Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 35

Ġeħova japprezza lill-qaddejja umli tiegħu

Ġeħova japprezza lill-qaddejja umli tiegħu

“Ġeħova . . . lill-​umli jarah.”—SALM 138:6.

GĦANJA 48 Kuljum nimxu maʼ Ġeħova

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġeħova kif iħossu dwar nies umli? Spjega.

ĠEĦOVA jħobb lil nies umli. Dawk biss li huma verament umli jistaʼ jkollhom relazzjoni mill-​qrib miegħu. Mill-​banda l-​oħra, “lill-​kburi jafu biss mill-​bogħod.” (Salm 138:6) Aħna lkoll nixtiequ nogħġbu lil Ġeħova u nixtiquh ikun qrib tagħna. Għalhekk, għandna raġunijiet tajbin għala nitgħallmu nkunu umli.

2. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 F’dan l-​artiklu se niddiskutu t-​tweġibiet għal tliet mistoqsijiet: (1) X’inhi l-​umiltà? (2) Għala għandna nitgħallmu nkunu umli? (3) Meta jistaʼ jkun diffiċli li nkunu umli? Kif se naraw, meta nitgħallmu nkunu umli se nferrħu qalb Ġeħova u se nibbenefikaw aħna stess.—Prov. 27:11; Is. 48:17.

X’INHI L-​UMILTÀ?

3. X’inhi l-​umiltà?

3 Xi ħadd umli ma jaħsibx li hu iktar importanti minn oħrajn u mhuwiex kburi. Il-​Bibbja turi li xi ħadd umli jifhem li Alla Ġeħova hu ħafna ikbar minnu. Ukoll jammetti li kulħadd hu superjuri għalih b’xi mod.—Flp. 2:3, 4.

4-5. Għala nistgħu ngħidu li l-​umiltà vera mhijiex xi ħaġa li tidher biss minn barra?

4 Xi nies jidhru umli, imma fir-​realtà mhumiex. Huma għandhom mnejn ikunu kwieti. Jew peress li l-​ġenituri tagħhom għallmuhom juru rispett, huma jittrattaw lil oħrajn b’dal-​mod. Imma fil-​verità, huma għandhom mnejn ikunu mkabbrin ħafna. Illum jew għada, se juru x’verament huma.—Lq. 6:45.

5 Mill-​banda l-​oħra, nies li jidhru kunfidenti u jgħidu dak li jaħsbu mhumiex neċessarjament kburin. (Ġw. 1:46, 47) Però, nies bħal dawn għandhom joqogħdu attenti li ma jistriħux fuq l-​abbiltajiet naturali tagħhom. Għalhekk, mistħijin jew le, ilkoll għandna naħdmu iebes biex inkunu verament umli.

L-appostlu Pawlu kien umli u ma ħasibx li kien importanti (Ara paragrafu 6) *

6. Bħalma juri l-​1 Korintin 15:10, x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tal-​appostlu Pawlu?

6 Ikkunsidra l-​eżempju tal-​appostlu Pawlu. Hu kien ġie użat bil-​kbir minn Ġeħova biex jistabbilixxi kongregazzjonijiet ġodda f’belt wara oħra. Jistaʼ jagħti l-​każ li hu kien għamel iktar fil-​ministeru minn kwalunkwe appostlu ieħor taʼ Ġesù Kristu. Minkejja dan, Pawlu ma ħasibx li kien aħjar minnhom. B’umiltà ammetta: “Jien l-​inqas wieħed mill-​appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għax ippersegwitajt il-​kongregazzjoni t’Alla.” (1 Kor. 15:9) Imbagħad, Pawlu b’mod korrett qal li r-​raġuni għala kellu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova kienet biss għaliex Ġeħova wera qalb tajba mhix mistħoqqa miegħu, u mhux għax kien speċjali jew wettaq ħafna affarijiet. (Aqra l-​1 Korintin 15:10.) X’lezzjoni mill-​aqwa t’umiltà kien Pawlu meta kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Korintu! Hu ma ftaħarx, avolja xi wħud fil-​kongregazzjoni kienu kkritikawh.—2 Kor. 10:10.

Karl F. Klein, ħu umli li qeda bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna (Ara paragrafu 7)

7. Ħu magħruf fiż-​żmien modern kif wera li kien umli?

7 Ħafna min-​nies taʼ Ġeħova ġew inkuraġġiti mill-​bijografija taʼ Ħuna Karl F. Klein, li qeda bħala membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Fil-​bijografija tiegħu, hu b’umiltà ammetta numru taʼ sfidi li ffaċċja matul is-​snin. Pereżempju, hu kien ipprova jipprietka minn bieb għal bieb għall-​ewwel darba fl-​1922. Tant kien diffiċli għalih li kellhom jgħaddu madwar sentejn biex reġaʼ ħareġ. Iktar tard, meta kien jaqdi Betel, hu baqaʼ rrabjat għal xi żmien maʼ ħu li kien tah parir. Ukoll, hu bata minn nervous breakdown, li iktar tard ħareġ minnu. Minkejja dan, hu gawda wkoll ħafna privileġġi sbieħ. Aħseb kemm kellu bżonn umiltà biex jammetti d-​dgħufijiet tiegħu minkejja li ħafna kienu jafuh. Ħafna aħwa jiftakru b’għożża lil Ħuna Klein u l-​bijografija onesta u interessanti tiegħu. *

GĦALA GĦANDNA NITGĦALLMU NKUNU UMLI?

8. L-​1 Pietru 5:6 kif jgħinna naraw li l-​umiltà togħġob lil Ġeħova?

8 L-​iktar raġuni importanti għala għandna nipprovaw inkunu umli hi għax dan jogħġob lil Ġeħova. L-​appostlu Pietru għamel dan ċar. (Aqra l-​1 Pietru 5:6.) Meta jitkellem dwar x’qal Pietru, il-​ktieb “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi” jgħid: “Is-​suppervja hi bħall-​velenu. L-​effetti jistgħu jkunu devastanti. Hija kwalità li tistaʼ tagħmel l-​iktar bniedem intelliġenti jkun bla siwi għal Alla. Mill-​banda l-​oħra, l-​umiltà tistaʼ tagħmel lill-​inqas wieħed jiswa ħafna f’għajnejn Ġeħova. . . . [Hu] se . . . jitgħaxxaq jippremjak għall-​umiltà tiegħek.” * X’hemm isbaħ milli nferrħu qalb Ġeħova?—Prov. 23:15.

9. L-​umiltà għala tiġbed lil oħrajn lejna?

9 Minbarra li nogħġbu lil Ġeħova, li nitgħallmu nkunu umli għandu effetti tajbin. L-​umiltà tiġbed lil oħrajn lejna. Dan għala? Aħseb dwar maʼ liema tip taʼ nies int tħobb tkun. (Mt. 7:12) Normalment, aħna ma niħdux gost inkunu maʼ xi ħadd li dejjem iridha tgħaddi tiegħu u li ma jismax is-​suġġerimenti t’oħrajn. Imma nieħdu gost inkunu maʼ ħutna meta dawn juru li ‘jħossu għalina, juruna affezzjoni, jagħdruna b’tenerezza, u jkunu umli.’ (1 Pt. 3:8) Jekk aħna nieħdu gost nagħmluha maʼ dan it-​tip taʼ nies, huma se jieħdu gost jagħmluha magħna, dment li nkunu umli.

10. L-​umiltà kif tagħmlilna ħajjitna eħfef?

10 L-​umiltà tagħmlilna wkoll ħajjitna eħfef. Xi kultant se naraw jew nesperjenzaw affarijiet li naħsbu li huma inġusti. L-​għaref Sultan Salamun qal: “Rajt qaddejja fuq iż-​żwiemel imma prinċpijiet mexjin fl-​art bħal qaddejja.” (Ekk. 10:7) Kultant nies b’abbiltajiet tajbin ma jiġux imfaħħrin. U dawk b’inqas abbiltajiet jingħataw ħafna tifħir u attenzjoni. Imma Salamun irrealizza li jkun aħjar jekk naċċettaw il-​ħajja kif inhi u ma ninkwetawx li mhux sejra kif xtaqna. (Ekk. 6:9) Jekk inkunu umli, se jkun eħfef għalina li naċċettaw l-​affarijiet fil-​ħajja li ma jogħġbuniex.

META JISTAʼ JKUN DIFFIĊLI LI NKUNU UMLI?

Kif jistgħu sitwazzjonijiet bħal din jittestjaw l-umiltà tagħna? (Ara paragrafi 11-12) *

11. Għala għandna bżonn l-​umiltà meta ningħataw parir?

11 Kuljum ikollna diversi opportunitajiet li fihom nistgħu nuru li aħna umli. Ikkunsidra xi sitwazzjonijiet. Meta ningħataw parir. Nagħmlu tajjeb niftakru li biex wieħed ġie jagħtina parir, probabilment inkunu għamilna żball agħar milli ħsibna. F’mumenti bħal dawn, l-​ewwel ħaġa li jkollna aptit nagħmlu hi li ma naċċettawx il-​parir. Forsi nikkritikaw lil min tahulna jew il-​mod kif qalhulna. Imma jekk aħna umli se nipprovaw nuru l-​attitudni t-​tajba.

12. Fi qbil maʼ Proverbji 27:5, 6, għala għandna napprezzaw meta xi ħadd jagħtina parir? Agħti eżempju.

12 Persuna umli tapprezzah parir. Biex inġibu eżempju: Immaġina li qiegħed fis-​Sala tas-​Saltna. Wara li tkun tkellimt maʼ diversi aħwa, xi ħadd jgħidlek fil-​privat li għandek xi ħaġa maʼ snienek. Żgur li se tistħi xi ftit. Imma se tapprezza li hu jew hi qaltlek. Fil-​fatt, forsi tkun tixtieq li xi ħadd qallek qabel! Bl-​istess mod, għandna nkunu umli u napprezzaw meta xi ħadd mill-​aħwa jagħtina parir li jkollna bżonn. Aħna nqisu lil din il-​persuna bħala li tħobbna mhux li tobgħodna.—Aqra Proverbji 27:5, 6; Gal. 4:16.

Għala għandna bżonn l-umiltà meta oħrajn jirċievu privileġġi fis-servizz taʼ Ġeħova? (Ara paragrafi 13-14) *

13. Kif nistgħu nuru l-​umiltà meta oħrajn jirċievu privileġġi fis-​servizz taʼ Ġeħova?

13 Meta oħrajn jirċievu privileġġi fis-​servizz taʼ Ġeħova. “Meta nara oħrajn jirċievu l-​privileġġi, xi kultant naħseb għala m’għażlux lili,” jammetti anzjan jismu Jason. Qatt ħassejtek b’dal-​mod? Mhuwiex ħażin li ‘tirsisti’ għal aktar privileġġi. (1 Tim. 3:1) Però, għandna noqogħdu attenti x’naħsbu. Inkella, jistaʼ jkun li nħallu l-​kburija tikber f’qalbna. Pereżempju, raġel Kristjan jistaʼ jibda jaħseb li hu kwalifikat l-​iktar biex jagħmel ċertu inkarigu. Jew mara Kristjana forsi taħseb, ‘Żewġi żgur li kieku jagħmel ix-​xogħol aħjar minn dak il-​ħu!’ Però, jekk inkunu verament umli, se nevitaw li nuru spirtu kburi bħal dan.

14. X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Mosè rreaġixxa meta oħrajn ingħataw privileġġi?

14 Aħna nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Mosè rreaġixxa meta oħrajn ingħataw privileġġi. Mosè apprezza l-​inkarigu tiegħu f’li jmexxi lill-​poplu t’Iżrael. Kif irreaġixxa Mosè meta Ġeħova ta lil oħrajn l-​abbiltà li jagħmlu ftit mix-​xogħol li Mosè kien qed jagħmel? Hu ma għerx. (Num. 11:24-29) Hu kien umli u aċċetta li oħrajn jgħinuh jagħmel ix-​xogħol taʼ li jiġġudika lin-​nies. (Eżo. 18:13-24) B’hekk, l-​Iżraelin kellhom iktar irġiel li setgħu jgħinuhom b’dal-​mod, u għalhekk ma kienx ikollhom għalfejn jistennew ħafna biex jiġu ġġudikati. Dan jurina li Mosè kien jimpurtah iktar f’li jgħin lin-​nies milli li jkollu ħafna privileġġi. X’eżempju mill-​aqwa hu għalina! Tajjeb niftakru li jekk irridu nkunu utli għal Ġeħova, hu iktar importanti li nkunu umli milli li jkollna abbiltajiet tajbin. Għalkemm “Ġeħova fl-​għoli, . . . lill-​umli jarah.”—Salm 138:6.

15. Liema ċirkustanzi ġodda ffaċċjaw ħafna aħwa?

15 Meta niffaċċjaw ċirkustanzi ġodda. Fi snin riċenti, aħwa li kienu ilhom jaqdu lil Ġeħova rċivew inkarigi ġodda. Pereżempju, fl-​2014, l-​organizzazzjoni qalet li mhux se jkun hemm iktar indokraturi tad-​distrett, allura dawn l-​aħwa rġiel u n-​nisa tagħhom ġew mitlubin jaċċettaw inkarigi oħra. F’dik is-​sena wkoll, l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet ma kinux se jibqgħu jaqdu f’dan l-​inkarigu meta jagħlqu 70 sena. U anzjani li jkollhom 80 sena jew iktar ma jistgħux jaqdu bħala koordinaturi tal-​ġemgħa tal-​anzjani. Ukoll, f’dawn l-​aħħar snin, ħafna mill-​familja taʼ Betel ingħataw l-​inkarigu taʼ pijunier. Oħrajn kellhom jieqfu mis-​servizz full-​time speċjali minħabba problemi taʼ saħħa, biex jgħinu lill-​familja, jew għal raġunijiet personali oħra.

16. Aħwa rġiel u nisa kif urew umiltà meta aġġustaw għaċ-​ċirkustanzi ġodda?

16 Għal ħafna minn dawn l-​aħwa rġiel u nisa, dawn il-​bidliet ma kinux faċli. Ovvjament, l-​inkarigu li kellhom kienu jħobbuh, u ħafna drabi kien wieħed li għożżew għal diversi snin. Xi wħud esperjenzaw perjodu taʼ niket hekk kif aġġustaw għaċ-​ċirkustanzi ġodda tagħhom. Maż-​żmien, però, huma kienu kapaċi jagħmlu dan. Għala? L-​iktar ħaġa li għenithom kienet l-​imħabba tagħhom għal Ġeħova. Huma kienu jafu li ddedikaw ħajjithom lil Alla u mhux lil xi xogħol, titlu, jew inkarigu. (Kol. 3:23) Huma ferħanin li jaqdu lil Ġeħova b’umiltà fi kwalunkwe xogħol. Dawn ‘jitfgħu l-​ansjetà tagħhom kollha fuqu,’ għax ċerti li hu jimpurtah minnhom.—1 Pt. 5:6, 7.

17. Għala aħna grati li l-​Bibbja tinkuraġġina nkunu umli?

17 Aħna grati ħafna li l-​Bibbja tinkuraġġina nkunu umli. Meta nitgħallmu nkunu umli, oħrajn se jieħdu gost jagħmluha magħna u jkun taʼ ġid għalina u għal ħaddieħor. Se nkunu iktar kapaċi niffaċċjaw l-​isfidi tal-​ħajja. U l-​iktar importanti, se nersqu eqreb lejn Missierna Ġeħova. Kemm aħna ferħanin li nafu li minkejja li hu “l-​Iktar Għoli,” hu jħobb u japprezza lill-​qaddejja umli tiegħu!—Salm 83:18.

GĦANJA 45 Il-​meditazzjoni taʼ qalbi

^ par. 5 Waħda mill-​iktar kwalitajiet importanti li għandna niżviluppaw hi l-​umiltà. X’inhi l-​umiltà? Għala għandna nitgħallmu nkunu umli? U għala jistaʼ jkun diffiċli li nibqgħu umli meta ċ-​ċirkustanzi tagħna jinbidlu? Dan l-​artiklu se jiddiskuti dawn il-​mistoqsijiet importanti.

^ par. 7 Ara l-​artikli “Jehovah Kien Tassew Ġeneruż Miegħi!” fit-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Mejju 2001 u “Jehovah Has Dealt Rewardingly With Me” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Ottubru 1984.

^ par. 53 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Waqt li qiegħed f’dar taʼ ħu, l-​appostlu Pawlu b’umiltà jieħu pjaċir iqattaʼ ħin mal-​aħwa, inkluż mat-​tfal.

^ par. 57 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu jaċċetta parir mill-​Bibbja mingħand ħu iżgħar minnu.

^ par. 59 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Il-​ħu l-​akbar fl-​età ma jgħirx għall-​ħu iżgħar li qed igawdi privileġġ fil-​kongregazzjoni.