Jekk dawn iż-​żewġ gruppi kienu se jgħixu t-​tnejn fis-​sema, kif kienu se jkunu differenti minn xulxin? L-​Istudenti tal-​Bibbja ħasbu li l-​folla l-​kbira bilfors li hi magħmula minn Kristjani li ma kinux ubbidjenti għalkollox lejn Alla waqt li kienu fuq l-​art. Għalkemm imxew fuq il-​livelli morali tal-​Bibbja, forsi xi wħud minnhom baqgħu membri tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. L-​Istudenti tal-​Bibbja kkonkludew li wħud bħal dawn urew xi tip taʼ mħabba għal Alla imma mhux biżżejjed biex imexxu maʼ Ġesù. Peress li din l-​imħabba ma kinitx b’saħħitha biżżejjed, il-​folla l-​kbira kienet se tikkwalifika biex tkun quddiem it-​tron imma mhux bilqiegħda fuq it-​tronijiet.

7. (a) Skont l-​Istudenti tal-​Bibbja, min kien se jgħix fuq l-​art matul ir-​Renju taʼ Elf Sena? (b) L-​Istudenti tal-​Bibbja x’kienu jaħsbu dwar l-​irġiel leali tal-​passat?

7 Allura, min kien se jgħix fuq l-​art? L-​Istudenti tal-​Bibbja kienu jemmnu li wara li l-​144,000 u l-​folla l-​kbira jkunu nġabru fis-​sema, miljuni oħrajn kienu se jitħallew jgħixu fuq l-​art biex igawdu l-​benefiċċji tar-​Renju taʼ Kristu. L-​Istudenti tal-​Bibbja ma ħasbux li dawn il-​miljuni kienu se jaqdu lil Ġeħova qabel il-​bidu tar-​Renju taʼ Kristu. Pjuttost, ħasbu li kienu se jitgħallmu dwar Ġeħova matul ir-​Renju taʼ Kristu. Imbagħad, min jimxi mal-​livelli taʼ Ġeħova kien se jkun imbierek b’ħajja taʼ dejjem fuq l-​art, mentri min jirribella kien se jinqered. L-​Istudenti tal-​Bibbja kienu jaħsbu wkoll li xi wħud li kienu se jkunu “prinċpijiet” fuq l-​art matul ir-​Renju taʼ Kristu kienu se jmorru s-​sema fl-​aħħar tal-​elf sena. Kienu jemmnu wkoll li dawn il-​“prinċpijiet” kienu se jinkludu rġiel leali li mietu qabel Kristu u li kienu se jiġu rxoxtati matul ir-​Renju taʼ Kristu.—Salm 45:16.

8. Liema tliet gruppi kienu jidhru li għandhom post fl-​iskop t’Alla?

8 Għalhekk, l-​Istudenti tal-​Bibbja ħassew li hemm tliet gruppi: (1) il-​144,000, li kienu se jmexxu maʼ Ġesù fis-​sema; (2) il-​folla l-​kbira taʼ wħud Kristjani, li ma kellhomx imħabba b’saħħitha biżżejjed għal Alla u li kienu se jkunu weqfin quddiem it-​tron taʼ Ġesù fis-​sema; u (3) miljuni taʼ nies li kienu se jitgħallmu dwar Ġeħova fuq l-​art matul ir-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu. * Imma maż-​żmien, Ġeħova għenhom jifhmu dan is-​suġġett aħjar.—Prov. 4:18.

ID-​DAWL TAL-​VERITÀ JITQAWWA IKTAR

Fil-konvenzjoni tal-1935, ħafna wħud bit-tama li jgħixu fuq l-art tgħammdu (Ara paragrafu 9)

9. (a) Il-​folla l-​kbira fuq l-​art b’liema mod tistaʼ tkun wieqfa “quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf”? (b) Din il-​fehma taʼ Rivelazzjoni 7:9 kif tagħmel sens?

9 Fl-​1935, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fehmu aħjar min kienet il-​folla l-​kbira fil-​viżjoni taʼ Ġwanni. Huma rrealizzaw li l-​folla l-​kbira m’għandhiex għalfejn tkun fis-​sema litteralment biex tkun wieqfa “quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf.” Pjuttost, dan tagħmlu b’mod simboliku. Għalkemm se tgħix fuq l-​art, il-​folla l-​kbira tistaʼ tkun wieqfa “quddiem it-​tron” billi tirrikonoxxi li Ġeħova hu l-​Mexxej tal-​univers u turi li taċċetta l-​awtorità tiegħu billi tobdih. (Is. 66:1) Din tistaʼ tkun wieqfa “quddiem il-​Ħaruf” billi teżerċita fidi fis-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù. Bl-​istess mod, f’​Mattew 25:31, 32, “il-​ġnus kollha”—inkluż dawk ħżiena—jintqal li se ‘jinġabru quddiem’ Ġesù li qiegħed fuq it-​tron glorjuż tiegħu. Biċ-​ċar, dawn il-​ġnus kollha se jinġabru fuq l-​art u mhux fis-​sema. Din il-​fehma aġġustata tagħmel sens. Din tispjega għala l-​Bibbja ma tgħidx li l-​folla l-​kbira tittieħed fis-​sema. Grupp wieħed biss ġie mwiegħed ħajja taʼ dejjem fis-​sema—il-​144,000, li se “jsaltnu għal fuq l-​art” maʼ Ġesù.—Riv. 5:10.

10. Għala hemm bżonn li l-​folla l-​kbira titgħallem dwar Ġeħova qabel ir-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu?

10 Sa mill-​1935, ix-​Xhieda b’hekk fehmu li l-​folla l-​kbira fil-​viżjoni taʼ Ġwanni hi magħmula minn grupp taʼ Kristjani leali li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art għal dejjem. Sabiex tgħaddi mit-​tribulazzjoni l-​kbira, il-​folla l-​kbira se jkollha titgħallem dwar Ġeħova u tibda tqimu qabel jibda r-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu. B’dal-​mod, din se jkollha l-​fidi b’saħħitha li għandha bżonn biex ‘jirnexxilha taħrab minn dak kollu li għandu jseħħ’ qabel ir-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu.—Lq. 21:34-36.

11. Xi Studenti tal-​Bibbja għala setgħu ħasbu li xi wħud forsi kienu se jittieħdu fis-​sema wara r-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu?

11 Xi ngħidu dwar il-​fehma li xi wħud eżemplari fuq l-​art kienu se jittieħdu fis-​sema wara r-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu? Din il-​possibiltà, li ġiet suġġerita fit-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​15 taʼ Frar 1913, kienet ibbażata fuq dan ir-​raġunar: ‘L-​irġiel leali li għexu fil-​passat għala kienu se jitħallew jgħixu fuq l-​art biss, meta Kristjani li ma kinux leali daqshom kienu se jiġu premjati b’ħajja fis-​sema?’ Ovvjament, dan ir-​raġunar kien influwenzat minn konklużjonijiet żbaljati: (1) li l-​folla l-​kbira kienet se tgħix fis-​sema u (2) li l-​folla l-​kbira kienet se tkun magħmula minn Kristjani inqas leali.

12-13. Il-​midlukin u l-​folla l-​kbira x’jafu dwar il-​premju tagħhom?

12 Madankollu, kif rajna, sa mill-​1935, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fehmu b’mod ċar li dawk li se jgħaddu minn Armageddon huma l-​folla l-​kbira fil-​viżjoni taʼ Ġwanni. Huma se ‘joħorġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira’ hawn stess fuq l-​art, u se jkomplu ‘jgħajtu b’leħen qawwi u jgħidu: “Is-​salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-​qiegħda fuq it-​tron, u lill-​Ħaruf.”’ (Riv. 7:10, 14) Barra minn dan, l-​Iskrittura tgħallem li dawk li jiġu rxoxtati għall-​ħajja fis-​sema jirċievu “xi ħaġa aħjar” mill-​irġiel leali li għexu fil-​passat. Allura x-​Xhieda f’dak iż-​żmien irrealizzaw li dawn iż-​żewġ gruppi għandhom tama differenti. (Ebr. 11:40) Din il-​fehma ġdida mmotivat lil ħutna biex b’entużjażmu jibdew jistiednu n-​nies ħalli jaqdu lil Ġeħova, bit-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art.

13 Dawk tal-​folla l-​kbira huma ferħanin ħafna dwar it-​tama tagħhom. Huma jifhmu li Ġeħova jiddeċiedi fejn se jaqduh l-​adoraturi leali tiegħu, jekk hux fis-​sema jew fuq l-​art. Kemm il-​midlukin u kif ukoll il-​folla l-​kbira jafu li l-​premju tagħhom hu possibbli biss minħabba l-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova murija bis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu bħala fidwa.—Rum. 3:24.

KBIRA FID-​DAQS

14. Wara l-​1935, ħafna għala tħassbu kif il-​profezija dwar il-​folla l-​kbira kienet se titwettaq?

14 Wara li l-​fehma kienet iċċarata fl-​1935, ħafna xorta tħassbu kif il-​folla l-​kbira taʼ wħud li ttamaw li jgħixu fuq l-​art kienet se tkun “kbira.” Pereżempju, Ronald Parkin kellu 12-​il sena meta l-​identità tal-​folla l-​kbira ċċarat. “F’dak iż-​żmien,” hu jiftakar, “kien hemm madwar 56,000 pubblikatur madwar id-​dinja u ħafna, forsi l-​biċċa l-​kbira, kienu midlukin. Allura l-​folla l-​kbira ma dehritx daqshekk kbira.”

15. Il-​ġbir tal-​folla l-​kbira kif kompla jagħmel progress?

15 Madankollu, fis-​snin taʼ wara, intbagħtu missjunarji f’ħafna pajjiżi, u n-​numru taʼ Xhieda taʼ Ġeħova kompla jikber. Imbagħad fl-​1968, bdejna nistudjaw il-​Bibbja man-​nies billi nużaw il-​ktieb Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna. L-​ispjegazzjoni sempliċi tiegħu dwar il-​verità mill-​Bibbja ġibdet ħafna iktar nies lejn Ġeħova minn qatt qabel. F’erbaʼ snin, iktar minn nofs miljun dixxiplu ġdid tgħammdu. Hekk kif il-​Knisja Kattolika tilfet mill-​qawwa tagħha fl-​Amerika Latina u f’pajjiżi oħra, u r-​restrizzjonijiet fuq xogħolna tneħħew fl-​Ewropa tal-​Lvant u f’partijiet tal-​Afrika, miljuni oħra tgħammdu. (Is. 60:22) Fi snin iktar reċenti, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova pproduċiet numru taʼ għodod effettivi oħra biex tgħin lin-​nies jitgħallmu dwar dak li tgħallem il-​Bibbja. Jidher ċar li Ġeħova qed jiġbor folla kbira, li tammonta għal iktar minn tmien miljuni.

FOLLA KBIRA VARJATA

16. Minn fejn qed tinġabar il-​folla l-​kbira?

16 Meta Ġwanni kiteb il-​viżjoni li kellu, hu qal li l-​folla l-​kbira kienet se tinġabar “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien.” Il-​profeta Żakkarija kien diġà pprofetizza xi ħaġa simili. Hu kiteb: “F’dawk il-​jiem . . . għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus se jaqbdu, iva, se jaqbdu tarf il-​libsa taʼ raġel Lhudi, u jgħidu: ‘Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.’”—Żak. 8:23.

17. X’qed isir biex tingħata għajnuna lil nies minn kull ġens u lsien?

17 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jirrealizzaw li biex jinġabru nies minn kull ilsien, jew kull lingwa, l-​aħbar tajba għandha tiġi mxandra b’ħafna lingwi. Aħna ilna nittraduċu materjal għall-​istudju tal-​Bibbja għal iktar minn 130 sena, imma issa qed nagħmlu ħafna iktar traduzzjoni minn qatt qabel b’mijiet taʼ lingwi. Jidher ċar li Ġeħova qed jagħmel miraklu fi żmienna—qed jiġbor folla kbira minn kull ġens. Grazzi għall-​ikel spiritwali disponibbli b’iktar u iktar lingwi, dan il-​grupp iqim lil Ġeħova f’unità, avolja ġej minn kull parti tad-​dinja. U x-​Xhieda huma magħrufin sew għall-​ippritkar żeluż u l-​imħabba tagħhom. Kemm isaħħilna l-​fidi dan!—Mt. 24:14; Ġw. 13:35.

IL-​VIŻJONI XI TFISSER GĦALINA?

18. (a) Fi qbil maʼ Isaija 46:10, 11, għala m’aħniex sorpriżi li Ġeħova wettaq il-​profezija dwar il-​folla l-​kbira? (b) Dawk li jittamaw li jgħixu fuq l-​art għala ma jħossuhomx imċaħħdin?

18 Għandna kull raġun inkunu eċitati dwar il-​profezija taʼ folla kbira! M’aħniex sorpriżi li Ġeħova wettaq din il-​profezija b’mod tal-​għaġeb. (Aqra Isaija 46:10, 11.) Dawk tal-​folla l-​kbira huma grati għat-​tama li tahom Ġeħova. Huma ma jħossuhomx imċaħħdin minħabba l-​fatt li mhumiex midlukin bl-​ispirtu t’Alla biex jaqdu fis-​sema maʼ Ġesù. Fl-​Iskrittura naqraw dwar irġiel u nisa leali li ġew iggwidati bl-​ispirtu qaddis; madankollu mhumiex parti mill-​144,000. Ġwanni l-​Battista hu wieħed minnhom. (Mt. 11:11) David ukoll. (Atti 2:34) Dawn u ħafna oħrajn se jiġu rxoxtati għal ħajja fuq art magħmula ġenna. Ilkoll kemm huma, flimkien mal-​folla l-​kbira, se jkollhom l-​opportunità juru l-​lealtà tagħhom lejn Ġeħova u t-​tmexxija tiegħu.

19. X’se nagħmlu jekk nifhmu t-​tifsira tal-​viżjoni taʼ Ġwanni dwar folla kbira?

19 Din hi l-​ewwel darba li Alla ġabar miljuni taʼ nies minn kull ġens biex iqimuh flimkien. Kemm jekk it-​tama tagħna hi li ngħixu fis-​sema jew fuq l-​art, aħna għandna bżonn ngħinu lil kemm jistaʼ jkun nies biex isiru parti mill-​folla l-​kbira taʼ “nagħaġ oħrajn.” (Ġw. 10:16) Dalwaqt, Ġeħova se jġib it-​tribulazzjoni l-​kbira mbassra li se teqred il-​gvernijiet u r-​reliġjonijiet li ġabu tbatija kbira fuq in-​nies. Il-​membri kollha tal-​folla l-​kbira għandhom opportunità mill-​isbaħ. Se jkunu jistgħu jaqdu lil Ġeħova fuq l-​art għal dejjem!—Riv. 7:14.

GĦANJA 139 Immaġinak meta kollox ikun ġdid

^ par. 5 Dan l-​artiklu se jiddiskuti l-​viżjoni profetika taʼ Ġwanni tal-​ġbir taʼ “folla kbira.” Bla dubju, din se ssaħħaħ il-​fidi taʼ dawk kollha li huma parti minn dal-​grupp b’tama mill-​isbaħ.

^ par. 4 Dan hu kif kienu jissejħu x-​Xhieda taʼ Ġeħova f’dak iż-​żmien.