Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Sorijiet li issa huma aħwa spiritwali taʼ veru

Sorijiet li issa huma aħwa spiritwali taʼ veru

ĦAFNA snin ilu, Araceli, oħti li kienet iżgħar minni, irrabjat u għajtet: “Tibqax titkellem iżjed miegħi. Ma rrid nismaʼ xejn iżjed dwar ir-​reliġjon tiegħek. Dardartli l-​istonku tiegħi. Nobogħdok!” Kliemha weġġagħni ħafna. Jien issa għandi 91 sena, u kliemha għadni niftakru b’mod ċar. Imma bħalma jgħid Ekkleżjasti 7:8, “aħjar it-​tmiem taʼ xi ħaġa milli l-​bidu tagħha.”—Felisa.

Felisa: Jien trabbejt f’familja umli fi Spanja. Il-​familja tiegħi kienet Kattolika, u aħna konna reliġjużi ħafna. Infatti, 13 mill-​qraba tiegħi kienu qassisin jew kienu jaħdmu għall-​knisja. Il-​kuġin t’ommi kien qassis u għalliem fi skola Kattolika. Wara mewtu, il-​Papa Ġwanni Pawlu II onorah billi għamlu beatu. Missieri kien jaħdem fix-​xogħol tal-​metall, u ommi kienet taħdem fl-​għelieqi. Aħna konna tmint itfal, u jien kont il-​kbira.

Meta kelli 12-​il sena, bdiet gwerra ċivili fi Spanja. Wara li spiċċat il-​gwerra, missieri ntbagħat il-​ħabs għax il-​gvern dittatorjali ma kinux jogħġbuh l-​ideat politiċi tiegħu. Kien diffiċli għal ommi biex issib ikel biżżejjed għalina lkoll. Għalhekk, bagħtet lit-​tliet ħuti bniet żgħar, Araceli, Lauri, u Ramoni, biex jgħixu mas-​sorijiet f’kunvent fil-​belt taʼ Bilbao. Hemmhekk, ħuti kien se jkollhom biżżejjed ikel x’jieklu.

Araceli: Dak iż-​żmien jien kelli 14-​il sena, Lauri kellha 12-​il sena, u Ramoni kellha 10 snin. Aħna mmissjajnieha ħafna l-​familja tagħna. Fil-​kunvent xogħolna kien li nnaddfu. Sentejn wara, is-​sorijiet bagħtuna f’kunvent kbir f’Zaragoza fejn kienu jieħdu ħsieb uħud avvanzati fl-​età. Kellna naħdmu iebes innaddfu l-​kċina, u dan kien jgħejjina ħafna.

Felisa: Meta ħuti l-​bniet marru l-​kunvent f’Zaragoza, ommi u zijuwi, li kien il-​qassis tal-​lokal, iddeċidew li jibagħtuni hemm ukoll. Riedu jżommuni ’l bogħod minn żagħżugħ li kien iħobbni. Kont inħares ’il quddiem li nqattaʼ ftit taż-​żmien f’kunvent għax lil Alla kont inħobbu. Mort il-​knisja kuljum, u saħansitra ridt insir missjunarja Kattolika bħall-​kuġin tiegħi fl-​Afrika.

Xellug: Il-kunvent f’Zaragoza, fi Spanja; lemin: It-traduzzjoni tal-Bibbja Nácar-Colunga

Imma fil-​kunvent ħassejt li ħafna mill-​affarijiet li ridt nagħmel ma stajtx nagħmilhom. Is-​sorijiet ma kinux jinkuraġġuni biex immur naqdi lil Alla f’pajjiż ieħor, bħalma kont ittamajt li nagħmel. Għalhekk sena wara, mort lura d-​dar u ħadt ħsieb lil zijuwi, il-​qassis. Kont nagħmillu x-​xogħol tad-​dar, u kull filgħaxija konna ngħidu r-​Rużarju flimkien. Ukoll, kont nieħu pjaċir nieħu ħsieb l-​arranġamenti tal-​fjuri fil-​knisja u nlibbes lill-​istatwi taʼ Marija u tal-​“qaddisin.”

Araceli: Meta kont f’Zaragoza, ħadt l-​ewwel wegħdi meħtiġin biex insir soru. Imbagħad, is-​sorijiet iddeċidew li jifirduna minn maʼ xulxin. Għalhekk, lili bagħtuni f’kunvent f’Madrid u lil Lauri bagħtuha f’kunvent f’Valenzja. Ramoni baqgħet f’Zaragoza. F’Madrid, ħadt it-​tieni sett taʼ wegħdi biex insir soru. Ħafna nies, bħal studenti u wħud avvanzati fl-​età, ġew joqogħdu fil-​kunvent. Għalhekk kien hemm ħafna xogħol xi jsir. Jien ħdimt fl-​isptar tal-​kunvent.

Jien kont inħares ’il quddiem li nsir soru. Ħsibt li konna se nqattgħu ħafna ħin naqraw il-​Bibbja u nitgħallmu dwarha. Imma kont iddiżappuntata. Ħadd ma kien juża l-​Bibbja jew saħansitra jitkellem dwar Alla jew Ġesù. Kont tgħallimt ftit Latin, studjajt dwar il-​ħajja tal-​“qaddisin” Kattoliċi, u kont inqim lil Marija. Imma ħafna mill-​ħin ma konna nagħmlu xejn ħlief xogħol iebes.

Bdejt inħossni stressjata u inkwetata. Ħassejt li missni qiegħda naqlaʼ l-​flus ħalli ngħin lill-​familja tiegħi minflok naħdem fil-​kunvent biex nagħmel lil nies oħrajn sinjuri. Għalhekk kellimt lill-​madre superjura dwar dan u għedtilha li ridt nitlaq. Imma hi sakkritni f’ċella. Ħasbet li billi tagħmilli hekk kienet se tikkonvinċini nibqaʼ hemm.

Is-​sorijiet ħarġuni miċ-​ċella, imma meta raw li jien xorta għadni rrid nitlaq mill-​kunvent, reġgħu sakkruni fiċ-​ċella. Wara li ġara hekk tliet darbiet, qaluli li nistaʼ nitlaq jekk nikteb dan li ġej: “Jien se nitlaq għax nippreferi li naqdi lil Satana milli lil Alla.” Ixxokkjajt ruħi. Jien tassew li ridt nitlaq, imma ma kontx se nikteb dan il-​kliem. Fl-​aħħar, għedtilhom li rrid inkellem qassis, u għedtlu x’kien ġara. Hu ġab permess mingħand l-​isqof biex jibgħatni lura l-​kunvent f’Zaragoza. Wara li għaddejt ftit tax-​xhur hemm, ħallewni nitlaq. Ftit wara, Lauri u Ramoni wkoll telqu mill-​kunvent.

KTIEB LI FIRIDNA

Felisa

Felisa: Ftit taż-​żmien wara, jien iżżewwiġt u mort noqgħod f’Cantabria, provinċja taʼ Spanja. Xorta bqajt immur il-​knisja b’mod regulari. Darba waħda l-​Ħadd, fil-​knisja, il-​qassis b’rabja għajjat, “Ħarsu lejn dan il-​ktieb!” Uriena l-​ktieb Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna. Hu qal, “Jekk xi ħadd takom ktieb bħal dan, agħtuh lili jew armuh!”

Jien ma kellix dak il-​ktieb, imma ridt wieħed. Imbagħad, ftit tal-​jiem wara, żewġ nisa ġew id-​dar tiegħi. Kienu Xhieda taʼ Ġeħova, u offrewli dan il-​ktieb. Qrajtu dak il-​lejl stess. Meta reġgħu ġew, staqsewni jekk ridtx nistudja l-​Bibbja, u jien għedtilhom iva.

Il-ktieb Verità

Minn dejjem xtaqt nogħġob lil Alla. Imbagħad tgħallimt il-​verità dwar Ġeħova, u bdejt insir inħobbu profondament. Ridt ngħid lil kulħadd dwaru. Fl-​1973 tgħammidt. Kull meta stajt, ipprovajt nitkellem mal-​familja tiegħi dwar il-​verità. Imma l-​familja tiegħi, u speċjalment oħti Araceli, insistew li dak li kont nemmen kien ħażin.

Araceli: Minħabba li kont trattata ħażin ħafna meta kont fil-​kunvent, ħassejtni rrabjata u mdejqa bir-​reliġjon tiegħi. Imma bqajt immur il-​knisja kull nhar taʼ Ħadd, u kont ngħid ir-​Rużarju kuljum. Xorta ridt li nifhem il-​Bibbja, u tlabt lil Alla biex jgħinni. Imbagħad Felisa qaltli x’kienet tgħallmet. Tant kienet eċċitata dwar dak li kienet temmen li jien ħsibt li ġġennet. Ma kontx qed naqbel maʼ dak li kienet qed tgħid.

Araceli

Wara xi żmien, mort lura Madrid biex insib xogħol u mbagħad iżżewwiġt. Matul is-​snin, kont qed ninnota li n-​nies li kienu jmorru b’mod regulari l-​knisja ma kinux verament jgħixu fi qbil mat-​tagħlim taʼ Ġesù. Allura waqaft milli mmur il-​knisja. Ma bqajtx nemmen bil-​“qaddisin” jew bin-​nar tal-​infern, u ma bqajtx nemmen li qassis setaʼ jaħfer id-​dnubiet. Saħansitra kont ħlist mix-​xbihat reliġjużi li kelli. Ma kontx naf jekk kontx qed nagħmel il-​ħaġa t-​tajba. Ħassejtni diżappuntata, imma bqajt nitlob lil Alla: “Irrid insir nafek. Għinni!” Niftakar li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kemm-​il darba ħabbtuli l-​bieb, imma qatt ma ftaħtilhom. Ma fdajt lill-​ebda reliġjon.

Oħti Lauri kienet qed tgħix fi Franza, u Ramoni kienet qed tgħix fi Spanja. Madwar l-​1980, huma bdew jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Kont ċerta li, bħal Felisa, ma rrealizzawx li kienu qed jitgħallmu ħafna gideb. Wara xi żmien, iltqajt maʼ Angelines, waħda mill-​ġirien tiegħi, u sirna ħbieb sew. Hi wkoll kienet Xhud taʼ Ġeħova. Angelines u r-​raġel tagħha staqsewni diversi drabi jekk ridtx nistudja l-​Bibbja magħhom. Huma nnotaw li għalkemm għedt li ma jimpurtanix mir-​reliġjon, jien tassew ridt inkun naf dwar il-​Bibbja. Fl-​aħħar għedtilhom: “Orrajt. Naċċetta li nistudja magħkom, imma biss jekk tħalluni nuża l-​Bibbja tiegħi!” Kelli t-​traduzzjoni tal-​Bibbja Nácar-​Colunga.

IL-​BIBBJA FL-​AĦĦAR GĦAQQDITNA

Felisa: Meta tgħammidt fl-​1973, kien hemm madwar 70 Xhud f’Santander, il-​belt kapitali taʼ Cantabria. Kellna nivvjaġġaw ’il bogħod biex inxandru lin-​nies kollha fil-​mijiet taʼ rħula fil-​provinċja. Għalhekk konna nivvjaġġaw b’tal-​linja u mbagħad bil-​karozza biex immorru minn raħal għal raħal.

Matul is-​snin, studjajt il-​Bibbja maʼ ħafna nies, u 11 minnhom tgħammdu. Il-​maġġorparti tan-​nies li studjajt magħhom kienu Kattoliċi. Kelli nkun paċenzjuża magħhom. Bħali, huma kellhom bżonn iż-​żmien biex jirrealizzaw li dak li kienu jemmnu kien ħażin. Kont naf li kien biss permezz tal-​Bibbja u tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova li persuna setgħet tbiddel il-​mod kif taħseb u tifhem il-​verità. (Ebrej 4:12) Ir-​raġel tiegħi, Bienvenido, li qabel kien pulizija, tgħammed fl-​1979, u ommi bdiet tistudja l-​Bibbja mhux ħafna qabel mietet.

Araceli: Meta bdejt nistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, ħassejt li ma stajtx nafdahom. Imma hekk kif beda għaddej iż-​żmien, ma bqajtx inħossni hekk. Ix-​Xhieda mhux biss għallmu l-​Bibbja imma wkoll obdew it-​tagħlim tagħha. Il-​fidi tiegħi f’Ġeħova u l-​Bibbja bdiet tikber, u ħassejtni ħafna iktar ferħana. Uħud mill-​ġirien tiegħi bdew jinnotaw din il-​bidla u qaluli, “Araceli, ibqaʼ għaddejja fit-​triq li għażilt!”

Niftakarni nitlob, “Grazzi, Ġeħova, li ma qtajtx qalbek minni u li tajtni ħafna opportunitajiet biex insib dak li kont qed infittex—l-​għarfien veru tal-​Bibbja.” Tlabt ukoll lil oħti Felisa biex taħfirli talli kont għedtilha kliem li jweġġaʼ. Minn dakinhar ’il quddiem, minflok ma konna nargumentaw maʼ xulxin, konna nieħdu pjaċir nitkellmu dwar il-​Bibbja. Tgħammidt fl-​1989, meta kelli 61 sena.

Felisa: Issa jien għandi 91 sena. Żewġi miet, u m’għadnix nistaʼ nagħmel daqs kemm kont nagħmel qabel. Imma xorta naqra l-​Bibbja kuljum, u mmur il-​laqgħat u noħroġ fil-​ministeru kull meta nkun nistaʼ.

Araceli: Inħobb nitkellem dwar Ġeħova maʼ kull qassis u soru li niltaqaʼ, forsi minħabba li qabel kont soru. Kien ikolli diskussjonijiet interessanti maʼ xi wħud minnhom, u ħafna ħaduli l-​kotba u r-​rivisti. Niftakar b’mod partikulari ċertu qassis. Wara li kellimtu ftit drabi, hu qabel maʼ dak li kont qed ngħid. Imbagħad qalli: “Imma għall-​età li għandi fejn nistaʼ mmur? Il-​parruċċani u l-​familja tiegħi kieku x’jgħidu?” Jien wiġibtu: “U Alla x’se jgħid?” Hu rrealizza li kelli raġun, u stajt nara li kien imdejjaq. Imma donnu ma kellux il-​kuraġġ li jinbidel.

Qatt m’jien se ninsa meta żewġi qalli li ried jiġi għal xi laqgħa miegħi. Kellu iktar minn 80 sena meta ġie għall-​ewwel darba l-​laqgħa, u minn dakinhar ’il quddiem qatt ma tilef laqgħa. Hu studja l-​Bibbja u beda jipprietka. Għandi ħafna memorji sbieħ tagħna t-​tnejn taʼ meta konna naħdmu flimkien fil-​ministeru. Hu miet xahrejn qabel il-​ġurnata taʼ meta kellu jitgħammed.

Felisa: Meta bdejt naqdi ’l Ġeħova, it-​tliet ħuti bniet iżgħar minni ma kinux jaqblu miegħi. Imma maż-​żmien, anki huma aċċettaw il-​verità. Din kienet verament waħda mill-​aqwa affarijiet li qatt ġratli. Wara, stajna nieħdu pjaċir inqattgħu ħin flimkien nitkellmu dwar l-​għażiż Alla tagħna, Ġeħova, u l-​Kelma tiegħu! Fl-​aħħar, ilkoll konna qed inqimu lil Ġeħova. *

^ par. 29 Araceli għandha 87 sena, Felisa għandha 91 sena, u Ramoni għandha 83 sena. Huma għadhom jaqdu lil Ġeħova bil-​lealtà. Lauri mietet fl-​1990, u hi wkoll baqgħet leali lejn Ġeħova.