Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 18

‘Iġri t-Tiġrija sal-Aħħar’

‘Iġri t-Tiġrija sal-Aħħar’

“Jien . . . ġrejt il-​korsa [jew, it-​tiġrija] sat-​tmiem.”—2 TIM. 4:7.

GĦANJA 129 Aħna se nibqgħu nissaportu

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Xi rridu nagħmlu lkoll kemm aħna?

TAĦSEB li se tkun trid tiġri f’tellieqa li taf li se tkun diffiċli, speċjalment jekk tħossok ma tiflaħx jew għajjien? X’aktarx li le. Madankollu, l-​appostlu Pawlu qal li l-​Kristjani veri kollha qegħdin f’tiġrija. (Ebr. 12:1) U lkoll kemm aħna, żgħar jew kbar, b’saħħitna jew għajjenin, irridu nissaportu sal-​aħħar jekk irridu nirċievu l-​premju li Ġeħova se jagħtina.—Mt. 24:13.

2. Kif inhu miktub fit-​2 Timotju 4:7, 8, l-​appostlu Pawlu għala kellu l-​libertà tal-​kelma?

2 Pawlu kellu l-​libertà tal-​kelma għax hu kien irnexxielu ‘jiġri t-​tiġrija sat-​tmiem.’ (Aqra t-​2 Timotju 4:7, 8.) Imma, x’inhi eżatt it-​tiġrija li tkellem dwarha Pawlu?

X’INHI EŻATT IT-​TIĠRIJA?

3. X’inhi t-​tiġrija li Pawlu tkellem dwarha?

3 Biex jgħallem lezzjonijiet importanti, Pawlu kultant kiteb dwar affarijiet li kienu jsiru waqt logħob fil-​Greċja tal-​qedem. (1 Kor. 9:25-27; 2 Tim. 2:5) F’diversi okkażjonijiet, hu qabbel il-​ħajja taʼ Kristjan maʼ li wieħed jiġri f’tiġrija. (1 Kor. 9:24; Gal. 2:2; Flp. 2:16) Persuna tibda tiġri din it-​tiġrija meta tiddedika lilha nfisha lil Ġeħova u titgħammed. (1 Pt. 3:21) Hi tispiċċa t-​tiġrija meta Ġeħova jagħtiha l-​premju tal-​ħajja taʼ dejjem.—Mt. 25:31-34, 46; 2 Tim. 4:8.

4. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

4 X’inhuma xi affarijiet simili bejn li tiġri tiġrija twila u li tgħix ħajja taʼ Kristjan? Hemm diversi affarijiet simili. Ejja nikkunsidraw tlieta minnhom. L-​ewwel, irridu nagħżlu t-​triq it-​tajba; it-​tieni, niffokaw li nispiċċaw it-​tiġrija; u t-​tielet, nibqgħu niġru anki meta jkollna l-​problemi.

AGĦŻEL IT-​TRIQ IT-​TAJBA

Kull wieħed minna għandu jiġri fit-​tiġrija għall-​ħajja (Ara paragrafi 5-7) *

5. X’ħajja rridu ngħixu, u għala?

5 Biex wieħed li jieħu sehem f’tellieqa jirbaħ il-​premju, hu jrid jiġri fit-​triq li l-​organizzaturi għażlu. Bl-​istess mod, jekk irridu li nirċievu l-​premju tal-​ħajja taʼ dejjem, aħna rridu ngħixu ħajja Kristjana. (Atti 20:24; 1 Pt. 2:21) Però, Satana u dawk li jimitaw l-​eżempju tiegħu ma jriduniex ngħixu din il-​ħajja. Huma jriduna ‘nkomplu niġru magħhom.’ (1 Pt. 4:4) Huma jwaqqgħu għaċ-​ċajt il-​mod kif ngħixu aħna, u jgħidu li l-​mod kif jgħixu ħajjithom hu aħjar, għax għandhom il-​libertà. Imma dan mhux vera.—2 Pt. 2:19.

6. X’titgħallem mill-​eżempju taʼ Brian?

6 Kull min jgħix bħal dawk li huma influwenzati mid-​dinja taʼ Satana, malajr jindunaw li t-​triq li għażlu ma tagħtihomx libertà. Minflok, huma jsiru lsiera taʼ Satana u tax-​xewqat tagħhom. (Rum. 6:16) Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Brian. Il-​ġenituri tiegħu inkuraġġewh biex jgħix ħajja Kristjana. Meta kien żagħżugħ, hu ma kienx ċert jekk din il-​ħajja kinitx se tagħmlu ferħan. Brian iddeċieda li jiġri maʼ dawk li għażlu li jgħixu ħajjithom skont il-​livelli taʼ Satana. Hu jgħid: “Mur għidli li dik il-​libertà li kont nixtieq kienet se twassalni għall-​vizzji ħżiena! Maż-​żmien, bdejt nieħu d-​drogi, nabbuża mill-​alkoħol, u ngħix ħajja immorali. Iktar ma għadda żmien, jien bdejt nesperimenta bid-​drogi iktar qawwijin u spiċċajt niddependi fuqhom. . . . Biex inlaħħaq maʼ din it-​tip taʼ ħajja spiċċajt inbigħ id-​drogi.” Wara dan, Brian iddeċieda li jgħix skont il-​livelli taʼ Ġeħova. Hu biddel il-​mod taʼ ħajja li kien jgħix u tgħammed fl-​2001. Issa, hu verament ferħan li qed jgħix ħajja Kristjana. *

7. Fi qbil maʼ Mattew 7:13, 14, liema żewġ toroq għandna quddiemna?

7 Kemm hu importanti li nagħżlu t-​triq it-​tajba! Satana jridna nieqfu niġru fit-​triq li hi mħarbta “li tieħu għall-​ħajja” u morru fit-​triq spazjuża li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies qegħdin fiha. Din it-​triq hi popolari u faċli biex tkun fiha. Imma din “tieħu għall-​qerda.” (Aqra Mattew 7:13, 14.) Biex nibqgħu fit-​triq it-​tajba u ma nitfixklux minn dawk li mhux qed jimxu mal-​livelli taʼ Ġeħova, aħna rridu nafdaw lil Ġeħova u nisimgħu minnu.

IBQAʼ IFFOKAT U TITFIXKILX

Għandna nibqgħu ffokati u ma nfixklux lil oħrajn (Ara paragrafi 8-12) *

8. Jekk xi ħadd f’tellieqa jitfixkel, x’jagħmel?

8 Dawk li jiġru f’tiġrija b’distanza twila jkunu ffokati fuq dak li hemm quddiemhom biex ma jitfixklux. Minkejja dan, huma xorta waħda jistgħu bi żball jitfixklu minħabba xi ħadd li jkun qed jiġri magħhom jew xi ħaġa li jkun hemm fit-​triq. Jekk jaqgħu, huma jqumu u jkomplu jiġru. Għax huma ma jiffokawx fuq dak li jfixkilhom, imma li jispiċċaw it-​tiġrija u jieħdu l-​premju li jkunu jixtiequ jirbħu.

9. Jekk nitfixklu, x’irridu nagħmlu?

9 Fit-​tiġrija tagħna, aħna nistgħu nitfixklu ħafna drabi, nistgħu niżbaljaw f’dak li ngħidu jew nagħmlu. Jew dawk li qed jiġru magħna jagħmlu xi żbalji u jweġġgħuna. Dawn l-​affarijiet nistennewhom. Aħna lkoll imperfetti, u lkoll kemm aħna qed niġru fl-​istess triq li twassal għal ħajja. Allura xi darba jew oħra nistgħu nfixklu lil xulxin. Pawlu ammetta li xi kultant aħna se nġiegħlu lil xi ħadd “jilmenta.” (Kol. 3:13) Imma minflok ma niffokaw fuq dak li fixkilna, ejja niffokaw fuq il-​premju li hemm quddiemna. U jekk nitfixklu, ejja nagħżlu li nqumu u nkomplu niġru. Jekk nibqgħu rrabjati u nirrifjutaw li nibqgħu naqdu lil Ġeħova, aħna mhux se nispiċċaw it-​tiġrija u se nitilfu l-​premju. Barra minn hekk, aħna se nfixklu lil dawk li qed jipprovaw jiġru t-​tiġrija fit-​triq li twassal għal ħajja.

10. Kif nistgħu nevitaw li nkunu taʼ tfixkil għal oħrajn?

10 Mod ieħor kif ma nkunux taʼ tfixkil għal oħrajn, hu billi meta jkun possibbli nħalluhom jagħmlu l-​affarijiet bil-​mod li jridu huma minflok kif inkunu nixtiequ aħna. (Rum. 14:13, 19-​21; 1 Kor. 8:9, 13.) B’dan il-​mod, aħna ma nkunux bħal dawk li qed jiġru f’tellieqa letterali. Huma jikkompetu bejniethom, u kull wieħed minnhom jaħdem iebes biex jirbaħ il-​premju hu. Dawn moħħhom biss f’li jirbħu t-​tellieqa. Allura forsi biex jiġu fuq quddiem, jimbottaw lil oħrajn. B’kuntrast, aħna mhux qed nikkompetu bejnietna. (Gal. 5:26; 6:4) Il-​mira tagħna hi li ngħinu lil kemm jistaʼ jkun nies jispiċċaw it-​tiġrija u jieħdu l-​premju tal-​ħajja. Għalhekk, aħna nipprovaw napplikaw il-​parir li tana l-​appostlu Pawlu meta qal: “Tfittxux l-​interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.”—Flp. 2:4.

11. Dak li jkun qed jiġri f’tellieqa fuq xiex jiffoka, u għala?

11 Apparti dak li hemm quddiemhom, dawk li jiġru f’tiġrija letterali jiffokaw fuq li jispiċċawha. Anki jekk xi wħud li qed jiġru ma jistgħux jaraw il-​linja fejn tispiċċa t-​tiġrija, huma jistgħu jimmaġinaw lilhom nfushom jaqbżu l-​linja finali u jirċievu l-​premju. Billi jżommu l-​premju ċar f’moħħhom, huma jibqgħu mmotivati.

12. Ġeħova xi pprovdielna?

12 Ġeħova, bi mħabba jagħti garanzija lill-​poplu tiegħu li jekk jispiċċaw it-​tiġrija li qed jiġru, hu se jippremjahom. Dan il-​premju hu ħajja taʼ dejjem fis-​sema jew fuq l-​art magħmula ġenna. Il-​Bibbja tiddeskrivi dan ir-​rigal sabiex inkunu nistgħu nifhmu kemm se tkun sabiħa l-​ħajja. Iktar ma naħsbu dwar il-​futur mill-​isbaħ li Ġeħova wegħedna, iktar se nkunu determinati li nissaportu.

IBQAʼ IĠRI MINKEJJA L-​ISFIDI

Aħna rridu nkomplu fit-​tiġrija għall-​ħajja minkejja sfidi personali (Ara paragrafi 13-20) *

13. Aħna x’għandna iktar minn dawk li jiġru f’tiġrija letterali?

13 Fil-​Greċja, dawk li kienu jiġru f’tiġrija kellhom jegħlbu diversi sfidi, bħall-​għejja u l-​uġigħ. Imma huma setgħu jiddependu biss fuq it-​taħriġ u s-​saħħa tagħhom. Bħalhom, anki aħna nirċievu taħriġ biex inkomplu niġru t-​tiġrija li qegħdin fiha. Imma aħna għandna xi ħaġa li dawk li jiġru f’tiġrija letterali ma għandhomx. Aħna nistgħu nirċievu l-​qawwa mingħand Ġeħova. Il-​qawwa tiegħu hi bla limitu. Jekk nistrieħu fuq Ġeħova, hu mhux biss iwiegħed li se jħarriġna imma anki jissodana!—1 Pt. 5:10.

14. It-​2 Korintin 12:9, 10 kif jgħinna niffaċċjaw l-​isfidi?

14 Pawlu kellu jiffaċċja diversi sfidi. Apparti li ġie mgħajjar u ppersegwitat, hu ġieli ħassu dgħajjef u kellu jkampa maʼ xi ħaġa li hu sejħilha “xewka fil-​laħam.” (2 Kor. 12:7) Imma minflok ma ra dawn l-​isfidi bħala raġuni biex jaqtaʼ qalbu, hu rahom bħala opportunità biex jistrieħ fuq Ġeħova. (Aqra t-​2 Korintin 12:9, 10.) Minħabba li Pawlu kellu din l-​attitudni, Ġeħova għenu fil-​provi kollha tiegħu.

15. Jekk nimitaw lil Pawlu, x’se nesperjenzaw?

15 Anki aħna forsi niġu mgħajrin jew ippersegwitati minħabba l-​fidi tagħna. Jistaʼ jkun ukoll li rridu nkampaw maʼ saħħa batuta u għejja kbira. Imma jekk nimitaw lil Pawlu, kull sfida tistaʼ tkun opportunità biex nesperjenzaw l-​għajnuna bi mħabba li jagħtina Ġeħova.

16. X’tistaʼ tagħmel jekk għandek saħħa batuta?

16 Ilek marid f’sodda għal żmien twil jew tinsab f’wheelchair? Tbati biex timxi jew għandek nuqqas taʼ vista? Jekk iva, tistaʼ int tiġri flimkien maʼ dawk f’saħħithom u żgħar? Dażgur li tistaʼ! Ħafna li huma kbar fl-​età u b’saħħa batuta qed jiġru fit-​triq li twassal għall-​ħajja. Dan ma jagħmluhx bis-​saħħa tagħhom, imma għax jistrieħu fuq Ġeħova għall-​qawwa. Huma jirċievu din il-​qawwa billi jisimgħu l-​laqgħat Kristjani bl-​internet jew billi jaraw vidjows streaming tal-​laqgħat. Ukoll, jieħdu sehem fil-​ministeru billi jagħtu xhieda lit-​tobba, lin-​nurses, jew lill-​qraba tagħhom.

17. Ġeħova kif iħossu dwar dawk li saħħithom hi batuta?

17 Jekk minħabba saħħa batuta ma tistax tagħmel dak kollu li tixtieq għal Ġeħova, taqtax qalbek, u taħsibx li ma tistax tissaporti sal-​aħħar tat-​tiġrija. Ġeħova jħobbok għall-​fidi tiegħek u għall-​affarijiet kollha li għamilt għalih tul is-​snin. U issa, iktar min qatt qabel, int għandek bżonn l-​għajnuna tiegħu u hu żgur li mhux se jitilqek. (Salm 9:10) Mhux talli mhux se jitilqek, imma se jersaq eqreb lejk. Innota dak li qalet oħt li għandha problemi taʼ saħħa: “Minħabba li l-​problemi f’saħħti dejjem jiżdiedu, l-​opportunitajiet biex naqsam l-​verità m’oħrajn dejjem jonqsu. Imma naf li anki l-​iċken sforz li nagħmel iferraħ qalb Ġeħova, u dan vera jagħmilni kuntenta.” Meta tħossok skuraġġit, ftakar li m’intix waħdek. Aħseb fl-​eżempju li ħallilna Pawlu, u fil-​kliem inkuraġġanti tiegħu: “Nitgħaxxaq bid-​dgħjufijiet, . . . għax meta nkun dgħajjef, inkun setgħan.”—2 Kor. 12:10.

18. Xi wħud liema sfidi diffiċli qed jiffaċċjaw?

18 Xi wħud li qed jiġru fit-​tiġrija għall-​ħajja qed jiffaċċjaw sfidi oħra. Huma qed ikampaw maʼ problemi personali li oħrajn ma jafux dwarhom. Pereżempju, jistaʼ jkun li qed ibatu mid-​dipressjoni jew iħossu ansjetà kbira. Dawn it-​tip taʼ sfidi għala huma diffiċli għal dawn l-​uħud mill-​qaddejja taʼ Ġeħova? Għax meta xi ħadd jikser idu jew ikun f’wheelchair, kulħadd ikun jistaʼ jara l-​problema u forsi jiġu mmotivati biex jgħinu. Però, dawk li għaddejjin minn problemi emozzjonali jew mentali, jaf minn barra jidhru li m’għandhom xejn. Imma s-​sitwazzjoni tagħhom hi taʼ uġigħ bħal meta xi ħadd jikser idu jew siequ. Minkejja dan, minħabba li oħrajn ma jistgħux jaraw l-​uġigħ tagħhom, huma jaf ma jagħtuhomx l-​imħabba u l-​attenzjoni li għandhom bżonn.

19. X’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Mefiboset?

19 Jekk int għandek saħħa limitata u tħoss li oħrajn ma jifhmukx, għandu mnejn issib l-​inkuraġġiment mill-​eżempju taʼ Mefiboset. (2 Sam. 4:4) Hu kellu saħħa batuta, u s-​Sultan David kien iġġudikah. Dak li ġara lil Mefiboset ma kienx it-​tort tiegħu. Minkejja dan, hu ma ħalliex dawn l-​affarijiet jirrabjawh. Hu kien japprezza l-​affarijiet tajbin li kellu. Hu apprezza l-​qalb tajba li David wera miegħu fil-​passat. (2 Sam. 9:6-​10) Allura meta David iġġudikah ħażin, hu pprova jara s-​sitwazzjoni kollha. Hu ma ħalliex l-​iżball taʼ David jirrabjah. U ma waħħalx f’Ġeħova għal dak li kien għamillu David. Mefiboset iffoka fuq dak li setaʼ jagħmel biex jagħti sapport lis-​sultan li Ġeħova kien għażel. (2 Sam. 16:1-​4; 19:24-​30) Ġeħova niżżel fil-​Bibbja l-​eżempju eċċellenti taʼ Mefiboset għall-​benefiċċju tagħna.—Rum. 15:4.

20. L-​ansjetà kif tistaʼ taffettwa lil xi wħud, imma minn xiex jistgħu jkunu fiduċjużi?

20 Minħabba ansjetà kbira, xi aħwa rġiel u nisa jħossuhom stressati ħafna u ma jħossuhomx komdi f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm in-​nies. Huma għandu mnejn isibuha diffiċli jkunu maʼ ħafna nies, imma xorta jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet. Huma jsibuha diffiċli wkoll biex jitkellmu maʼ nies li ma jafux, imma xorta jitkellmu man-​nies fil-​ministeru. Jekk dan hu minnu fil-​każ tiegħek, taħsibx li int waħdek. Ħafna nies iħossuhom bħalek. Ftakar li Ġeħova japprezza l-​isforzi mill-​qalb tiegħek. Il-​fatt li ma qtajtx qalbek, hu prova li Ġeħova bierkek u tak il-​qawwa li kellek bżonn. * (Flp. 4:6, 7; 1 Pt. 5:7) Jekk qed taqdi lil Ġeħova minkejja li qed tissaporti saħħa batuta jew problemi emozzjonali, tistaʼ tkun ċert li qed togħġob lil Ġeħova.

21. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, x’se nkunu nistgħu nagħmlu?

21 Grazzi għal Ġeħova, hemm differenza bejn ġirja letterali u dik li tkellem dwarha Pawlu. Fi żminijiet Bibliċi, f’tiġrija wieħed biss kien jirbaħ il-​premju. Imma, kull min jissaporti lealment u jgħix ħajja Kristjana jistaʼ jirbaħ il-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 3:16) U f’tiġrija letterali, kull min ħa sehem kellu jkun f’saħħtu fiżikament, inkella ma kienx ikollu ċans jirbaħ. Mill-​banda l-​oħra, ħafna minna għandhom saħħa batuta imma xorta qed jissaportu. (2 Kor. 4:16) Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, ilkoll kemm aħna se jirnexxilna nispiċċaw it-​tellieqa sal-​aħħar!

GĦANJA 144 Ibqaʼ ffokat fuq it-​tama!

^ par. 5 Ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova qed jesperjenzaw problemi minħabba li qed jikbru fl-​età jew qed jiffaċċjaw xi marda. U xi kultant, ilkoll kemm aħna nħossuna għajjenin. Għalhekk, l-​idea li niġru f’tellieqa forsi tidher diffiċli ħafna. Dan l-​artiklu se jiddiskuti kif aħna nistgħu niġru t-​tiġrija għall-​ħajja mingħajr ma naqtgħu qalbna u nirbħu, kif qal l-​appostlu Pawlu.

^ par. 6 Ara l-​artiklu “Il-​Bibbja Tbiddel il-​Ħajjiet” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa taʼ Jannar-​Frar 2013.

^ par. 20 Għal iktar suġġerimenti prattiċi dwar kif tkampa mal-​ansjetà u esperjenzi taʼ wħud li qed jirnexxilhom ikampaw, ara l-​programm tal-​Broadcasting taʼ Mejju 2019 minn fuq jw.org®. Mur fuq LIBRERIJA > JW BROADCASTING®.

^ par. 63 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu mdaħħal fiż-​żmien qed jgħix il-​ħajja Kristjana billi jibqaʼ bieżel fix-​xogħol tal-​ippritkar.

^ par. 65 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Aħna nistgħu nfixklu lil xi ħadd, kemm jekk ninsistu biex jixrob iktar alkoħol jew billi ma noqogħdux attenti kemm nixorbu aħna stess.

^ par. 67 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Minkejja li l-​ħu qiegħed f’sodda l-​isptar, hu xorta qed jibqaʼ jiġri t-​tiġrija billi jipprietka lit-​tabib.