Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 36

Lest Int Biex Issir Sajjied tal-Bnedmin?

Lest Int Biex Issir Sajjied tal-Bnedmin?

“Tibqax beżgħan. Minn issa ’l quddiem tibda taqbad nies ħajjin.”—LQ. 5:10.

GĦANJA 73 Għinna nxandru bil-​qlubija

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġesù xi stedina għamel lill-​erbaʼ sajjieda, u huma x’għamlu?

ID-​DIXXIPLI Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni kellhom negozju tal-​ħut. Immaġina kemm kienu sorpriżi meta semgħu l-​istedina taʼ Ġesù: “Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tal-​bnedmin.” * Huma x’għamlu? Il-​Bibbja tgħid: “Mill-​ewwel abbandunaw ix-​xbieki, u marru warajh.” (Mt. 4:18-​22) Din id-​deċiżjoni biddlitilhom ħajjiethom għal dejjem. Minflok ma bdew jaqbdu ħut litterali, huma bdew ‘jaqbdu n-​nies.’ (Lq. 5:10) Illum, Ġesù jistieden nies sinċieri li jħobbu l-​verità biex jagħmlu l-​istess. (Mt. 28:19, 20) Aċċettajt int l-​istedina taʼ Ġesù biex issir sajjied tal-​bnedmin?

2. Min għandu jieħu bis-​serjetà d-​deċiżjoni biex isir sajjied tal-​bnedmin, u x’se jgħinu?

2 Forsi issa ilek tistudja l-​Bibbja għal xi żmien u anki għamilt xi bidliet f’ħajtek. Imma issa trid tiddeċiedi jekk hux se ssir pubblikatur tal-​aħbar tajba. Jekk qed iżżomm lura milli taċċetta l-​istedina taʼ Ġesù, taqtax qalbek. X’aktarx qed iżżomm lura għax taf li din hi deċiżjoni importanti ħafna. Huwa veru li l-​Bibbja tgħid li Pietru u sħabu telqu x-​xbieki tagħhom “mill-​ewwel.” Però, Pietru u ħuh ma qabdux u ddeċidew mill-​ewwel. Huma kienu saru jafu b’Ġesù u għarfu li kien il-​Messija madwar sitt xhur qabel. (Ġw. 1:35-​42) Bl-​istess mod, għandu mnejn li int diġà tgħallimt ħafna dwar Ġeħova u Ġesù, u tixtieq tkompli tersaq eqreb lejn Ġeħova. Imma qabel tiddeċiedi li ssir pubblikatur, għandek taħseb bis-​serjetà fuqha. X’kien dak li għen lil Pietru, Indrì, u oħrajn jieħdu d-​deċiżjoni tagħhom?

3. Liema kwalitajiet se jgħinuk taċċetta l-​istedina taʼ Ġesù?

3 L-​ewwel dixxipli taʼ Ġesù kellhom ix-​xewqa, kienu lesti jiġu mgħallmin, kienu kuraġġużi, u kienu ddixxiplinati magħhom infushom. Dawn il-​kwalitajiet għenuhom ikunu effettivi f’li jippritkaw l-​aħbar tajba. Dan l-​artiklu se jiddiskuti kif int tistaʼ tiżviluppa dawn il-​kwalitajiet biex tipprietka l-​aħbar tajba u tgħallem lil oħrajn b’mod effettiv.

SAĦĦAĦ IX-​XEWQA BIEX TIPPRIETKA

Pietru u oħrajn saru sajjieda tal-bnedmin. Illum, dan ix-xogħol għadu għaddej (Ara paragrafi 4-5)

4. Pietru għala kien sajjied tajjeb?

4 Pietru kien jaqbad il-​ħut biex imantni l-​familja tiegħu. Però, għalkemm dan kien xogħlu, hu kien iħobb jistad. (Ġw. 21:3, 9-​15) Hu sar iħobb jistad għall-​bnedmin ukoll. U bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, sar jinqalaʼ ħafna f’dan ix-​xogħol.—Atti 2:14, 41.

5. Skont Luqa 5:8-​11, Pietru għala kien qed jibżaʼ, u x’jistaʼ jgħinek jekk tħossok bħalu?

5 Aħna nippritkaw għax inħobbu lil Ġeħova. Din hi l-​iktar raġuni importanti għala nagħmlu dan ix-​xogħol. L-​imħabba tagħna għal Ġeħova se tgħinna nitkellmu m’oħrajn dwaru anki jekk inħossuna li m’aħniex kapaċi. Meta Ġesù stieden lil Pietru biex isir sajjied tal-​bnedmin, hu qallu: “Tibqax beżgħan.” (Aqra Luqa 5:8-​11.) Pietru ma kienx qed jibżaʼ minħabba dak li setaʼ jiġri jekk isir dixxiplu. Imma hu kien impressjonat bil-​miraklu li għamel Ġesù meta għenhom jaqbdu ħafna ħut. Hu beżaʼ għax ħass li ma kienx kapaċi jaħdem maʼ Ġesù. Bħal Pietru, inti forsi tibżaʼ għax tħoss li hi responsabbiltà kbira biex tkun dixxiplu taʼ Kristu. Jekk tħossok hekk, saħħaħ l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova, għal Ġesù, u għan-​nies. Dan se jgħinek taċċetta l-​istedina taʼ Ġesù biex issir sajjied tal-​bnedmin.—Mt. 22:37, 39; Ġw. 14:15.

6. Għal liema raġunijiet oħra għandna nippritkaw?

6 Ikkunsidra xi raġunijiet oħra għala għandna nkunu rridu nippritkaw. Aħna rridu nobdu l-​kmand taʼ Ġesù: “Morru u agħmlu dixxipli.” (Mt. 28:19, 20) Ukoll, aħna nippritkaw għax in-​nies huma “maltrattati u mferrxin” u għandhom bżonn jitgħallmu l-​verità dwar is-​Saltna. (Mt. 9:36) Ġeħova jrid li l-​bnedmin kollha jaslu għall-​għarfien eżatt tal-​verità u jsalvaw.—1 Tim. 2:4.

7. Rumani 10:13-​15, kif jurina li x-​xogħol tal-​ippritkar hu importanti?

7 Meta naħsbu dwar kemm nistgħu nsalvaw nies permezz tal-​ippritkar, se nkunu rridu nippritkaw iktar. Sajjied ibigħ jew jiekol il-​ħut li jaqbad. Imma, aħna “naqbdu” lin-​nies biex insalvawlhom ħajjithom.—Aqra Rumani 10:13-​15; 1 Tim. 4:16.

TGĦALLEM IKTAR KIF TIPPRIETKA

8-9. Sajjied x’għandu jkun jaf u għala?

8 Fi żmien Ġesù, sajjied Iżraeli kellu jkun jaf x’tip taʼ ħut setaʼ jaqbad. (Lev. 11:9-​12) Hu kellu jkun jaf ukoll fejn jistaʼ jsib il-​ħut. Il-​ħut normalment joqgħod fejn il-​kundizzjonijiet tal-​ilma jkunu komdi għalih u fejn ikun hemm ħafna ikel. Il-​ħinijiet li sajjied imur jistad huma importanti? Missjunarju li jgħix fuq gżira fil-​Paċifiku tgħallem li hemm ħin speċifiku biex is-​sajjieda jaqbdu iktar ħut. Ħu li jgħix hemmhekk stiednu biex imur jistad miegħu. Il-​missjunarju qallu, “Niltaqaʼ miegħek għada fid-​disgħa taʼ filgħodu?” Il-​ħu wieġbu, “Ma nistgħux immorru dak il-​ħin. Aħna mmorru fil-​ħin li nsibu l-​ħut, mhux meta jkun komdu għalina.”

9 Bl-​istess mod, id-​dixxipli taʼ Ġesù li kienu saru sajjieda tal-​bnedmin marru f’postijiet u f’ħinijiet li setgħu jsibu n-​nies. Pereżempju, huma ppritkaw fit-​tempju u fis-​sinagogi, fis-​suq, u minn dar għal dar. (Atti 5:42; 17:17; 18:4) Aħna wkoll għandna nkunu nafu x’inhuma d-​drawwiet tan-​nies fit-​territorju tagħna. Irridu nkunu lesti nbiddlu l-​pjanijiet tagħna biex b’hekk immorru nippritkaw f’postijiet u f’ħinijiet li nsibu n-​nies.—1 Kor. 9:19-​23.

SAJJIEDA TAS-SENGĦA . . .1. jaħdmu meta u fejn se jsibu iktar ħut (Ara paragrafi 8-9)

10. L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova liema għodod tipprovdilna?

10 Sajjied għandu bżonn l-​għodda t-​tajba biex jistad u jrid ikun jaf jużaha sew. Anki aħna jrid ikollna l-​għodda għall-​ippritkar u rridu nkunu nafu kif nużawha sew. Ġesù lid-​dixxipli tiegħu spjegalhom sew kif kellhom jistadu għall-​bnedmin. Hu qalilhom x’għandhom jieħdu magħhom, fejn jippritkaw, u x’għandhom jgħidu. (Mt. 10:5-​7; Lq. 10:1-​11) Illum, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tipprovdi l-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim li fiha għodod li huma effettivi ħafna, u tgħallimna kif nużawhom. * Dan it-​trejning jgħinna nħossuna komdi meta nippritkaw u nsiru għalliema tajbin.—2 Tim. 2:15.

SAJJIEDA TAS-SENGĦA . . .2. jafu jużaw l-għodda addattata għas-sajd (Ara paragrafu 10)

KUN KURAĠĠUŻ

11. Is-​sajjieda tal-​bnedmin għala jrid ikollhom il-​kuraġġ?

11 Dawk li xogħolhom hu s-​sajd, iridu jkunu kuraġġużi għax m’għandhomx kontroll fuq it-​temp u kultant jinqalaʼ l-​maltemp. Spiss jaħdmu mal-​lejl fid-​dlam. Anki aħna bħala sajjieda tal-​bnedmin irid ikollna l-​kuraġġ. Meta nibdew nippritkaw u ngħidu li aħna Xhieda taʼ Ġeħova, tal-​familja jistgħu jopponuna, sħabna jistgħu jwaqqgħuna għaċ-​ċajt, u xi wħud ma jkunux iridu jisimgħuna. Imma dan nafu li kellu jiġri. Ġesù wissiena li dawk taʼ kontrina kienu se jopponuna.—Mt. 10:16.

12. Skont Ġożwè 1:7-9, x’jistaʼ jgħinna nsaħħu l-​kuraġġ?

12 Kif tistaʼ ssaħħaħ il-​kuraġġ tiegħek? L-​ewwel, kun ċert li Ġesù għadu jmexxi x-​xogħol tal-​ippritkar mis-​sema. (Ġw. 16:33; Riv. 14:14-​16) It-​tieni, saħħaħ il-​fidi tiegħek fil-​wegħda taʼ Ġeħova li se jieħu ħsiebek. (Mt. 6:32-​34) Iktar ma ssir b’saħħitha l-​fidi tiegħek, iktar se ssir kuraġġuż. Pietru u sħabu wrew fidi kbira meta telqu n-​negozju tagħhom u marru wara Ġesù. Bl-​istess mod, inti wrejt fidi kbira meta għedt lil tal-​familja u l-​ħbieb tiegħek li bdejt tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova u bdejt tattendi l-​laqgħat. X’aktarx għamilt ħafna bidliet fil-​ħajja tiegħek biex tgħix skont il-​livelli taʼ Ġeħova. Żgur li kellek bżonn il-​fidi u l-​kuraġġ biex tagħmel dan. Hekk kif tkompli ssaħħaħ il-​kuraġġ tiegħek, tistaʼ tkun ċert li “Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek kulfejn tmur.”—Aqra Ġożwè 1:7-​9.

SAJJIEDA TAS-SENGĦA . . .3. bil-kuraġġ jaħdmu f’kundizzjonijiet diffiċli (Ara paragrafi 11-12)

13. It-​talb u l-​meditazzjoni kif jistgħu jgħinuk issaħħaħ il-​kuraġġ tiegħek?

13 X’tistaʼ tagħmel iktar biex issaħħaħ il-​kuraġġ tiegħek? It-​tielet mod hu billi titlob għall-​kuraġġ. (Atti 4:29, 31) Ġeħova se jwieġeb it-​talb tiegħek u qatt mhu se jitilqek. Hu dejjem qiegħed hemm biex jgħinek. Ir-​rabaʼ mod hu billi timmedita kif Ġeħova għen lil oħrajn fil-​passat. Aħseb ukoll dwar kif għenek meta ffaċċjajt il-​problemi u kif tak is-​saħħa biex tagħmel il-​bidliet f’ħajtek. Tistaʼ tibqaʼ ċert li l-​Wieħed li għadda l-​poplu tiegħu mill-​Baħar l-​Aħmar jistaʼ jgħinek issir dixxiplu taʼ Kristu. (Eżo. 14:13) Int jistaʼ jkollok l-​istess fidi f’Ġeħova bħas-​salmista li qal: “Ġeħova qiegħed fuq in-​naħa tiegħi; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?”—Salm 118:6.

14. X’titgħallem mill-​esperjenzi taʼ Masae u Tomoyo?

14 Il-​ħames mod biex issaħħaħ il-​kuraġġ tiegħek hu billi titgħallem kif Ġeħova għen lin-​nies li kienu jistħu jsiru kuraġġużi. Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ oħt jisimha Masae. Hi kienet mistħija u ħasbet li qatt ma setgħet tipprietka. Kienet issibha diffiċli ħafna biex titkellem maʼ nies li ma tafhomx. Għaliha kien qisu bħal meta tipprova titlaʼ maʼ ħajt għoli, u ħasbet li qatt mhu se jirnexxilha. Għalhekk, hi għamlet sforz kbir biex tkabbar l-​imħabba tagħha għal Ġeħova u għan-​nies. Hi ħasbet dwar kemm hu urġenti l-​ippritkar bħalissa u talbet għall-​għajnuna biex tkabbar ix-​xewqa tagħha biex tipprietka. Hi għelbet il-​beżgħat li kellha u rnexxielha taqdi bħala pijuniera regolari. Ġeħova jistaʼ jgħin ukoll lill-​pubblikaturi ġodda biex ‘ikunu kuraġġużi.’ Aħseb dwar l-​esperjenza taʼ oħt jisimha Tomoyo. Meta bdiet tipprietka minn dar għal dar, l-​ewwel mara li sabet bdiet tgħajjat: “Ma jinteressanix mix-​Xhieda taʼ Ġeħova!” u sabbtet il-​bieb. Tomoyo bil-​kuraġġ qalet lill-​oħt li kienet magħha: “Smajtha x’qalet? Lanqas għedt kelma waħda u indunat li jiena waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Kemm jiena ferħana!” Tomoyo issa taqdi bħala pijuniera regulari.

KUN IDDIXXIPLINAT

15. Meta x-​xogħol tal-​ippritkar ikun diffiċli, għala hu importanti li nkunu bħas-​sajjieda?

15 Sajjieda tajbin jagħmlu sforz biex jagħmlu l-​affarijiet li hemm bżonn. Pereżempju, huma jkollhom iqumu kmieni, jibqgħu jaħdmu sakemm ilestu x-​xogħol, u jibqgħu jistadu anki meta jkun il-​maltemp. Aħna wkoll irridu nkunu ddixxiplinati biex nissaportu u nlestu x-​xogħol tagħna.—Mt. 10:22.

16. X’jistaʼ jgħinna nagħmlu l-​affarijiet li jistgħu jkunu diffiċli għalina?

16 Normalment, aħna nippreferu nagħmlu l-​affarijiet bl-​iktar mod faċli. Però, kultant l-​iktar affarijiet importanti mhux faċli nagħmluhom. Għalhekk, irridu nitgħallmu nkunu ddixxiplinati magħna nfusna. Minħabba dan, għandna bżonn l-​għajnuna biex nittrennjaw lilna nfusna u nagħmlu l-​affarijiet li jistgħu jkunu diffiċli għalina. Ġeħova se jagħtina din l-​għajnuna permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu.—Gal. 5:22, 23.

17. Fl-​1 Korintin 9:25-27, l-​appostlu Pawlu x’qal li kellu jagħmel biex jiddixxiplina lilu nnifsu?

17 Għalkemm l-​appostlu Pawlu kien iddixxiplinat miegħu nnifsu, hu ammetta li kellu ‘jsawwat’ lilu nnifsu biex jagħmel dak li hu tajjeb. (Aqra l-​1 Korintin 9:25-​27.) Hu inkuraġġixxa lil oħrajn biex jiddixxiplinaw lilhom infushom u biex jagħmlu “kollox bid-​deċenza u bl-​ordni.” (1 Kor. 14:40) Aħna rridu niddixxiplinaw lilna nfusna biex inkomplu naqdu lil Ġeħova. Dan jinkludi li nippritkaw u ngħallmu l-​aħbar tajba.—Atti 2:46.

AĠIXXI ISSA!

18. Jekk irridu li f’għajnejn Ġeħova jkollna suċċess fix-​xogħol tal-​ippritkar, x’għandna nagħmlu?

18 Sajjied tajjeb jaqbad ħafna ħut. Imma x-​xogħol tal-​ippritkar differenti. Is-​suċċess tagħna ma jiddependix minn kemm jirnexxilna ngħinu nies isiru Xhieda taʼ Ġeħova. (Lq. 8:11-​15) Jekk nibqgħu nippritkaw l-​aħbar tajba u ngħallmu lil oħrajn, f’għajnejn Ġeħova xorta se jkollna suċċess. Għala? Għax inkunu qed nobdu lilu u lil Ibnu.—Mk. 13:10; Atti 5:28, 29.

19-20. Għala għandna nippritkaw iktar issa?

19 F’ċertu pajjiżi, is-​sajjieda ma jistgħux jistadu s-​sena kollha. F’dawn il-​pajjiżi, is-​sajjieda jaħdmu iktar meta jkun se jispiċċa l-​istaġun. Bħala sajjieda tal-​bnedmin, għandna raġuni ikbar għala nippritkaw issa: It-​tmiem taʼ din is-​sistema dalwaqt se jasal! Ma baqgħalniex ħafna żmien biex nippritkaw il-​messaġġ tal-​aħbar tajba li jistaʼ jsalva l-​ħajja tan-​nies. Tistenniex li jkollok iċ-​ċirkostanzi perfetti biex tagħmel dan ix-​xogħol importanti.—Ekk. 11:4.

20 Aġixxi issa biex issaħħaħ ix-​xewqa tiegħek, titgħallem iktar dwar il-​Bibbja, tkun kuraġġuż, u tkun iddixxiplinat. Ingħaqad maʼ iktar minn tmien miljun sajjied tal-​bnedmin, u se tesperjenza l-​ferħ taʼ Ġeħova. (Neħ. 8:10) Kun determinat li tagħmel dak li tistaʼ fix-​xogħol tal-​ippritkar u li tibqaʼ tipprietka sakemm Ġeħova jgħid ix-​xogħol tlesta. L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti tliet modi kif nistgħu nkunu iktar determinati biex nibqgħu nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna.

GĦANJA 66 Xandar l-​aħbar tajba

^ par. 5 Ġesù stieden sajjieda umli u beżlin biex ikunu d-​dixxipli tiegħu. Illum, Ġesù qed jistieden nies bl-​istess kwalitajiet biex ikunu sajjieda tal-​bnedmin. Dan l-​artiklu se jiddiskuti x’għandhom jagħmlu l-​istudenti tal-​Bibbja li qed iżommu lura milli jaċċettaw l-​istedina taʼ Ġesù.

^ par. 1 ESPRESSJONI SPJEGATA: L-​espressjoni “sajjieda tal-​bnedmin” tirreferi għal dawk kollha li jippritkaw l-​aħbar tajba u jgħallmu lin-​nies biex isiru dixxipli taʼ Kristu.

^ par. 10 Ara l-​artiklu bit-​tema “Ngħallmu l-​verità” taʼ It-​Torri tal-​Għassa t’Ottubru 2018, pp. 9-15.