Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 38

Qed Tuża l-Libertà li Għandek bil-Għaqal?

Qed Tuża l-Libertà li Għandek bil-Għaqal?

“L-​art ma kellhiex tfixkil; u ma kien hemm ebda gwerra kontrih matul dawn is-​snin, għax Ġeħova tah il-​mistrieħ.”—2 KRON. 14:6.

GĦANJA 60 Hemm ħajjithom fin-​nofs

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Meta jistaʼ jkun l-​iktar diffiċli biex naqdu lil Ġeħova?

META jistaʼ jkun l-​iktar diffiċli biex taqdi lil Ġeħova? Meta jkollok ħafna problemi jew meta ma jkollokx problemi? Ħafna jsibuha eħfef biex jistrieħu fuq Ġeħova meta jkollhom il-​problemi. Imma xi ngħidu meta kollox ikun miexi sew fil-​ħajja tagħna? Xi kultant, nistgħu ninsew kemm hu importanti li naqdu lil Ġeħova. Ġeħova lill-​Iżraelin wissiehom li setaʼ jiġrilhom hekk.—Dt. 6:10-​12.

Is-Sultan Asa ħa azzjoni biex jeqred il-qima falza (Ara paragrafu 2) *

2. Is-​Sultan Asa x’eżempju ħallielna?

2 Is-​Sultan Asa huwa eżempju eċċellenti taʼ raġel li aġixxa bil-​għaqal. Hu qeda lil Ġeħova u straħ kompletament fuqu mhux biss fi żmien diffiċli, imma anki fi żmien taʼ paċi. Matul ħajtu, qalbu “baqgħet sħiħa maʼ Ġeħova.” (1 Slat. 15:14) Asa wera dan meta neħħa l-​qima falza minn Ġuda. Il-​Bibbja tgħid li hu “neħħa l-​artali barranin u l-​postijiet għall-​qima u kisser il-​pilastri sagri u qaċċat l-​arbli sagri.” (2 Kron. 14:3, 5) Hu neħħa anki lil nanntu, Magħka, mill-​pożizzjoni prominenti li kellha. Għala? Għax hi ħeġġet lin-​nies biex jaduraw l-​idoli.—1 Slat. 15:11-​13.

3. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 Asa mhux biss qered l-​idoli, imma hu għen lin-​nies taʼ Ġuda biex jerġgħu jibdew iqimu lil Ġeħova. Imbagħad, Ġeħova bierek kemm lil Asa kif ukoll lin-​nies taʼ Ġuda billi tahom żmien taʼ paċi. * Għal perjodu taʼ għaxar snin matul it-​tmexxija taʼ Asa, “l-​art ma kellhiex tfixkil.” (2 Kron. 14:1, 4, 6) F’dan l-​artiklu, se nikkunsidraw x’għamel Asa f’dak iż-​żmien. Imbagħad se nikkunsidraw l-​eżempju tal-​Kristjani tal-​bidu li, bħal Asa, ħadu vantaġġ miż-​żmien taʼ paċi. Fl-​aħħar se nwieġbu din il-​mistoqsija: Jekk int tgħix f’pajjiż fejn hemm il-​libertà, kif tistaʼ tieħu vantaġġ minn dan iż-​żmien?

ASA X’GĦAMEL FI ŻMIEN TAʼ PAĊI?

4. Skont t-​2 Kronaki 14:2, 6, 7, Asa x’għamel fi żmien taʼ paċi?

4 Aqra t-​2 Kronaki 14:2, 6, 7Asa qal lin-​nies li kien Ġeħova li ‘tahom il-​mistrieħ minn kullimkien.’ Imma Asa ma ħasibx li kien żmien biex joqgħod igawdi l-​ħajja. Minflok, hu beda jibni l-​bliet, is-​swar, it-​torrijiet, u l-​bibien. Hu qal lin-​nies taʼ Ġuda: “L-​art għadha għad-​dispożizzjoni tagħna.” X’ried ifisser Asa b’dan il-​kliem? Hu ried ifisser li ma kienx se jkun hemm għedewwa fil-​pajjiż li se jwaqqfuhom mix-​xogħol tal-​bini. Hu ħeġġeġ lin-​nies biex jieħdu vantaġġ minn dan iż-​żmien.

5. Asa għala saħħaħ l-​armata tiegħu?

5 Asa uża wkoll iż-​żmien taʼ paċi li kellu biex isaħħaħ l-​armata tiegħu. (2 Kron. 14:8) Kien dan ifisser li ma kienx jafda f’Ġeħova? Le. Anzi, Asa kien jaf li kienet ir-​responsabbiltà tiegħu bħala sultan li jipprepara lin-​nies għall-​problemi li setgħu jiffaċċjaw fil-​futur. Hu kien jaf li dan iż-​żmien taʼ paċi f’​Ġuda ma kienx ħa jibqaʼ għal dejjem, u hekk ġara.

IL-​KRISTJANI TAL-​BIDU X’GĦAMLU FI ŻMIEN TAʼ PAĊI?

6. Il-​Kristjani tal-​bidu x’għamlu fi żmien taʼ paċi?

6 Għalkemm il-​Kristjani tal-​bidu spiss ġew ippersegwitati, huma wkoll gawdew żmien taʼ paċi. X’għamlu matul dak iż-​żmien? Dawn l-​irġiel u nisa leali ppritkaw l-​aħbar tajba bla waqfien u baqgħu ffokati fuq li jaqdu lil Ġeħova. B’hekk, huma ‘baqgħu jiżdiedu.’ Dan wera li Ġeħova bierek iż-​żelu tagħhom fiż-​żmien taʼ paċi.—Atti 9:26-​31.

7-8. Pawlu u Kristjani oħrajn x’għamlu meta kellhom l-​opportunità? Spjega.

7 Il-​Kristjani tal-​bidu ppritkaw l-​aħbar tajba kull meta setgħu. Pereżempju, meta Pawlu rrealizza li setaʼ jipprietka lil ħafna nies f’Efesu, hu ħa l-​opportunità u baqaʼ jipprietka hemm.—1 Kor. 16:8, 9.

8 Ukoll, fis-​sena 49, meta l-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm ħadu d-​deċiżjoni dwar iċ-​ċirkonċiżjoni, Pawlu u Kristjani oħrajn setgħu jippritkaw lil ħafna nies. (Atti 15:23-​29) Wara, Pawlu u oħrajn qalu lill-​kongregazzjonijiet b’din id-​deċiżjoni u l-​aħwa ħadmu iebes biex jippritkaw “l-​aħbar tajba tal-​kelma taʼ Ġeħova.” (Atti 15:30-​35) X’kien ir-​riżultat? Il-​Bibbja tgħid li “l-​kongregazzjonijiet komplew jissodaw fil-​fidi u jiżdiedu fl-​għadd minn jum għall-​ieħor.”—Atti 16:4, 5.

KIF NISTGĦU NUŻAW IL-​LIBERTÀ LI GĦANDNA?

9. X’inhi s-​sitwazzjoni tal-​ippritkar f’ħafna pajjiżi llum, u aħna x’għandna nsaqsu lilna nfusna?

9 F’ħafna pajjiżi llum, aħna għadna nistgħu nippritkaw bil-​libertà. Int tgħix f’wieħed minn dawn il-​pajjiżi? Jekk iva, staqsi lilek innifsek, ‘Kif qed nuża din il-​libertà?’ Għan-​nies taʼ Ġeħova, l-​aħħar jiem huma eċċitanti għax qed jaħdmu iebes fl-​iktar xogħol importanti li qed isir fid-​dinja. Dan hu x-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim. (Mk. 13:10) Hemm ħafna affarijiet li nistgħu nagħmlu f’dan ix-​xogħol!

Ħafna qed igawdu l-ferħ għax qed jippritkaw l-aħbar tajba f’pajjiż ieħor jew b’lingwa barranija (Ara paragrafi 10-12) *

10. It-​2 Timotju 4:2, x’jinkuraġġina nagħmlu?

10 Kif tistaʼ tieħu vantaġġ minn dan iż-​żmien favorevoli? (Aqra t-​2 Timotju 4:2.) Ikkunsidra jekk int jew xi ħadd fil-​familja tiegħek jistax jagħmel xi bidliet biex ikun jistaʼ jipprietka iktar, forsi anki jaqdi bħala pijunier. Issa mhuwiex iż-​żmien li nsiru sinjuri, għax dak li għandna mhux se nkunu nistgħu niħduh magħna fit-​tribulazzjoni l-​kbira.—Prov. 11:4; Mt. 6:31-​33; 1 Ġw. 2:15-​17.

11. Xi pubblikaturi x’għamlu biex ikunu jistgħu jgħinu lil kemm jistaʼ jkun nies?

11 Ħafna pubblikaturi tgħallmu lingwa ġdida biex ikunu jistgħu jgħinu oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova. L-​organizzazzjoni tiegħu qed tipprovdi ħafna materjal biex tgħinna nkunu nistgħu nippritkaw b’lingwi differenti. Pereżempju, fl-​2010, il-​letteratura tagħna kienet disponibbli f’madwar 500 lingwa. Illum, dak in-​numru telaʼ għal iktar minn 1,000 lingwa!

12. In-​nies kif jibbenefikaw meta jisimgħu l-​aħbar tajba bil-​lingwa tagħhom? Agħti eżempju.

12 Kif taħseb li jħossuhom in-​nies meta jisimgħu l-​aħbar tajba mill-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom? Ikkunsidra kif oħt ibbenefikat mill-​konvenzjoni reġjonali li saret Memphis, f’Tennessee, fl-​Istati Uniti. Hi attendiet dil-​konvenzjoni li saret bil-​lingwa tagħha, Kinyarwanda. Din il-​lingwa tintuża f’xi partijiet fl-​Afrika. Wara l-​konvenzjoni qalet: “Kemm ili li ġejt l-​Amerika, din kienet l-​ewwel darba li fi 17-​il sena stajt nifhem il-​programm kollu.” Jidher ċar li dak li semgħet messilha qalbha, għax kien bil-​lingwa tagħha. Jekk iċ-​ċirkustanzi tiegħek jippermettu, tistaʼ int titgħallem lingwa barranija li xi nies fil-​pajjiż tiegħek jitkellmu? Meta tkellem lil xi ħadd bil-​lingwa tiegħu, ma taħsibx li se jkun irid jismaʼ iktar il-​messaġġ? L-​isforz li tagħmel se jġiblek ħafna ferħ.

13. Ħutna fir-​Russja kif użaw il-​libertà li kellhom?

13 F’xi pajjiżi l-​aħwa ma jistgħux jippritkaw bil-​libertà għax il-​gvernijiet waqqfu x-​xogħol tal-​ippritkar. Pereżempju, ikkunsidra l-​aħwa fir-​Russja. Huma kienu ilhom jiġu ppersegwitati għal ħafna snin, imbagħad f’Marzu tal-​1991, il-​gvern tahom il-​libertà. Dak iż-​żmien, kien hemm 16,000 Xhud fir-​Russja. Għoxrin sena wara, in-​numru telaʼ għal 160,000! Bla dubju, ħutna aġixxew bil-​għaqal meta kellhom il-​libertà biex jippritkaw. Imma dan iż-​żmien ma tantx dam! Minkejja li f’dan il-​pajjiż l-​affarijiet inbidlu, l-​aħwa għadhom żelużi fix-​xogħol taʼ Ġeħova. Huma qed ikomplu jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jaqduh.

IL-​LIBERTÀ LI GĦANDNA MHUX SE DDUM!

Wara li s-Sultan Asa talab mill-qalb, Ġeħova għenu jirbaħ lill-armata kbira Etjopjana (Ara paragrafi 14-15)

14-15. Ġeħova kif uża s-​saħħa tiegħu biex jgħin lil Asa?

14 Fi żmien Asa, iż-​żmien taʼ paċi spiċċa. Armata kbira taʼ iktar minn miljun suldat ġiet mill-​Etjopja. Il-​kmandant, Żeraħ, kien ċert li hu u l-​armata tiegħu kienu se jirbħu lil Ġuda. Imma, is-​Sultan Asa ma beżax mill-​ammont taʼ suldati għax fada f’Ġeħova. Hu talab: “Għinna, O Ġeħova Alla tagħna, għax fuqek nistrieħu aħna, u f’ismek ġejna kontra din il-​kotra.”—2 Kron. 14:11.

15 Għalkemm l-​armata Etjopjana kienet kważi d-​doppju mill-​armata taʼ Asa, Asa kien jaf li Ġeħova hu b’saħħtu u setaʼ jgħinhom. U Ġeħova hekk għamel. L-​armata Etjopjana ġiet megħluba.—2 Kron. 14:8-​13.

16. Kif nafu li l-​libertà li għandna mhux se ddum?

16 Aħna ma nafux eżatt x’se jiġri lil kull wieħed u waħda minna fil-​futur, imma nafu żgur li l-​libertà li għandna mhux se ddum. Ftakar, Ġesù bassar li fl-​aħħar jiem id-​dixxipli tiegħu kienu se jkunu “mibgħudin mill-​ġnus kollha.” (Mt. 24:9) Anki l-​appostlu Pawlu qal li “kulmin jixtieq jgħix bid-​devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù [se] jkun persegwitat ukoll.” (2 Tim. 3:12) Satana għandu “rabja kbira,” u hu impossibbli li nevitaw ir-​rabja tiegħu.—Riv. 12:12.

17. Il-​fidi tagħna kif tista’ tiġi ttestjata?

17 Il-​fidi taʼ kull wieħed u waħda minna dalwaqt se tiġi ttestjata. Għax se jkun hawn “tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.” (Mt. 24:21) Matul dak iż-​żmien, jistaʼ jkun li anki tal-​familja tagħna jiħduha kontrina u x-​xogħol tal-​ippritkar ma nkunux nistgħu nagħmluh. (Mt. 10:35, 36) Se tagħmel int bħal Asa, tafda f’Ġeħova għall-​għajnuna u l-​protezzjoni?

18. Skont Ebrej 10:38, 39, x’se jgħinna nkunu lesti għall-​futur?

18 Ġeħova qed jippreparana minn issa biex il-​fidi tagħna tkun b’saħħitha. Hu qed juża “l-​ilsir leali u għaqli” biex jagħtina “l-​ikel fiż-​żmien xieraq,” ħalli b’hekk ikollna dak kollu li għandna bżonn biex nibqgħu b’saħħitna. (Mt. 24:45) Imma kull wieħed u waħda minna għandu jaħdem iebes biex ikollu fidi b’saħħitha f’Ġeħova.—Aqra Ebrej 10:38, 39.

19-20. Wara li taqra l-​1 Kronaki 28:9, liema mistoqsijiet għandek tistaqsi, u għala?

19 Bħas-​Sultan Asa, aħna rridu ‘nfittxu lil Ġeħova.’ (2 Kron. 14:4; 15:1, 2) Aħna bdejna nfittxu lil Ġeħova meta tgħallimna dwaru u tgħammidna. Imma rridu nagħmlu l-​almu tagħna biex imħabbitna għal Ġeħova tkompli tikber. Biex naraw kif aħna sejrin, nistgħu nsaqsu lilna nfusna, ‘Nattendi l-​laqgħat b’mod regolari?’ Fil-​laqgħat aħna nirċievu l-​għajnuna biex inkomplu naqdu lil Ġeħova u niġu inkuraġġiti minn ħutna. (Mt. 11:28) Għandna nsaqsu lilna nfusna wkoll, ‘Naqra l-​Bibbja kuljum?’ Jekk tgħix mal-​familja, qed twarrbu ħin kull ġimgħa għall-​qima bħala familja? Jew jekk tgħix waħdek, qiegħed twarrab il-​ħin biex tagħmel l-​istudju bħalma kieku tagħmel mal-​familja? U tagħmel l-​almu tiegħek biex tipprietka u tgħallem lil oħrajn?

20 Għala għandna nistaqsu dawn il-​mistoqsijiet? Għax il-​Bibbja tgħidilna li Ġeħova jeżamina l-​ħsibijiet tagħna u dak li hemm f’qalbna, allura aħna rridu nagħmlu l-​istess. (Aqra l-​1 Kronaki 28:9.) Jekk naraw li għandna bżonn nagħmlu xi bidliet fil-​miri, l-​attitudni, u l-​ħsibijiet tagħna, għandna nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nagħmluhom. Issa huwa ż-​żmien biex nippreparaw lilna nfusna għal dak li ġej. Tħalli xejn iwaqqfek milli tuża bil-​għaqal il-​libertà li għandek!

GĦANJA 62 L-​għanja l-​ġdida

^ par. 5 Int tgħix f’pajjiż fejn tistaʼ taqdi lil Ġeħova bil-​libertà? Jekk iva, kif qed tuża l-​ħin tiegħek f’dan iż-​żmien? Dan l-​artiklu se jgħinek tikkunsidra kif tistaʼ timita lis-​Sultan Asa taʼ Ġuda u l-​Kristjani tal-​bidu. Huma użaw il-​ħin tagħhom bil-​għaqal fi żmien taʼ paċi.

^ par. 3 ESPRESSJONI SPJEGATA: Il-​kelma “paċi” ma tfissirx biss li ma jkunx hemm il-​gwerer. Il-​kelma Ebrajka fiha l-​ħsieb ukoll taʼ li wieħed ikun kuntent, ikollu saħħa tajba, u jkun protett.

^ par. 57 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Is-​Sultan Asa neħħa lil nanntu mill-​pożizzjoni li kellha għax hi ħeġġet lin-​nies biex jaduraw l-​idoli. Dawk li appoġġjaw lil Asa għamlu bħalu u qerdu l-​idoli.

^ par. 59 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Koppja żeluża qed jissimplifikaw ħajjithom biex ikunu jistgħu jmorru jgħinu fejn hemm il-​bżonn.