Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox”

“Ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox”

“Ħallu s-​sabar iwettaq xogħlu għalkollox, sabiex b’hekk tkunu kompluti u sħaħ f’kull aspett bla ma jonqoskom xejn.”—ĠAKBU 1:4.

GĦANJIET: 135, 139

1, 2. (a) X’nitgħallmu mill-​fatt li Gidegħon u t-​300 raġel tiegħu ssaportew? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) Skont Luqa 21:19, li tissaporti għala hu daqstant importanti?

IPPROVA immaġina l-​battalja li kienet diffiċli u li tgħejjik li kien hemm bejn is-​suldati Iżraelin, immexxijin mill-​Imħallef Gidegħon, u l-​għedewwa tagħhom. Gidegħon u l-​irġiel tiegħu ġrew wara l-​Midjanin u l-​alleati tagħhom il-​lejl kollu għal madwar 32 kilometru! Il-​Bibbja tgħidilna x’ġara wara: ‘Gidegħon wasal ħdejn il-​Ġordan, u qasam, hu u t-​tliet mitt raġel li kienu miegħu, li kienu għajjenin.’ Imma kienu għadhom ma rebħux il-​gwerra, u kienu għadhom iridu jiġġieldu maʼ 15,000 suldat. Dawn l-​għedewwa kienu ħaqruhom għal ħafna snin, u allura l-​Iżraelin għarfu li ma kienx il-​mument li jaqtgħu qalbhom. Għaldaqstant, Gidegħon u l-​irġiel tiegħu baqgħu jiġru wara l-​għedewwa tagħhom u fl-​aħħar rebħulhom!—Imħallfin 7:22; 8:4, 10, 28.

2 Aħna wkoll qed niġġieldu battalja diffiċli u li tgħejjina. L-​għedewwa tagħna jinkludu lil Satana, id-​dinja tiegħu, u l-​imperfezzjonijiet tagħna stess. Xi wħud minna ilhom jiġġieldu kontra dawn l-​għedewwa għal ħafna snin. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, irbaħna ħafna battalji. Madankollu, għadna ma rbaħniex ir-​rebħa finali. Kultant għandu mnejn negħjew niġġieldu. Jew forsi negħjew nistennew it-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar. Ġesù wissa li se jkollna provi diffiċli u persekuzzjoni ħarxa matul l-​aħħar jiem. Imma hu qal ukoll li jekk nistabru, jew nissaportu, aħna nistgħu nirbħu. (Aqra Luqa 21:19.) X’jiġifieri li tistabar? X’se jgħinna nistabru? X’nistgħu nitgħallmu minn dawk li ssaportew? U kif nistgħu ‘nħallu s-​sabar iwettaq xogħlu għalkollox’?—Ġakbu 1:4.

X’JIĠIFIERI LI TISTABAR?

3. X’jiġifieri li tistabar?

3 Fil-​Bibbja, li tistabar tfisser iktar milli sempliċiment tirreżisti, jew tittollera, sitwazzjoni diffiċli. Tinvolvi l-​mod kif naħsbu u nħossuna dwar il-​provi tagħna. Is-​sabar jgħinna nkunu kuraġġużi, leali, u paċenzjużi. Ktieb taʼ referenza jgħid li s-​sabar hi kwalità li tgħinna jkollna tama b’saħħitha u li biha nevitaw milli naqtgħu qalbna meta jkollna l-​provi. Tgħinna nibqgħu sodi u ma niċċaqalqux anki waqt l-​agħar provi. U tħallina nbiddlu dawn il-​provi f’rebħiet u niffokaw fuq il-​miri tagħna, u mhux fuq l-​uġigħ tagħna.

4. Għala nistgħu ngħidu li s-​sabar hu mmotivat mill-​imħabba?

4 L-​imħabba timmotivana nissaportu. (Aqra l-​1 Korintin 13:4, 7.) F’liema aspetti? L-​imħabba għal Ġeħova timmotivana nissaportu dak kollu li jippermetti. (Luqa 22:41, 42) L-​imħabba għal ħutna tgħinna nissaportu l-​imperfezzjonijiet tagħhom. (1 Pietru 4:8) L-​imħabba għas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna fiż-​żwieġ tgħinna nissaportu t-​“tribulazzjoni” li anki koppji miżżewġin u ferħanin ikollhom. L-​imħabba tgħin biex iż-​żwieġ tagħna jissaħħaħ.—1 Korintin 7:28.

X’SE JGĦINEK TISTABAR?

5. Ġeħova għala hu l-​aqwa wieħed biex jgħinna nistabru?

5 Itlob lil Ġeħova għas-​saħħa. Ġeħova hu “l-​Alla li jipprovdi s-​sabar u l-​faraġ.” (Rumani 15:5) Hu l-​uniku wieħed li jifhem għalkollox is-​sitwazzjoni tagħna, is-​sentimenti tagħna, u l-​ambjent li nkunu fih. Allura, hu jaf eżatt x’għandna bżonn biex nistabru. Il-​Bibbja tgħidilna: “Hu se jwettaq ix-​xewqa taʼ dawk li jibżgħu minnu, u se jismaʼ l-​għajta tagħhom għall-​għajnuna u jsalvahom.” (Salm 145:19) Iżda Alla kif se jwieġeb it-​talb tagħna biex isaħħaħna ħalli nissaportu?

Ġeħova, il-​Wieħed li jifhimna għalkollox, jaf eżatt x’għandna bżonn biex nistabru

6. Bħalma hu mwiegħed fil-​Bibbja, Ġeħova kif jistaʼ ‘jiftħilna t-​triq’ meta nkunu għaddejjin minn provi?

6 Meta nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna, hu jwegħedna li se ‘jiftħilna t-​triq.’ (Aqra l-​1 Korintin 10:13.) Kif jagħmel dan? Kultant, jistaʼ jneħħi l-​prova. Imma f’ħafna mill-​każijiet, jagħtina s-​saħħa ħalli ‘nissaportu bis-​sħiħ u nibqgħu nistabru bil-​ferħ.’ (Kolossin 1:11) U minħabba li jaf sew il-​limiti fiżiċi, mentali, u emozzjonali tagħna, Ġeħova qatt ma jħalli sitwazzjoni ssir tant diffiċli li ma nkunux nistgħu nibqgħu leali.

7. Agħti eżempju għala għandna bżonn ikel spiritwali biex nissaportu.

7 Ħalli l-​ikel spiritwali jsaħħaħ il-​fidi tiegħek. Għala hu importanti l-​ikel spiritwali? Biex nagħtu eżempju: Sabiex jitlaʼ l-​Muntanja Everest, individwu għandu bżonn madwar 6,000 kalorija kuljum. Dan hu ħafna iktar minn kemm normalment individwu jkollu bżonn. Sabiex jissaporti u jilħaq il-​mira tiegħu, wieħed li jkun se jitlaʼ muntanja bħal din ikollu jiekol ikel li jkun fih ħafna kaloriji. B’mod simili, għandna bżonn ħafna ikel spiritwali biex nissaportu u biex nilħqu l-​mira tagħna. Irridu nkunu determinati li nqattgħu ħin fl-​istudju personali u li nattendu l-​laqgħat. Dawn l-​attivitajiet se jagħtuna dak li jkollna bżonn biex inżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha.—Ġwanni 6:27.

8, 9. (a) Skont Ġob 2:4, 5, x’inhu involut meta nħabbtu wiċċna maʼ provi? (b) Meta tiffaċċja provi, liema xena inviżibbli tistaʼ timmaġina?

8 Ftakar li għandek tkun leali lejn Alla. Meta nkunu għaddejjin minn provi, ikun hemm iktar involut apparti s-​sofferenza tagħna. Il-​lealtà lejn Alla tkun qed tiġi ttestjata. Kif nirreaġixxu għal provi juri jekk hux qed inqisu lil Ġeħova bħala l-​Mexxej veru tal-​univers. Għala ngħidu hekk? Satana, l-​għadu t’Alla li jopponi t-​tmexxija Tiegħu, insulta lil Ġeħova billi qal li n-​nies jaqdu lill-​Alla għal raġunijiet egoistiċi biss. Satana qal: “Raġel jagħti kulma jkollu għal ruħu.” Imbagħad Satana dwar Ġob qal: “Imma issa midd idek, jekk jogħġbok, u misslu s’għadmu u laħmu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek.” (Ġob 2:4, 5) Satana nbidel minn mindu għamel din l-​istqarrija? Lanqas xejn! Ħafna snin wara, meta Satana twaddab għal isfel mis-​sema, xorta baqaʼ jakkuża l-​qaddejja leali t’Alla. (Rivelazzjoni 12:10) Illum, Satana għadu jsostni li n-​nies iqimu lill-​Alla għal raġunijiet egoistiċi. Hu ħerqan biex jarana nirrifjutaw id-​dritt li Alla għandu biex imexxi. Hu jixtieq ħafna li nieqfu naqdu lil Ġeħova.

9 Meta tkun qed issofri matul prova, ipprova immaġina din ix-​xena inviżibbli. Fuq naħa hemm Satana u d-​demonji tiegħu. Huma qed jaraw x’se tagħmel u qed isostnu li int se taqtaʼ qalbek. Fuq in-​naħa l-​oħra hemm Ġeħova, is-​Sultan tagħna Ġesù Kristu, il-​midlukin li ġew irxoxtati, u eluf t’anġli. Huma wkoll qed jarawk tissielet, imma qed jagħmlulek kuraġġ! Huma ferħanin jaraw li qed tissaporti u tibqaʼ leali lejn Ġeħova. Imbagħad tismaʼ lil Ġeħova jgħidlek: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.”—Proverbji 27:11.

Ġesù ffoka fuq il-​premjijiet li kienu se jiġu jekk jibqaʼ jissaporti

10. Kif tistaʼ timita lil Ġesù meta jkollok tissaporti?

10 Iffoka fuq il-​premjijiet. Immaġina li qed tivvjaġġa. Matul il-​vjaġġ, ikollok tgħaddi minn mina twila. Kull fejn tħares ikun mudlam. Imma int taf li jekk tkompli għaddej u tkun eqreb lejn l-​aħħar tal-​mina, se terġaʼ tara d-​dawl. Il-​ħajja tistaʼ tkun bħal dan il-​vjaġġ. Għandu mnejn ikollok tgħaddi minn ħafna żminijiet diffiċli, u forsi tkun tħossok mifni bil-​problemi tiegħek. Anki Ġesù setaʼ ħassu b’dan il-​mod. Meta kien qed jiġi maqtul fuq iz-​zokk tat-​tortura, kien umiljat u muġugħ ħafna. Dan żgur li kien l-​iktar żmien diffiċli għalih! X’għenu jissaporti? Il-​Bibbja tgħid li hu ħares lejn il-​“ferħ li tqiegħed quddiemu.” (Ebrej 12:2, 3) Ġesù ffoka fuq il-​premjijiet li kienu se jiġu jekk jibqaʼ jissaporti. L-​iktar importanti għalih kien li se jkollu parti f’li jqaddes isem Alla u f’li jappoġġa d-​dritt Tiegħu li jmexxi. Hu kien jaf li l-​prova kienet temporanja u li l-​premju tiegħu fis-​sema kien se jdum għal dejjem. Illum, il-​provi li tiffaċċja għandhom mnejn iħalluk bla nifs u jkunu taʼ wġigħ, imma ftakar li huma biss temporanji.

“DAWK LI SSAPORTEW”

11. Għala għandna nikkunsidraw l-​esperjenzi taʼ “dawk li ssaportew”?

11 M’għandniex għalfejn nissaportu waħedna. Sabiex jinkuraġġixxi Kristjani biex jissaportu l-​ħafna provi minn Satana, l-​appostlu Pietru kiteb: “Intom iqfulu, sodi fil-​fidi, għax tafu li sofferenzi bħal dawn qed iseħħu fil-​fratellanza kollha fid-​dinja.” (1 Pietru 5:9) L-​esperjenzi taʼ “dawk li ssaportew” jgħallmuna kif nibqgħu leali, jaċċertawna li nistgħu nirnexxu, u jfakkruna li l-​lealtà tagħna se tkun premjata. (Ġakbu 5:11) Ħalli nikkunsidraw ftit eżempji. [1]—Ara n-​nota fl-​aħħar.

12. X’nitgħallmu mill-​eżempju tal-​kerubini li tqiegħdu fl-​Għeden?

12 Il-​kerubini huma anġli taʼ pożizzjoni għolja. Wara li Adam u Eva dinbu, Ġeħova ta lil xi kerubini inkarigu ġdid fuq l-​art. Kien differenti ħafna mill-​inkarigu li kellhom fis-​sema. L-​eżempju tagħhom jistaʼ jgħallimna kif nistgħu nissaportu meta jkollna inkarigu diffiċli. Il-​Bibbja tgħid li Ġeħova “fil-​lvant tal-​ġnien taʼ l-​Għeden qiegħed il-​kerubini u x-​xafra taqbad taʼ xabla li kienet iddur kontinwament biex tgħasses it-​triq lejn is-​siġra tal-​ħajja.” [2] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) (Ġenesi 3:24) Il-​Bibbja ma tgħidx li l-​kerubini gergru jew ħassew li kienu importanti wisq biex iwettqu l-​inkarigu ġdid tagħhom. Ma ddejqux jew qatgħu qalbhom. Anzi, huma baqgħu fl-​inkarigu tagħhom sakemm tlesta x-​xogħol tagħhom, forsi fi żmien id-​Dulluvju, iktar minn 1,600 sena wara!

13. Ġob kif setaʼ jissaporti l-​provi tiegħu?

13 Ir-​raġel leali Ġob. Kultant forsi tħossok muġugħ minħabba li ħabib jew membru tal-​familja ikun qal xi ħaġa li tiskuraġġixxi. Jew forsi int marid serjament jew qed issofri t-​telfa taʼ xi ħadd li tħobb. Madankollu, jiġri x’jiġri, tistaʼ ssib faraġ fl-​eżempju taʼ Ġob. (Ġob 1:18, 19; 2:7, 9; 19:1-​3) Ġob ma kienx jaf għala f’daqqa waħda kien għaddej minn ħafna provi, imma qatt ma qataʼ qalbu. X’għenu jissaporti? L-​ewwel ħaġa, hu kien iħobb lil Ġeħova u kien jibżaʼ li ma jogħġbux. (Ġob 1:1) Ġob ried jogħġob lill-​Alla kemm meta kollox kien għaddej ħarir u kemm fi żminijiet diffiċli. Iktar minn hekk, Ġeħova għen lil Ġob jara l-​qawwa Tiegħu billi qallu dwar xi affarijiet tal-​għaġeb li Hu għamel. Dan ikkonvinċa lil Ġob saħansitra iktar li Ġeħova se jtemm il-​provi tiegħu f’waqthom. (Ġob 42:1, 2) U hekk ġara. ‘Ġeħova temm it-​tribulazzjoni taʼ Ġob u beda jagħti lil Ġob id-​doppju taʼ kulma kellu qabel.’ Ġob miet “xiħ u mimli bl-​għomor,” u kellu ħajja sodisfaċenti.—Ġob 42:10, 17.

14. Skont it-​2 Korintin 1:6, Pawlu kif għen lil oħrajn minħabba li ssaporta?

14 L-​appostlu Pawlu. Qed issofri oppożizzjoni ħarxa jew saħansitra persekuzzjoni? Int qed taqdi bħala anzjan f’kongregazzjoni jew indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet li tħossok mgħobbi b’ħafna responsabbiltajiet? Jekk iva, l-​eżempju taʼ Pawlu jistaʼ jgħinek. Pawlu sofra minħabba persekuzzjoni ħarxa, u hu dejjem inkwieta dwar l-​aħwa tal-​kongregazzjonijiet. (2 Korintin 11:23-​29) Imma Pawlu qatt ma qataʼ qalbu, u l-​eżempju tiegħu saħħaħ lil oħrajn. (Aqra t-​2 Korintin 1:6.) Bl-​istess mod, meta tissaporti tkun tistaʼ tinkuraġġixxi lil ħaddieħor biex jissaporti.

IS-​SABAR SE “JWETTAQ XOGĦLU GĦALKOLLOX” FIK?

15, 16. (a) Is-​sabar liema ‘xogħol’ għandu jwettaq għalkollox? (b) Agħti eżempji kif nistgħu ‘nħallu s-​sabar iwettaq xogħlu għalkollox.’

15 Id-​dixxiplu Ġakbu kien ispirat biex jikteb: “Ħallu s-​sabar iwettaq xogħlu għalkollox, sabiex b’hekk tkunu kompluti u sħaħ f’kull aspett bla ma jonqoskom xejn.” (Ġakbu 1:4) Is-​sabar kif iwettaq “xogħlu” għalkollox fina? Meta ngħaddu minn prova, għandu mnejn ninnotaw li għandna bżonn nuru iktar paċenzja, apprezzament, jew imħabba. Hekk kif nissaportu l-​prova, se nitgħallmu nuru dawn il-​kwalitajiet saħansitra iktar, u b’dan il-​mod se ntejbu l-​personalità Kristjana tagħna.

Meta nissaportu l-provi, il-personalità Kristjana tagħna tissaħħaħ (Ara paragrafi 15, 16)

16 Minħabba li s-​sabar jistaʼ jagħmilna Kristjani aħjar, aħna ma rridux niksru l-​liġi taʼ Ġeħova għas-​sempliċi fatt biex inġibu fi tmiem il-​prova tagħna. Pereżempju, jekk qed tiġġieled maʼ ħsibijiet immorali, taqax għat-​tentazzjoni! Itlob lil Ġeħova biex tneħħi l-​ħsibijiet ħżiena. Għandek membru tal-​familja li qed jagħmillek l-​oppożizzjoni? Taqtax qalbek! Kun determinat li tkompli taqdi lil Ġeħova. B’hekk, se ssaħħaħ il-​fidi tiegħek f’Ġeħova. Ftakar: Sabiex ikollna l-​approvazzjoni t’Alla, ikollna nissaportu.—Rumani 5:3-​5; Ġakbu 1:12.

17, 18. (a) Agħti eżempju biex turi l-​importanza taʼ li nissaportu sal-​aħħar. (b) Hekk kif nersqu eqreb lejn it-​tmiem, liema fiduċja jistaʼ jkollna?

17 Aħna għandna nissaportu, mhux biss għal perijodu taʼ żmien, imma sal-​aħħar. Immaġina vapur li qed jegħreq. Sabiex il-​passiġġieri jsalvaw għandhom jgħumuha sax-​xatt. L-​individwu li jaqtaʼ qalbu wara ftit li jibda jgħum se jegħreq. B’mod simili, l-​individwu li jaqtaʼ qalbu eżatt qabel jasal ix-​xatt se jegħreq ukoll. Jekk irridu ngħixu fid-​dinja l-​ġdida, hemm bżonn li nkomplu nissaportu. Ejja jkollna l-​istess attitudni bħal dik tal-​appostlu Pawlu, li qal biex “ma naqtgħux qalbna.”—2 Korintin 4:1, 16.

18 Bħal Pawlu, aħna konvinti għall-​aħħar li Ġeħova se jgħinna nissaportu sal-​aħħar. Pawlu kiteb: “Qed noħorġu rebbiħin għalkollox permezz taʼ dak li ħabbna. Għax jien konvint li la l-​mewt, la l-​ħajja, la l-​anġli, la l-​gvernijiet, la l-​affarijiet t’issa, la l-​affarijiet li għad iridu jiġu, la l-​qawwiet, la l-​għoli u lanqas il-​fond, u l-​ebda ħolqien ieħor ma jistaʼ jifridna mill-​imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.” (Rumani 8:37-​39) Huwa minnu li xi kultant se nkunu għajjenin. Imma ejja nimitaw lil Gidegħon u l-​irġiel tiegħu. Huma għejew, imma ma qatgħux qalbhom. Huma “baqgħu jiġru wara l-​għadu.”—Imħallfin 8:4.

^ [1] (paragrafu 11) Int se ssib taʼ inkuraġġiment ukoll li tirrivedi dak li n-​nies t’Alla ssaportew fi żminijiet moderni. Pereżempju, il-​Yearbooks tal-​1992, 1999, u 2008 jinkludu rapporti taʼ ħutna fl-​Etjopja, il-​Malawi, u r-​Russja.

^ [2] (paragrafu 12) Il-​Bibbja ma tgħidx kemm kien hemm kerubini li ġew inkarigati biex jagħmlu dan.