Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 35

Apprezza lill-Aħwa Kbar fl-Età

Apprezza lill-Aħwa Kbar fl-Età

“Ix-​xagħar griż hu kuruna taʼ sbuħija.”—PROV. 16:31.

GĦANJA 138 Sbuħija fix-​xagħar griż

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

1-2. (a) Skont Proverbji 16:31, kif għandna nqisu lill-​aħwa kbar fl-​età? (b) Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-​artiklu?

 FL-​ISTATI UNITI hemm ġnien li fih ikun hemm id-​djamanti mal-​art. Però, dawn id-​djamanti ma jkunux ġew irfinuti biex jintużaw għall-​ġojjellerija. Għalhekk, ħafna li jgħaddu minn magħhom ma jindunawx li huma prezzjużi u ma jagħtux kashom.

2 Bħal dawk id-​djamanti, ħutna kbar fl-​età huma prezzjużi. Il-​Kelma t’Alla tqabbel ix-​xagħar griż tagħhom maʼ kuruna. (Aqra Proverbji 16:31; 20:29) Huwa faċli li ma ninnotawx kemm huma prezzjużi dawn l-​aħwa. Meta ż-​żgħażagħ jifhmu kemm huma prezzjużi, jistgħu jibbenefikaw ħafna minnhom. F’dan l-​artiklu se nwieġbu tliet mistoqsijiet: Ġeħova għala jqis lil dawn l-​aħwa kbar fl-​età prezzjużi? Dawn l-​aħwa għala huma importanti fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? U aħna x’nistgħu nagħmlu biex nitgħallmu mill-​eżempju tagħhom?

ĠEĦOVA GĦALA JQIS LILL-​AĦWA KBAR FL-​ETÀ PREZZJUŻI?

L-aħwa leali li huma kbar fl-età huma prezzjużi għal Ġeħova u l-poplu tiegħu (Ara paragrafu 3)

3. Skont Salm 92:12-​15, l-​aħwa kbar fl-​età għala huma prezzjużi għal Ġeħova?

3 L-​aħwa kbar fl-​età huma prezzjużi għal Ġeħova. Hu jara x’għandhom f’qalbhom u japprezza l-​kwalitajiet sbieħ tagħhom. Hu jieħu pjaċir meta huma jaqsmu maʼ aħwa iżgħar l-​esperjenzi li kellhom matul is-​snin li qdewh. (Ġob 12:12; Prov. 1:1-​4) Ġeħova japprezza wkoll li huma baqgħu jissaportu. (Mal. 3:16) Minkejja l-​problemi li ffaċċjaw fil-​ħajja tagħhom, huma baqgħu leali lejn Ġeħova. It-​tama tagħhom għall-​futur issa hi b’saħħitha iktar minn meta tgħallmu l-​verità. U Ġeħova jħobbhom ukoll għax minkejja li kibru fl-​età, huma jkomplu jxandru lil ismu.—Aqra Salm 92:12-​15.

4. X’jistaʼ jinkuraġġixxi lil ħutna kbar fl-​età?

4 Jekk qiegħed tikber fl-​età, ibqaʼ ċert li Ġeħova jiftakar dak kollu li għamilt għalih fil-​passat. (Ebr. 6:10) Int kont żeluż fil-​ministeru u dan iġib ħafna ferħ lil Missierna tas-​sema. Int issaportejt diversi problemi, anke dawk li għamluk imdejjaq. Int obdejt u ddefendejt il-​livelli ġusti tal-​Bibbja, dejjem għamilt l-​almu tiegħek fix-​xogħol li ngħatajt, u għallimt lil oħrajn fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Int għamilt l-​almu tiegħek biex taddatta ruħek għal ħafna bidliet li għamlet l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ukoll, int inkuraġġejt lil oħrajn li jaqdu lil Ġeħova fis-​servizz full-​time. Ġeħova jħobbok ħafna minħabba li int leali lejh. Hu jgħidilna li “lil-​leali tiegħu ma jitlaqhomx”! (Salm 37:28) Hu jwegħedkom li “anki meta xagħarkom isir griż” se jibqaʼ jieħu ħsiebkom. (Is. 46:4) Mela qatt taħseb li għax kbirt fl-​età m’intix importanti għall-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Int prezzjuż ħafna!

L-​AĦWA KBAR FL-​ETÀ HUMA IMPORTANTI GĦALL-​ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA

5. L-​aħwa kbar fl-​età x’għandhom jiftakru?

5 Aħwa kbar fl-​età jistgħu jkunu utli b’ħafna modi fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Minkejja li m’għadx għandhom is-​saħħa bħal meta kienu żgħar, huma għandhom ħafna esperjenza li ġabu matul is-​snin. Ġeħova jistaʼ jkompli jużahom b’ħafna modi differenti bħalma se naraw fl-​eżempji taʼ wħud fil-​passat u oħrajn illum.

6-7. Agħti eżempju taʼ kif Ġeħova ppremja lil dawk kbar fl-​età li baqgħu leali lejh.

6 Fil-​Bibbja nsibu eżempji tajbin taʼ wħud leali li baqgħu jaqdu lil Ġeħova anke meta kienu kbar fl-​età. Pereżempju, Mosè kellu madwar 80 sena meta beda jaqdi lil Ġeħova bħala profeta u jmexxi lill-​poplu t’Iżrael. Danjel x’aktarx kellu iktar minn 90 sena meta Ġeħova kien għadu qed jużah bħala profeta. U x’aktarx, l-​appostlu Ġwanni wkoll kellu aktar minn 90 sena meta kiteb il-​ktieb taʼ Rivelazzjoni.

7 Kien hemm ħafna wħud leali oħrajn li ma kinux magħrufin u minħabba f’hekk in-​nies ma kinux jinnotawhom. Imma Ġeħova nnotahom u ppremjahom għal lealtà tagħhom. Pereżempju, Simegħon, li “kien raġel sewwa [u] li jibżaʼ minn Alla,” ftit jissemma fil-​Bibbja, imma Ġeħova kien jaf min hu u tah il-​privileġġ li jara lil Ġesù bħala tarbija u jipprofetizza dwaru u dwar ommu. (Lq. 2:22, 25-​35) Aħseb ukoll dwar il-​profetessa Anna li kienet armla. Hi kellha 84 sena imma dejjem kienet tkun fit-​tempju. U għalhekk, Ġeħova berikha u taha l-​privileġġ li tara lil Ġesù tarbija. Kemm Simegħon kif ukoll Anna kienu prezzjużi għal Ġeħova.—Lq. 2:36-​38.

Oħtna Didur, li issa għandha iktar minn 80 sena, qed tkompli taqdi lil Ġeħova lealment (Ara paragrafu 8)

8-9. X’għamlet oħt fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova wara li miet ir-​raġel tagħha?

8 Illum, ħafna aħwa kbar fl-​età huma eżempju eċċellenti għal uħud iżgħar. Ikkunsidra l-​esperjenza t’oħt jisimha Lois Didur. Hi kien għad kellha 21 sena meta bdiet taqdi bħala pijuniera speċjali fil-​Kanada. Wara dan, hi u r-​raġel tagħha John qattgħu ħafna snin fix-​xogħol tas-​circuit. Iktar tard, qdew fil-​Betel tal-​Kanada għal aktar minn 20 sena. Meta Lois kellha 58 sena, hi u John, ġew mistidnin biex jaċċettaw inkarigu fl-​Ukrajna. Huma x’għamlu? Ħassew li issa kienu kbar biex imorru f’pajjiż ieħor? Le. Huma aċċettaw l-​inkarigu u John beda jaqdi bħala wieħed mill-​Kumitat tal-​Fergħa. John miet sebaʼ snin wara, imma Lois iddeċidiet li tibqaʼ fl-​inkarigu tagħha. Illum, Lois għandha 81 sena u hi għadha taqdi lealment lil Ġeħova mal-​familja taʼ Betel, l-​Ukrajna, u l-​aħwa jħobbuha ħafna.

9 Forsi nisa li mitilhom ir-​raġel, bħal Lois, ma jiġux innotati daqs meta kellhom ir-​raġel ħaj, però huma xorta prezzjużi ħafna. Ġeħova japprezza ħafna lin-​nisa li appoġġjaw lir-​raġel tagħhom għal ħafna snin u issa qegħdin jaqduh lealment waħedhom. (1 Tim. 5:3) Huma jinkuraġġixxu wkoll lill-​uħud iżgħar.

10. Tony għala huwa eżempju tajjeb għalina?

10 L-​aħwa li jgħixu fid-​djar tal-​anzjani wkoll huma prezzjużi għal Ġeħova. Pereżempju, ħu jismu Tony issa jgħix f’dar tal-​anzjani. Hu tgħammed f’Awwissu tal-​1942, meta kellu 20 sena, f’Pennsylvania, l-​Istati Uniti. Wara ftit li tgħammed, hu ġie mitlub biex jingħaqad mal-​armata u minħabba li hu m’aċċettax, weħel sentejn u nofs il-​ħabs. Hu u l-​mara tiegħu, Hilda, rabbew żewġt itfal fil-​verità. Matul is-​snin, Tony qeda fi tliet kongregazzjonijiet bħala indokratur li jippresiedi (illum huwa magħruf bħala l-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani) u bħala indokratur tal-​assemblea tas-​circuit. Hu kien imur jikkonduċi l-​laqgħat u l-​istudji tal-​Bibbja ġo ħabs. Tony għandu 98 sena u biħsiebu jkompli jaħdem għal Ġeħova. Hu qed jagħmel l-​almu tiegħu biex ikompli jaqdi lil Ġeħova mal-​aħwa fil-​kongregazzjoni!

11. Kif nuru li napprezzaw lill-​aħwa kbar fl-​età fil-​kongregazzjoni, anke lil dawk li qegħdin fid-​djar tal-​anzjani?

11 Kif nuru li napprezzaw lill-​aħwa kbar fl-​età fil-​kongregazzjoni, anki lil dawk li qegħdin fid-​djar tal-​anzjani? Billi meta jkun possibbli l-​anzjani jgħinuhom biex jattendu jew jisimgħu l-​laqgħat u jippritkaw. Nistgħu nuruhom interess personali billi mmorru nżuruhom jew nagħmlu xi video call magħhom. Aħna rridu nagħtu attenzjoni speċjali lill-​aħwa li jkunu qegħdin jgħixu fid-​djar tal-​anzjani u jkunu qegħdin ’il bogħod mill-​aħwa. Huwa importanti, li lil dawn l-​aħwa ma ninsewhomx. Xi wħud minnhom forsi ma jħossuhomx komdi biex jitkellmu dwarhom infushom, imma jekk aħna nieħdu l-​ħin biex nistaqsuhom xi mistoqsijiet u nisimgħu l-​esperjenzi li kellhom waqt li qdew lil Ġeħova, se nħossuna inkuraġġiti.

12. X’esperjenzi jistaʼ jkollhom l-​aħwa fil-​kongregazzjoni tagħna?

12 Nistgħu nibqgħu mistagħġbin meta nsiru nafu l-​esperjenzi tal-​aħwa li għandna fil-​kongregazzjoni. Oħt jisimha Harriette qdiet lil Ġeħova għal ħafna snin fil-​kongregazzjoni tagħha fi New Jersey, l-​Istati Uniti. Imbagħad hi marret tgħix mat-​tifla tagħha. Meta l-​aħwa tal-​kongregazzjoni l-​ġdida ħadu l-​ħin biex isiru jafuha sew, indunaw kemm hu inkuraġġanti l-​eżempju tagħha. Hi inkuraġġiethom bl-​esperjenzi li qaltilhom dwar il-​ministeru tagħha meta tgħallmet il-​verità madwar is-​sena 1925. Dak iż-​żmien, minħabba li kienet tipprietka setgħet tiġi arrestata u mitfugħa l-​ħabs. Għalhekk, hi kienet iżżomm toothbrush magħha. Infatti, fl-​1933, hi ġiet arrestata darbtejn u kull darba li kienet arrestata għamlet ġimgħa l-​ħabs. F’dawk il-​ġranet li hi kienet tkun il-​ħabs, ir-​raġel tagħha, li ma kienx Xhud, kien jieħu ħsieb it-​tlett itfal żgħar li kellhom. Bla dubju, aħwa kbar fl-​età leali bħal Harriette jixirqilhom li jkunu apprezzati!

13. L-​aħwa kbar fl-​età għala huma importanti fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

13 L-​aħwa kbar fl-​età jagħmlu parti importanti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Huma raw kif Ġeħova berikhom u kif bierek l-​organizzazzjoni b’ħafna modi differenti. Huma tgħallmu lezzjonijiet importanti mill-​iżbalji li għamlu. Għalhekk, għandek tqis dawn l-​aħwa bħal ‘bir mimli bl-​għerf,’ u titgħallem minnhom. (Prov. 18:4) Jekk tieħu l-​ħin biex issir tafhom sew, inti se ssaħħaħ il-​fidi tiegħek u se titgħallem ħafna minnhom!

IBBENEFIKA KEMM TISTAʼ MILL-​EŻEMPJU T’AĦWA KBAR FL-​ETÀ

Bħalma Eliżew ibbenefika għax kien ikun ma’ Elija, aħwa żgħażagħ jistgħu jibbenefikaw meta jisimgħu l-esperjenzi t’aħwa li ilhom jaqdu lil Ġeħova għal ħafna snin (Ara paragrafi 14-15)

14. Dewteronomju 32:7 x’jinkuraġġihom jagħmlu liż-​żgħażagħ?

14 Ħu l-​inizjattiva biex titkellem magħhom. (Aqra Dewteronomju 32:7.) Forsi vera, il-​vista tagħhom m’għadhiex tajba bħalma kienet qabel, forsi m’għadhomx jgħaġġlu biex jimxu u jaf saru jitkellmu bil-​mod imma huma għadhom żelużi u għamlu “isem tajjeb” maʼ Ġeħova. (Ekk. 7:1) Ftakar għala huma prezzjużi għal Ġeħova. Kompli urihom rispett u kun bħal Eliżew. Fl-​aħħar ġurnata li hu u Elija kienu flimkien, hu ried jibqaʼ miegħu. Infatti, Eliżew tliet darbiet qallu: “M’iniex se nitilqek.”—2 Slat. 2:2, 4, 6.

15. Liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lill-​aħwa kbar fl-​età?

15 Uri li vera jinteressak minnhom. (Prov. 1:5; 20:5; 1 Tim. 5:1, 2) Tistaʼ tistaqsihom mistoqsijiet bħal: “Kif kont ċert li sibt il-​verità?” “L-​affarijiet li ġrawlek kif għenuk tersaq eqreb lejn Ġeħova?” “X’għenek biex tibqaʼ taqdi lil Ġeħova bil-​ferħ?” (1 Tim. 6:6-​8) Imbagħad, hekk kif jirrakkontawlek l-​istorja tagħhom, oqgħod ismagħhom.

16. Meta l-​aħwa kbar fl-​età u wħud iżgħar jitkellmu flimkien kif jibbenefikaw?

16 Meta l-​aħwa kbar fl-​età u wħud iżgħar jitkellmu flimkien, it-​tnejn se jibbenefikaw. (Rum. 1:12) Iż-​żgħar se jsiru iktar konvinti li Ġeħova jieħu ħsieb il-​qaddejja leali tiegħu u l-​aħwa kbar se jħossuhom maħbubin. L-​aħwa li ilhom jaqdu lil Ġeħova għal ħafna snin jieħdu pjaċir jirrakkontaw kif Ġeħova berikhom.

17. L-​aħwa kbar fl-​età għala iżjed ma jgħaddi ż-​żmien iżjed ikunu sbieħ f’għajnejn Ġeħova?

17 Meta nikbru forsi ma nibqgħux sbieħ bħal meta nkunu żgħar, imma dawk li huma leali lejn Ġeħova, iktar ma jgħaddi ż-​żmien iktar isiru sbieħ f’għajnejh. (1 Tess. 1:2, 3) Għala? Għaliex matul is-​snin huma ħallew l-​ispirtu taʼ Ġeħova jittrennjahom u jgħinhom jiżviluppaw kwalitajiet sbieħ. Iktar ma nsiru nafu lil dawn l-​aħwa, nirrispettawhom, u nitgħallmu minnhom, iktar se nqisuhom prezzjużi!

18. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

18 Il-​kongregazzjoni mhux se tkun b’saħħitha biss meta ż-​żgħażagħ japprezzaw lill-​aħwa kbar fl-​età imma anke meta l-​aħwa kbar fl-​età japprezzaw liż-​żgħażagħ. Fl-​artiklu li jmiss, se nikkunsidraw kif aħwa kbar fl-​età jistgħu juru li japprezzaw liż-​żgħażagħ fil-​kongregazzjoni.

GĦANJA 144 Ibqaʼ ffokat fuq it-​tama!

a Ħutna kbar fl-​età huma prezzjużi ħafna. Dan l-​artiklu se jinkuraġġina biex inħobbuhom u nirrispettawhom iktar u se niddiskutu x’nistgħu nagħmlu biex nitgħallmu mill-​esperjenzi tagħhom. Ukoll, se jfakkar lill-​aħwa kbar fl-​età li huma importanti fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova.