Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 36

Apprezza s-Saħħa taż-Żgħażagħ

Apprezza s-Saħħa taż-Żgħażagħ

“Is-​sbuħija taʼ l-​irġiel żgħażagħ hija l-​qawwa tagħhom.”—PROV. 20:29.

GĦANJA 88 Għarrafni triqatek

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

1. Meta nibdew nikbru fl-​età, x’mira nistgħu nagħmlu?

 META nibdew nikbru, jaf nibdew inħossuna li m’għadniex utli għal Ġeħova bħalma konna qabel. Minkejja li m’għadniex b’saħħitna daqs kemm konna, xorta nistgħu nużaw l-​esperjenzi u l-​abbiltajiet tagħna biex ngħallmu lil uħud iżgħar biex b’hekk jaċċettaw iktar responsabbiltajiet u jkunu utli fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ħu li ilu jaqdi bħala anzjan jgħid, “Meta ma stajtx nagħmel daqs kemm kont nagħmel qabel minħabba l-​età, jiena kont ferħan li kien hemm aħwa iżgħar ikkwalifikati biex jagħmlu x-​xogħol li ma stajtx nibqaʼ nagħmel jien.”

2. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 Fl-​artiklu taʼ qabel dan iddiskutejna kif iż-​żgħażagħ jibbenefikaw meta jsiru ħbieb m’aħwa kbar fl-​età. F’dan l-​artiklu se naraw kif kwalitajiet bħall-​umiltà, il-​modestja, l-​apprezzament, u l-​ġenerożità jistgħu jgħinu lill-​aħwa kbar fl-​età jaħdmu maż-​żgħażagħ u kif dan se jgħin lill-​kongregazzjoni.

KUN UMLI

3. Skont Filippin 2:3, 4, l-​umiltà x’inhi u kif tistaʼ tgħin lil persuna?

3 L-​aħwa kbar fl-​età għandhom ikunu umli jekk jixtiequ jgħinu liż-​żgħażagħ. Persuna umli tqis lil oħrajn importanti jew kapaċi iktar minnha. (Aqra Filippin 2:3, 4.) Uħud kbar fl-​età li huma umli se jifhmu li hemm diversi modi kif jistaʼ jsir ix-​xogħol u li kollha huma fi qbil mal-​Bibbja. Għalhekk, huma ma jippretendux li kulħadd jagħmel ix-​xogħol kif kienu jagħmluh huma qabel. (Ekk. 7:10) Huma jistgħu jgħinu lil uħud iżgħar billi jgħidulhom dak li jkunu tgħallmu huma. Imma jifhmu li “x-​xena taʼ din id-​dinja qed tinbidel” u għalhekk jaf ikollhom bżonn jaddattaw għaċ-​ċirkostanzi ġodda.—1 Kor. 7:31.

Aħwa kbar fl-età jaqsmu l-esperjenza tagħhom m’oħrajn (Ara paragrafi 4-5) b

4. L-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet kif juru l-​istess attitudni li kellhom il-​Leviti?

4 Aħwa kbar fl-​età li huma umli jifhmu li minħabba l-​età tagħhom ma jkunux jistgħu jagħmlu daqs kemm kienu jagħmlu. Pereżempju, aħseb dwar l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet. Meta jagħlqu 70 sena jkollhom jibdlu l-​inkarigu tagħhom. Dan jistaʼ jkun taʼ sfida għalihom. Huma kienu jieħdu pjaċir jgħinu lill-​aħwa. L-​inkarigu tagħhom kien għal qalbhom u għadhom jixtiequ jagħmlu dak ix-​xogħol. Imma jifhmu li issa jkun aħjar li aħwa iżgħar jagħmlu dan ix-​xogħol minflokhom. Huma juru l-​istess attitudni li kellhom il-​Leviti f’Iżrael. Il-​Leviti kellhom jieqfu jaqdu fit-​tabernaklu meta jagħlqu 50 sena. Kien x’kien l-​inkarigu tagħhom, il-​Leviti li kienu jagħlqu 50 sena kienu jkunu ferħanin. Huma kienu jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħinu liż-​żgħażagħ. (Num. 8:25, 26) Illum, meta l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet jagħlqu 70 sena, huma jieqfu mill-​inkarigu tagħhom. Imma xorta jibqgħu jgħinu u jinkuraġġixxu lill-​kongregazzjoni tagħhom.

5. X’titgħallem mill-​eżempju taʼ Dan u Katie?

5 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Dan, li qeda bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet għal 23 sena. Meta Dan għalaq 70 sena, hu u l-​mara tiegħu Katie ġew mitluba biex jaqdu bħala pijunieri speċjali. Kif inhuma sejrin? Dan jgħid li issa għandu x’jagħmel iżjed minn qabel! Hu jieħu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tiegħu fil-​kongregazzjoni, jgħin lil aħwa jikkwalifikaw bħala qaddejja ministerjali, u jittrennja lil oħrajn kif għandhom jippritkaw bl-​istands fil-​bliet u fil-​ħabsijiet. Intom aħwa kbar fl-​età, sew jekk qegħdin fis-​servizz full-​time u sew jekk le, tistgħu tagħmlu ħafna biex tgħinu lil oħrajn. Kif? Ħudu pjaċir biċ-​ċirkostanzi li għandkom bħalissa, agħmlu miri ġodda, u ffokaw fuq dak li tistgħu tagħmlu mhux fuq dak li ma tistgħux.

KUN MODEST

6. Għala hu importanti li nkunu modesti? Agħti eżempju.

6 Persuna modesta tkun taf il-​limitazzjonijiet tagħha. (Prov. 11:2) Għalhekk, hi mhux se tippretendi li tagħmel iktar milli tiflaħ. Dan se jgħinha biex hi tibqaʼ ferħana u tkompli tagħmel ix-​xogħol. Nistgħu nqabblu persuna modesta maʼ xi ħadd li jkun qed isuq karozza għat-​telgħa. Biex jitlaʼ t-​telgħa, ix-​xufier ikollu bżonn inaqqas il-​gerijiet. Veru li se jitlaʼ bil-​mod imma se jasal. Bl-​istess mod, persuna modesta tkun taf li għandha bżonn tagħmel il-​bidliet u tnaqqas il-​pass biex tkompli taqdi lil Ġeħova u tgħin lil oħrajn.—Flp. 4:5.

7. X’juri li Barżillaj kien modest?

7 Innota l-​eżempju taʼ Barżillaj, li kellu 80 sena meta s-​Sultan David qallu biex jaqdi fil-​palazz irjali. Imma Barżillaj kien modest u m’aċċettax l-​offerta tas-​Sultan David. Hu kien jaf li minħabba l-​età tiegħu ma setax jagħmel ħafna xogħol. Għalhekk issuġġerixxa biex jintgħażel iż-​żagħżugħ jismu Kimħam. (2 Sam. 19:35-​37) Bħal Barżillaj, aħwa kbar fl-​età jieħdu pjaċir jagħtu x-​xogħol liż-​żgħażagħ.

Is-Sultan David aċċetta li Alla għażel lil ibnu Salamun biex jibni t-tempju (Ara paragrafu 8)

8. Is-​Sultan David kif wera li kien modest meta ried jibni t-​tempju?

8 Is-​Sultan David ukoll hu eżempju eċċellenti taʼ persuna modesta. Hu vera xtaq jibni t-​tempju lil Ġeħova. Imma meta Ġeħova qallu li x-​xogħol kien ħa jingħata liż-​żagħżugħ Salamun, hu aċċetta d-​deċiżjoni taʼ Ġeħova u għamel dak kollu li setaʼ biex jgħin fil-​proġett. (1 Kron. 17:4; 22:5) David ma ħasibx li setaʼ jagħmel xogħol aħjar fil-​bini tat-​tempju għax Salamun kien għadu “żagħżugħ u bla esperjenza.” (1 Kron. 29:1) David kien jaf li l-​bini tat-​tempju ma kienx jiddependi mill-​età jew l-​esperjenza taʼ dawk li kienu se jagħmlu x-​xogħol, imma l-​bini kien se jitlesta bil-​barka taʼ Ġeħova. Bħal David, l-​aħwa kbar fl-​età xorta jibqgħu jaħdmu iebes għal Ġeħova anki meta l-​inkarigu tagħhom jinbidel. U huma jafu li Ġeħova se jbierek liż-​żgħażagħ li qegħdin jagħmlu x-​xogħol li kienu jagħmlu huma qabel.

9. Shigeo kif wera li kien modest?

9 Anke fi żmienna hawn aħwa modesti. Ħu l-​eżempju taʼ Shigeo. Fl-​1976, meta kellu 30 sena, hu ġie inkarigat biex jaqdi bħala membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa. Fl-​2004, hu sar il-​koordinatur tal-​Kumitat tal-​Fergħa. Iktar tard induna li m’għadux b’saħħtu bħalma kien qabel u ma bediex ilaħħaq max-​xogħol li kellu. Hu talab dwar is-​sitwazzjoni tiegħu u beda jaħseb jekk kienx aħjar li jagħti l-​inkarigu tiegħu lil ħu iżgħar. Għalkemm illum Shigeo m’għadux jaqdi bħala koordinatur, imma hu xorta għadu jaqdi flimkien mal-​membri tal-​Kumitat tal-​Fergħa. L-​eżempji taʼ Barżillaj, is-​Sultan David, u Shigeo, juruna li xi ħadd umli u modest jaħseb dwar dak li jafu jagħmlu ż-​żgħażagħ, mhux fuq dak li ma jafux. Hu jqishom bħala ħaddiema sħabu u mhux bħala wħud li se jiħdulu xogħlu.—Prov. 20:29.

URI L-​APPREZZAMENT

10. L-​aħwa kbar fl-​età kif iħossuhom dwar iż-​żgħażagħ?

10 L-​aħwa kbar fl-​età jqisu liż-​żgħażagħ bħala rigal mingħand Ġeħova u japprezzaw dak li jagħmlu. Meta saħħithom tibda tonqos, huma japprezzaw li dawk li għandhom is-​saħħa jkunu lesti biex jgħinu u jagħmlu x-​xogħol fil-​kongregazzjoni.

11. Rut 4:13-​16 kif juri li l-​aħwa kbar fl-​età jibbenefikaw meta jaċċettaw l-​għajnuna minn uħud iżgħar?

11 Fil-​Bibbja, Nagħomi hi eżempju eċċellenti taʼ persuna kbira fl-​età li apprezzat l-​għajnuna taʼ xi ħadd iżgħar. Wara li t-​tifel tagħha miet, hi qalet lil Rut biex tmur lura għand il-​familja tagħha. Imma Rut ma telqitx lil Nagħomi u marret lura magħha f’Betlem. Nagħomi kienet ferħana ħafna li Rut baqgħet magħha u hi aċċettat l-​għajnuna tagħha. (Rut 1:7, 8, 18) Din kienet barka għat-​tnejn li huma! (Aqra Rut 4:13-​16.) L-​aħwa kbar fl-​età li huma umli se jimitaw l-​eżempju taʼ Nagħomi.

12. L-​appostlu Pawlu kif wera l-​apprezzament?

12 L-​appostlu Pawlu apprezza l-​għajnuna li rċieva mingħand l-​aħwa. Pereżempju, hu rringrazzja lill-​aħwa Filippin għall-​affarijiet materjali li kienu bagħtulu. (Flp. 4:16) Hu wriehom li kien japprezza dak li Timotju għamel miegħu. (Flp. 2:19-​22) Pawlu rringrazzja lil Alla għall-​inkuraġġiment li rċieva meta hu kien sejjer lejn Ruma bħala priġunier. (Atti 28:15) Pawlu kien bniedem b’saħħtu u kien jivvjaġġa ħafna biex jipprietka u jinkuraġġixxi lill-​kongregazzjonijiet. Imma hu kien umli u aċċetta l-​għajnuna tal-​aħwa.

13. L-​aħwa kbar fl-​età kif jistgħu juru li japprezzaw liż-​żgħażagħ?

13 Intom aħwa kbar fl-​età tistgħu turu li tapprezzaw iż-​żgħażagħ fil-​kongregazzjoni b’diversi modi. Jekk joffru li jwassluk xi mkien, jagħmlulek xi xiri, jew jgħinuk f’affarijiet oħrajn, apprezza u aċċetta l-​għajnuna tagħhom. Ftakar kif l-​għajnuna tagħhom hi mod wieħed kif Ġeħova jurik li jħobbok u dan jistaʼ jgħinek biex intom issiru ħbieb kbar. Għinhom jersqu eqreb lejn Ġeħova u għidilhom li tieħu pjaċir tarahom jaħdmu iebes biex jgħinu fil-​kongregazzjoni. U ħu l-​opportunità biex tqattaʼ l-​ħin magħhom u tgħidilhom l-​esperjenzi tiegħek. Meta tagħmel hekk, ‘turi li int grat’ lejn Ġeħova li dawn iż-​żgħażagħ jagħmlu parti mill-​organizzazzjoni tiegħu.—Kol. 3:15; Ġw. 6:44; 1 Tess. 5:18.

KUN ĠENERUŻ

14. Is-​Sultan David kif wera li kien ġeneruż?

14 Fl-​eżempju tas-​Sultan David insibu kwalità importanti oħra li l-​aħwa kbar fl-​età għandhom juru. Din hija l-​ġenerożità. Hu ta ħafna flus u affarijiet prezzjużi biex Salamun ikun jistaʼ jużahom għall-​bini tat-​tempju. (1 Kron. 22:11-​16; 29:3, 4) Hu għamel dan minkejja li n-​nies bdew isejħulu t-​tempju taʼ Salamun. Meta ma jkollniex iżjed saħħa biex ngħinu fix-​xogħol taʼ kostruzzjoni fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, nistgħu nibqgħu ngħinu f’dawn il-​proġetti permezz tad-​donazzjonijiet tal-​flus li nkunu nistgħu nagħtu. U nistgħu ngħinu liż-​żgħażagħ billi naqsmu magħhom dak li tgħallimna matul is-​snin.

15. L-​appostlu Pawlu liema affarijiet prezzjużi qasam ma’ Timotju?

15 Aħseb dwar l-​eżempju taʼ ġenerożità li tana l-​appostlu Pawlu. Hu stieden lil Timotju biex imur miegħu fuq vjaġġi missjunarji. U Pawlu qasam miegħu modi taʼ kif jipprietka u jgħallem. (Atti 16:1-​3) Pawlu ttrennja lil Timotju biex ikun effettiv fl-​ippritkar dwar l-​aħbar tajba. (1 Kor. 4:17) Imbagħad, Timotju uża dak li tgħallem mingħand Pawlu biex jittrennja lil oħrajn.

16. Shigeo għala ttrennja lil oħrajn?

16 L-​aħwa kbar fl-​età ma jibżgħux li mhux se jkunu iktar utli jekk jittrennjaw lil aħwa iżgħar biex jagħmlu x-​xogħol tal-​kongregazzjoni. Pereżempju, matul is-​snin, Shigeo li semmejna fil-​bidu, ta t-​trejning lil aħwa iżgħar li kienu jagħmlu parti mill-​Kumitat tal-​Fergħa. Hu għamel dan biex ikun jistaʼ jgħin fix-​xogħol tas-​Saltna fil-​pajjiż fejn kien qed jaqdi. B’hekk, meta hu ma setax jibqaʼ l-​koordinatur, ħu ieħor li kien ittrennjat b’mod tajjeb setaʼ jieħu postu. Shigeo ilu jaqdi bħala membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa għal iktar minn 45 sena. U hu jkompli juża dak li tgħallem biex jgħin lil aħwa iżgħar. Aħwa bħal Shigeo huma barka għall-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova!

17. Skont il-​prinċipju li nsibu f’​Luqa 6:38, l-​uħud kbar fl-​età x’jistgħu jagħtu?

17 L-​aħwa kbar fl-​età kollha huma prova li meta naqdu lil Ġeħova bil-​fidi u l-​lealtà hu l-​aqwa mod taʼ ħajja. Pereżempju, intom turu li hu għall-​ġid tagħna li ngħixu u napplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja f’ħajjitna. Mill-​esperjenza tagħkom intom tafu kif kienu jsiru l-​affarijiet fil-​passat, imma tafu wkoll li għandkom tadattaw ruħkom għal ċirkostanzi ġodda. U jekk intom kbar fl-​età u m’ilkomx mgħammdin ukoll tistgħu tgħinu lil oħrajn. Intom tistgħu tgħidulhom li minħabba li sirtu tafu lil Ġeħova, għandkom iżjed ferħ fil-​ħajja tagħkom. Iż-​żgħażagħ se jieħdu pjaċir jisimgħu l-​esperjenzi tagħkom u dak li tgħallimtu. Jekk ‘tidraw tagħtu’ billi tużaw il-​lezzjonijiet li tgħallimtu fil-​ħajja tagħkom biex tittrennjaw lil oħrajn, Ġeħova se jberikkom b’ħafna modi.—Aqra Luqa 6:38.

18. L-​aħwa kbar fl-​età u dawk iżgħar kif jistgħu jgħinu lil xulxin?

18 Għeżież aħwa kbar fl-​età, meta intom tkabbru l-​ħbiberija tagħkom ma’ wħud iżgħar, se jkun taʼ benefiċċju għalikom u għalihom. (Rum. 1:12) Kulħadd għandu xi ħaġa li oħrajn m’għandhomx. Intom uħud kbar fl-​età, għandkom l-​esperjenza li ġibtu matul is-​snin u ż-​żgħażagħ għandhom is-​saħħa u l-​enerġija. Meta wħud żgħar u wħud kbar fl-​età jaħdmu flimkien bħal aħwa, dan iġib tifħir lil Missierna tas-​sema u se tibbenefika l-​kongregazzjoni kollha.

GĦANJA 90 Inkuraġġixxu lil xulxin

a Aħna ferħanin ħafna li fil-​kongregazzjonijiet tagħna għandna ħafna żgħażagħ li jagħmlu l-​almu tagħhom biex jgħinu lill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Hi x’inhi l-​kultura tagħhom, l-​aħwa kbar fl-​età jistgħu jinkuraġġixxu liż-​żgħażagħ biex jużaw saħħithom fix-​xogħol taʼ Ġeħova.

b X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Peress li indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet għalaq 70 sena, hu u l-mara tiegħu rċivew inkarigu ieħor. Huma qed jużaw l-esperjenza tagħhom biex jgħinu lill-aħwa tal-kongregazzjoni li qed jaqdu fiha issa.