Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 37

Għala u kif nissottomettu ruħna minn jeddna lejn Ġeħova?

Għala u kif nissottomettu ruħna minn jeddna lejn Ġeħova?

“M’għandniex għalhekk iktar u iktar nissottomettu ruħna lejn il-​Missier?”—EBR. 12:9.

GĦANJA 9 Ġeħova hu s-​Sultan tagħna!

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Għala għandna nkunu sottomessi lejn Ġeħova?

AĦNA għandna nkunu sottomessi * lejn Ġeħova għax hu l-​Ħallieq tagħna. Għal din ir-​raġuni, għandu d-​dritt li jgħidilna x’għandna nagħmlu. (Riv. 4:11) Imma għandna raġuni tajba oħra għala nobduh—il-​mod taʼ tmexxija tiegħu hu l-​aħjar. Matul l-​istorja, ħafna mexxejja kellhom ċertu ammont taʼ qawwa u awtorità fuq oħrajn. Iżda meta nqabblu l-​mod kif huma jmexxu mal-​mod kif Ġeħova jmexxi, naraw li Ġeħova hu l-​iktar Mexxej għaref, taʼ mħabba, ħniena, u mogħdrija minnhom kollha.—Eżo. 34:6; Rum. 16:27; 1 Ġw. 4:8.

2. X’raġunijiet jagħtina Ebrej 12:9-11 biex nissottomettu ruħna lejn Ġeħova?

2 Ġeħova jridna nobduh primarjament mhux għax nibżgħu minnu, iżda għax inħobbuh u nqisuh bħala Missierna kollu mħabba. Fl-​ittra tal-​appostlu Pawlu lill-​Ebrej, hu jispjega li minn jeddna għandna “nissottomettu ruħna lejn il-​Missier” għax hu jħarriġna “għall-​ġid tagħna.”—Aqra Ebrej 12:9-11.

3. (a) Kif nuru li aħna sottomessi lejn Ġeħova? (b) X’mistoqsijiet se nwieġbu?

3 Aħna nkunu sottomessi lejn Ġeħova billi nagħmlu mill-​aħjar biex nobduh f’kollox u billi nirreżistu x-​xewqa li nistrieħu fuq il-​fehma tagħna stess. (Prov. 3:5) Insibuha eħfef li nissottomettu ruħna lejn Ġeħova meta nitgħallmu dwar il-​kwalitajiet sbieħ tiegħu. Għala? Għax kulma jagħmel hu minħabba dawn il-​kwalitajiet. (Salm 145:9) Iktar ma nitgħallmu dwaru, iktar inħobbuh. U meta nħobbuh ma jkollniex bżonn lista twila taʼ regoli li jgħidulna x’nagħmlu u x’ma nagħmlux. Aħna naħdmu biex inġibu l-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tagħna fi qbil maʼ dak li hu tajjeb u nevitaw dak li hu ħażin. (Salm 97:10) Iżda kultant għala ma jkunx faċli li nobdu lil Ġeħova? U l-​anzjani, il-​missirijiet, u l-​ommijiet x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempji tal-​Gvernatur Neħemija; is-​Sultan David; u Marija, omm Ġesù? Dan l-​artiklu se jipprovdi tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet.

GĦALA JISTAʼ JKUN DIFFIĊLI LI NKUNU SOTTOMESSI LEJN ĠEĦOVA

4-5. Skont Rumani 7:21-23, għala jistaʼ jkun diffiċli li nissottomettu ruħna lejn Ġeħova?

4 Raġuni waħda għala għandna mnejn insibuha diffiċli li nkunu sottomessi lejn Ġeħova hi li lkoll uritna d-​dnub u aħna imperfetti. Allura mhux dejjem inkunu rridu nobdu lil Alla. Wara li Adam u Eva rribellaw kontra Alla u kielu mill-​frotta, huma ddeċidew għalihom infushom x’inhu tajjeb u ħażin. (Ġen. 3:22) Illum, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies għadhom jippreferu jinjoraw lil Ġeħova u jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u ħażin.

5 Anke dawk li jafu u jħobbu lil Ġeħova jistgħu jsibuha diffiċli biex dejjem jagħmlu dak li jrid hu. L-​appostlu Pawlu ffaċċja din l-​isfida. (Aqra Rumani 7:21-23.) Bħalu, aħna rridu nagħmlu dak li hu tajjeb f’għajnejn Ġeħova. Imma l-​ħin kollu għandna niġġieldu kontra x-​xewqa li nagħmlu affarijiet ħżiena.

6-7. Għal liema raġuni oħra jistaʼ jkun diffiċli li nkunu sottomessi lejn Ġeħova? Agħti eżempju.

6 Raġuni oħra għala għandna mnejn insibuha diffiċli li nkunu sottomessi lejn Ġeħova hi li aħna affettwati mill-​kultura li trabbejna fiha. Ħafna ideat tan-​nies imorru kontra r-​rieda taʼ Ġeħova, u forsi jkollna niġġieldu kontinwament biex ma naħsbuhiex bħal dawn in-​nies. Ikkunsidra biss eżempju wieħed.

7 F’ċerti pajjiżi huwa komuni li ssir pressjoni fuq iż-​żgħażagħ sabiex jiddedikaw ħajjithom għall-​qligħ taʼ ħafna flus. Oħt jisimha Mary * iffaċċjat din l-​isfida. Qabel tgħallmet dwar Ġeħova kienet tattendi waħda mill-​aqwa universitajiet f’pajjiżha. Mary ħassitha taħt pressjoni minħabba li familtha riditha jkollha xogħol b’paga tajba u tkun rispettata minn oħrajn. Anke hi riditu dan. Madankollu, wara li tgħallmet dwar Ġeħova u saret tħobbu, bidlet il-​miri tagħha. Xorta waħda, hi tgħid: “Kultant niltaqaʼ m’opportunitajiet tajbin li bihom nistaʼ naqlaʼ ħafna flus imma li jħarbtuli r-​rutina spiritwali tiegħi. Minħabba l-​mod kif trabbejt xorta għadni nissielet biex ngħid le. Ikolli nitlob lil Ġeħova biex jgħinni nirreżisti t-​tentazzjoni li naċċetta xogħol li jistaʼ jbegħedni mis-​servizz tiegħi lejh.”—Mt. 6:24.

8. X’se nikkunsidraw issa?

8 Aħna stess nibbenefikaw billi nkunu sottomessi lejn Ġeħova. Imma dawk li għandhom ċertu ammont t’awtorità, bħall-​anzjani, il-​missirijiet, u l-​ommijiet, għandhom raġuni oħra biex isegwu d-​direzzjoni t’Alla; huma għandhom l-​opportunità biex jgħinu oħrajn jibbenefikaw. Ejja nikkunsidraw xi eżempji mill-​Bibbja li jgħallmuna kif nużaw l-​awtorità b’mod li jogħġob lil Ġeħova.

DAK LI L-​ANZJANI JISTGĦU JITGĦALLMU MINN NEĦEMIJA

Anzjani jieħdu sehem f’xogħol fis-​Sala tas-​Saltna, l-​istess bħalma Neħemija ħadem flimkien maʼ ħutu biex is-​swar taʼ Ġerusalemm jinbnew mill-​ġdid (Ara paragrafi 9-11) *

9. Xi sfidi ffaċċja Neħemija?

9 Ġeħova fada lill-​anzjani bir-​responsabbiltà importanti li jieħdu ħsieb in-​nies tiegħu. (1 Pt. 5:2) L-​anzjani jistgħu jitgħallmu ħafna milli jeżaminaw kif Neħemija ttratta mal-​poplu taʼ Ġeħova. Bħala l-​gvernatur taʼ Ġuda, Neħemija kellu ħafna awtorità. (Neħ. 1:11; 2:7, 8; 5:14) Immaġina ftit mill-​isfidi li ffaċċja Neħemija. Hu sar jaf li n-​nies niġġsu t-​tempju u m’appoġġjawx lil-​Leviti kif talbet il-​Liġi. Il-​Lhud kisru l-​liġi tas-​Sabat, u xi rġiel iżżewġu nisa barranin. Neħemija kien se jkollu jittratta maʼ din is-​sitwazzjoni diffiċli.—Neħ. 13:4-30.

10. Neħemija kif aġixxa għall-​isfidi li ffaċċja?

10 Neħemija m’abbużax mill-​awtorità tiegħu billi sforza lin-​nies biex isegwu l-​ideat tiegħu. Minflok, hu sinċerament talab għall-​gwida taʼ Ġeħova u għallimhom il-​Liġi Tiegħu. (Neħ. 1:4-10; 13:1-3) Ukoll, Neħemija b’umiltà ħadem flimkien maʼ ħutu billi saħansitra għenhom jerġgħu jibnu s-​swar taʼ Ġerusalemm.—Neħ. 4:15.

11. Skont l-​1 Tessalonikin 2:7, 8, l-​anzjani kif għandhom jittrattaw lil dawk fil-​kongregazzjoni?

11 L-​anzjani forsi ma jkollhomx għalfejn jittrattaw mal-​istess problemi li kellu Neħemija, imma jistgħu jimitawh b’ħafna modi. Pereżempju, huma jaħdmu iebes biex jgħinu lil ħuthom. U ma jħallux l-​awtorità li għandhom tagħmilhom iħossuhom superjuri. Minflok, huma jittrattaw lill-​kongregazzjoni b’għożża. (Aqra l-​1 Tessalonikin 2:7, 8.) L-​imħabba kbira u l-​attitudni umli tagħhom jaffettwaw kif ikellmu lil oħrajn. Andrew, anzjan bl-​esperjenza, jgħid: “Innotajt li meta anzjan ikun qalbu tajba u dħuli, dan ġeneralment imiss qalb l-​aħwa. Dawn il-​kwalitajiet jimmotivaw lill-​kongregazzjoni biex tikkopera mal-​anzjani.” Tony, li ilu jaqdi bħala anzjan, jgħid: “Nipprova nieħu l-​parir li hemm f’​Filippin 2:3 u dejjem nipprova nqis lil oħrajn superjuri għalija. Dan jgħinni nevita li naġixxi taʼ dittatur.”

12. Għala hu importanti li l-​anzjani jkunu umli?

12 L-​anzjani għandhom ikunu umli bħal Ġeħova. Għalkemm hu s-​Sovran tal-​univers, hu “jitbaxxa” biex iqajjem “lill-​batut mit-​trab.” (Salm 18:35; 113:6, 7) Fil-​fatt, Ġeħova jobgħod lil dawk li huma kburin u arroganti.—Prov. 16:5.

13. Anzjan għala jeħtieġ li ‘jrażżan ilsienu’?

13 Anzjan li hu sottomess lejn Ġeħova jeħtieġ li ‘jrażżan ilsienu.’ Inkella għandu mnejn jitkellem bla ma jaħsibha jekk xi ħadd ma jurihx rispett. (Ġak. 1:26; Gal. 5:14, 15) Andrew, li semmejna qabel, jgħid: “Kultant kien ikolli aptit ngħid dak li jiġi fi lsieni meta ħassejt li xi ħadd mill-​aħwa ma rrispettanix bħala anzjan. Però, immeditajt fuq l-​eżempji taʼ rġiel leali fil-​Bibbja, u dan għenni nitgħallem kemm hu importanti li nkun umli u ġwejjed.” L-​anzjani juru s-​sottomissjoni tagħhom lejn Ġeħova billi jitkellmu bi mħabba u qalb tajba maʼ dawk fil-​kongregazzjoni, inkluż maʼ sħabhom l-​anzjani.—Kol. 4:6.

DAK LI L-​MISSIRIJIET JISTGĦU JITGĦALLMU MIS-​SULTAN DAVID

14. Ġeħova liema rwol ta lill-​missirijiet, u x’jistenna minnhom?

14 Ġeħova poġġa lill-​missier bħala l-​kap tal-​familja, u jistenna minnu li jgħallem, jiggwida, u jikkoreġi lil uliedu. (1 Kor. 11:3; Efes. 6:4) Imma dan ma jfissirx li l-​missirijiet jistgħu jużaw l-​awtorità tagħhom kif iridu. Ġeħova hu l-​Ħallieq tal-​familja, allura l-​missirijiet huma responsabbli quddiemu għall-​mod kif jittrattaw lil familthom. (Efes. 3:14, 15) Il-​missirijiet juru s-​sottomissjoni lejn Ġeħova billi jużaw l-​awtorità b’mod li jogħġob lil Alla. Huma jistgħu jitgħallmu ħafna billi jistudjaw il-​ħajja tas-​Sultan David.

It-talb taʼ missier Kristjan għandu juri l-umiltà tiegħu (Ara paragrafi 15-16) *

15. Is-​Sultan David għala hu eżempju tajjeb għall-​missirijiet?

15 Ġeħova ħatar lil David bħala kap mhux biss fuq il-​familja tiegħu imma wkoll fuq il-​ġens kollu taʼ Iżrael. Bħala sultan, David kellu ħafna qawwa. Din kultant użaha ħażin u għamel żbalji serji. (2 Sam. 11:14, 15) Iżda wera s-​sottomissjoni tiegħu lejn Ġeħova billi aċċetta d-​dixxiplina. Hu fetaħ qalbu maʼ Ġeħova fit-​talb. (Salm 51:1-​4) Ukoll, hu kien umli biżżejjed biex jaċċetta parir tajjeb mhux biss mingħand irġiel imma wkoll mingħand nisa. (1 Sam. 19:11, 12; 25:32, 33) David tgħallem mill-​iżbalji tiegħu u ffoka ħajtu fuq li jaqdi lil Ġeħova.

16. Il-​missirijiet x’lezzjonijiet jistgħu jitgħallmu minn David?

16 Aħseb dwar ftit biss mil-​lezzjonijiet li l-​missirijiet jistgħu jitgħallmu mis-​Sultan David: Tabbużawx mill-​awtorità li Ġeħova takom. Ammettu l-​iżbalji tagħkom, u aċċettaw il-​pariri mill-​Bibbja li jagħtukom oħrajn. Jekk tagħmlu dan, il-​familji tagħkom se jirrispettawkom għall-​umiltà tagħkom. Meta titolbu flimkien mal-​familji tagħkom, għidu lil Ġeħova dak li tħossu f’qalbkom—ħalluhom jisimgħu kemm tiddependu minnu. U fuq kollox, ibnu ħajjitkom madwar is-​servizz tagħkom lil Ġeħova. (Dt. 6:6-9) L-​eżempju tajjeb tagħkom hu wieħed mir-​rigali l-​iktar prezzjużi li tistgħu tagħtu lill-​familja tagħkom.

DAK LI L-​OMMIJIET JISTGĦU JITGĦALLMU MINN MARIJA

17. Ġeħova liema rwol ta lill-​ommijiet?

17 Ġeħova ta lill-​omm irwol importanti, kif ukoll ċertu ammont t’awtorità fuq uliedha. (Prov. 6:20) Fil-​fatt, dak li tagħmel u tgħid l-​omm jistaʼ jaffettwahom għall-​bqija taʼ ħajjithom. (Prov. 22:6) Innota x’jistgħu jitgħallmu l-​ommijiet minn Marija, omm Ġesù.

18-19. L-​ommijiet x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju taʼ Marija?

18 Marija kienet taf l-​Iskrittura tajjeb. Hi żviluppat rispett profond għal Ġeħova u fformat ħbiberija personali u b’saħħitha miegħu. Kienet lesta li tissottometti ruħha għad-​direzzjoni taʼ Ġeħova, avolja dan kien ifisser li ħajjitha kienet se tinbidel għalkollox.—Lq. 1:35-38, 46-55.

Jekk omm tkun għajjiena jew irrabjata, forsi jkollha bżonn tagħmel sforz ikbar biex tesprimi l-​imħabba għall-​familja (Ara paragrafu 19) *

19 Ommijiet, intom tistgħu timitaw lil Marija b’ħafna modi. Kif? L-​ewwel, billi żżommu l-​ħbiberija tagħkom maʼ Ġeħova permezz taʼ studju personali tal-​Bibbja u talb regolari. It-​tieni, billi tkunu lesti li tagħmlu bidliet f’ħajjitkom biex togħġbu lil Ġeħova. Pereżempju, forsi trabbejtu minn ġenituri li kien jitlgħalhom malajr u li tkellmu bir-​rabja mat-​tfal tagħhom. Allura jistaʼ jagħti l-​każ li kbirtu bil-​mentalità li dan kien mod normali kif trabbi familja. Anke wara li tgħallimtu kif Ġeħova jridkom tittrattaw lit-​tfal tagħkom, xorta għadkom issibuha diffiċli li tibqgħu kalmi u paċenzjużi magħhom, speċjalment meta tkunu għajjenin u t-​tfal ma jobdukomx. (Efes. 4:31) F’mumenti bħal dawn, iktar minn qatt qabel ikollkom bżonn tistrieħu fuq Ġeħova bit-​talb. Omm jisimha Lydia tgħid: “Kultant kelli nitlob ħafna biex ma nitkellimx bir-​rabja meta t-​tifel m’obdinix. Ġieli kelli nieqaf f’nofs sentenza u ngħid talba żgħira f’qalbi biex Ġeħova jgħinni. It-​talb iżommni kalma.”—Salm 37:5.

20. Liema sfida jiffaċċjaw xi ommijiet, u kif jistgħu jegħlbuha?

20 Xi ommijiet forsi jiffaċċjaw sfida oħra. Huma jsibuha diffiċli biex jesprimu mħabbithom għal uliedhom. (Titu 2:3, 4) Ħafna minnhom trabbew f’familji fejn il-​ġenituri ma kellhomx ħbiberiji mill-​qrib magħhom. Jekk dan hu l-​mod kif int trabbejt, m’għandekx għalfejn tirripeti l-​iżbalji tal-​ġenituri. Omm li tkun sottomessa għar-​rieda taʼ Ġeħova forsi jkollha titgħallem kif tesprimi l-​imħabba lejn uliedha. Jistaʼ jkun diffiċli għaliha li tbiddel il-​mod kif kienet taħseb, tħossha, u taġixxi. Imma dan jistaʼ jsir, u dawn il-​bidliet se jferrħu iżjed lilha u lill-​familja tagħha.

IBQAʼ KUN SOTTOMESS LEJN ĠEĦOVA

21-22. Skont Isaija 65:13, 14, liema benefiċċji jkollna meta nkunu sottomessi lejn Ġeħova?

21 Is-​Sultan David kien jaf kemm wieħed jistaʼ jibbenefika jekk ikun sottomess lejn Ġeħova. Hu kiteb: “L-​ordnijiet mingħand Ġeħova retti, u jferrħu l-​qalb; il-​kmandament taʼ Ġeħova nadif, u jdawwal l-​għajnejn. Il-​qaddej tiegħek ġie mwissi bihom; min iħarishom jiġi premjat bil-​kbir.” (Salm 19:8, 11) Illum nistgħu naraw x’kuntrast hemm bejn dawk li jissottomettu ruħhom lejn Ġeħova u dawk li jwarrbu l-​parir kollu mħabba tiegħu. Dawk sottomessi lejn Ġeħova “jgħajtu bil-​ferħ minħabba l-​kundizzjoni tajba taʼ qalbhom.”—Aqra Isaija 65:13, 14.

22 Meta l-​anzjani, il-​missirijiet, u l-​ommijiet jissottomettu ruħhom minn jeddhom lejn Ġeħova, ħajjithom titjieb, il-​familji tagħhom isiru iktar ferħanin, u l-​kongregazzjoni kollha tkun iktar magħquda. L-​iktar importanti, huma jferrħu qalb Ġeħova. (Prov. 27:11) Liema rigal jistaʼ jkun ikbar minn dan?

GĦANJA 123 Sottomissjoni b’lealtà għall-​ordni teokratiku

^ par. 5 Dan l-​artiklu se jiddiskuti għala għandna nissottomettu ruħna lejn Ġeħova. Se jikkunsidra wkoll dak li l-​anzjani, il-​missirijiet, u l-​ommijiet—li lkoll għandhom xi awtorità—jistgħu jitgħallmu mill-​eżempji tal-​Gvernatur Neħemija; tas-​Sultan David; u taʼ Marija, omm Ġesù.

^ par. 1 ESPRESSJONIJIET SPJEGATI: Il-​kliem inkunu sottomessi u sottomissjoni għandu tifsir negattiv għal dawk li huma sforzati li jobdu lil xi ħadd. Madankollu, il-​poplu taʼ Ġeħova jagħżel li jobdih, allura ma jqisx l-​idea taʼ sottomissjoni b’mod negattiv.

^ par. 7 Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

^ par. 62 X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: Anzjan jaħdem flimkien maʼ ibnu fil-​manutenzjoni tas-​Sala tas-​Saltna, l-​istess bħalma Neħemija għen personalment fil-​bini mill-​ġdid tas-​swar taʼ Ġerusalemm.

^ par. 64 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Missier jirrappreżenta lill-​familja tiegħu f’talba mill-​qalb lil Ġeħova.

^ par. 66 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Tifel qattaʼ sigħat sħaħ jilgħab logħob elettroniku u m’għamilx ix-​xogħol li kellu jagħmel jew il-​homework. Ommu, għajjiena bix-​xogħol, tikkoreġih mingħajr ma tirrabja jew titkellem bl-​aħrax.