Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Ekkleżjasti 5:8, qed jirreferi għall-mexxejja umani jew għal Ġeħova?

Dan il-​vers interessanti jgħid: “Jekk f’xi provinċja tara lil dak taʼ ftit mezzi jinħaqar u l-​ġustizzja u s-​sewwa jitneħħew għalkollox, tiskanta xejn b’dan, għax wieħed ogħla qed jara lil wieħed għoli, u fuq uħud għoljin hemm oħrajn ogħla minnhom.”—Ekk. 5:8.

Mill-​ħarsa tagħna, dan il-​vers jiddeskrivi wħud fil-​gvern li għandhom l-​awtorità. Imma jekk naħsbu sew dwar il-​vers, juri wkoll verità dwar Ġeħova li għandha tfarraġna u tinkuraġġina.

Ekkleżjasti 5:8 jitkellem dwar mexxej li jaħqar lill-​fqir u li huwa inġust. Dan il-​mexxej għandu jiftakar li xi ħadd li għandu iktar awtorità fil-​gvern minnu, qed jarah. Fil-​fatt, jistaʼ jkun li hemm oħrajn li għandhom pożizzjoni iktar għolja. B’dispjaċir, il-​mexxejja umani kollha jistgħu jkunu korrotti, u minħabba dan in-​nies ikollhom ibatu din l-​inġustizzja kollha.

Imma anki jekk kollox jidher bla tama, aħna nistgħu nħossuna inkuraġġiti għax nafu li Ġeħova ‘qed jara wkoll lil wieħed għoli,’ jiġifieri, lil dak li għandu l-​awtorità fil-​gvern. Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna u nitfgħu l-​ansjetà tagħna fuqu. (Salm 55:22; Flp. 4:6, 7) Aħna nafu li “għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-​art kollha biex juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.”—2 Kron. 16:9.

Għalhekk, Ekkleżjasti 5:8 jfakkarna li fid-​dinja li qed ngħixu fiha dejjem se jkun hemm xi ħadd li għandu iktar awtorità. Però, dan il-​vers ifakkarna wkoll li Ġeħova, l-​Iktar Għoli, għandu l-​ogħla awtorità fl-​univers. U hu għażel lil Ibnu, Ġesù Kristu, li bħalissa hu l-​Mexxej tas-​Saltna. Flimkien huma qed jaraw kollox u lil kulħadd, u huma dejjem ġusti.