Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 15

Int Kif Tqis in-Nies fit-Territorju Tiegħek?

Int Kif Tqis in-Nies fit-Territorju Tiegħek?

“Erfgħu għajnejkom u ħarsu lejn l-​għelieqi, kif inhuma bojod għall-​ħsad.”—ĠW. 4:35.

GĦANJA 64 Bil-​ferħ nieħdu sehem fil-​ħsad

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Ġesù x’ried ifisser meta qal il-​kliem li nsibu fi Ġwanni 4:35, 36?

ĠESÙ kien qed jimxi fl-​għelieqi, aktarx tal-​barley aħdar li kien qed jikber. (Ġw. 4:3-​6) Dan il-​barley se jkun lest biex jinqataʼ madwar erbaʼ xhur oħra. Ġesù qal xi ħaġa li forsi għad-​dixxipli ma kinitx tagħmel sens: “Erfgħu għajnejkom u ħarsu lejn l-​għelieqi, kif inhuma bojod għall-​ħsad.” (Aqra Ġwanni 4:35, 36.) Ġesù x’ried ifisser?

2 Milli jidher Ġesù kien qed jitkellem dwar li jiġbor in-​nies u mhux dwar il-​barley. Aħseb fuq dak li għadu kif ġara. Għalkemm is-​soltu l-​Lhud kienu jevitaw lis-​Samaritani, Ġesù kien għadu kif ipprietka lil mara Samaritana. U hi qagħdet tisimgħu! Fil-​fatt, waqt li Ġesù kien qed jitkellem dwar l-​għelieqi li kienu “bojod għall-​ħsad,” grupp taʼ Samaritani li kienu semgħu dwar Ġesù mingħand din il-​mara kienu mexjin lejh biex jiġu mgħallmin minnu. (Ġw. 4:9, 39-​42) Dwar dan ir-​rakkont, studjuż tal-​Bibbja qal: “Il-​fatt li n-​nies ma damux biex jiltaqgħu maʼ Ġesù u jisimgħu x’kellu xi jgħid juri li huma kienu bħal barley lest biex jinqataʼ.”

X’għandna nagħmlu jekk inqisu t-territorju tagħna bħal għelieqi “bojod għall-ħsad”? (Ara paragrafu 3)

3. Jekk inqisu lin-​nies bħalma qieshom Ġesù, kif se tipprietka?

3 Xi ngħidu għan-​nies li int tippritkalhom l-​aħbar tajba? Tqishom bħal dak il-​barley li hu lest biex jinqataʼ? Jekk iva, se jiġru tliet affarijiet. L-​ewwel, se tagħti iktar importanza lill-​ippritkar. Iż-​żmien taʼ ġbir hu limitat; m’hemmx ħin x’taħli. It-​tieni, se tieħu pjaċir tara lin-​nies jisimgħu l-​aħbar tajba. Il-​Bibbja tgħid: “Huma ferħu quddiemek bħal bil-​ferħ taʼ żmien il-​ħsad.” (Is. 9:3) U t-​tielet, se tara li kull persuna tistaʼ tkun dixxiplu, allura se tadatta l-​preżentazzjoni tiegħek skont x’jinteressaha.

4. X’se nitgħallmu mill-​appostlu Pawlu f’dan l-​artiklu?

4 Għandu mnejn li xi segwaċi taʼ Ġesù ħasbu li s-​Samaritani qatt ma setgħu jkunu dixxipli tiegħu, imma Ġesù ma kienx jaħseb hekk. Minflok, hu kien jarahom li setgħu jkunu dixxipli tiegħu. Aħna wkoll irridu naraw lin-​nies tat-​territorju tagħna bħala li jistgħu jkunu dixxipli taʼ Kristu. L-​appostlu Pawlu ħallielna eżempju mill-​aħjar li għandna nimitaw. X’nistgħu nitgħallmu minnu? F’dan l-​artiklu se niddiskutu kif hu (1) kien jaf xi ħaġa dwar x’kienu jemmnu n-​nies li lilhom kien jipprietka, (2) fehem x’kien jinteressahom, u (3) kien jarahom li setgħu jkunu dixxipli taʼ Ġesù.

X’JEMMNU?

5. Pawlu għala setaʼ jifhem l-​udjenza tiegħu fis-​sinagoga?

5 Pawlu spiss kien jipprietka f’sinagogi tal-​Lhud. Pereżempju, fis-​sinagoga f’Tessalonika, “għal tliet Sabatijiet irraġuna [mal-​Lhud] mill-​Iskrittura.” (Atti 17:1, 2) Probabilment, Pawlu ħassu komdu fis-​sinagoga għax kien trabba bħala Lhudi. (Atti 26:4, 5) Pawlu setaʼ jifhem il-​Lhud, allura ħassu komdu jitkellem magħhom.—Flp. 3:4, 5.

6. In-​nies fis-​suq t’Ateni kif kienu differenti minn dawk li Pawlu pprietka fis-​sinagoga?

6 Wara li Pawlu kellu jaħrab minn Tessalonika u mbagħad minn Berea minħabba l-​persekuzzjoni, hu wasal f’Ateni. Għal darb’oħra, hu “beda jirraġuna fis-​sinagoga mal-​Lhud u man-​nies l-​oħrajn li kienu jqimu lil Alla.” (Atti 17:17) Imma meta Pawlu mar jipprietka fis-​suq, hu kellu udjenza differenti. Fost is-​semmiegħa tiegħu kien hemm filosfi u Ġentili (mhux Lhud) oħra li ħasbu li l-​messaġġ taʼ Pawlu kien “tagħlim ġdid.” Huma qalulu: “Int qed tintroduċi affarijiet strambi għal widnejna.”—Atti 17:18-​20.

7. Skont Atti 17:22, 23, Pawlu kif addatta l-​mod kif jipprietka?

7 Aqra Atti 17:22, 23. Pawlu ma tkellimx mal-​Ġentili f’Ateni bħalma tkellem mal-​Lhud fis-​sinagoga. Probabilment, Pawlu saqsa lilu nnifsu, ‘In-​nies f’Ateni x’jemmnu?’ Hu osserva dak li kien hemm madwaru u nnota x’kienu d-​drawwiet reliġjużi tan-​nies. Imbagħad, Pawlu tkellem fuq xi ħaġa li setgħu jaqblu fuqha dwar l-​Iskrittura. Studjuż tal-​Bibbja qal: “Bħala Kristjan Lhudi, hu fehem li l-​Griegi ma kinux iqimu lill-​Alla l-​‘veru’ tal-​Lhud u l-​Kristjani, imma hu pprova jurihom li l-​Alla li tkellem dwaru kien il-​wieħed li n-​nies f’Ateni kienu jafu.” Allura dan jurina li Pawlu kien lest jaddatta kif jitkellem man-​nies. Hu qal lin-​nies t’Ateni li l-​messaġġ tiegħu kien ġej mingħand l-​“Alla Mhux Magħruf” li huma kienu qed jipprovaw iqimu. Għalkemm il-​Ġentili ma kinux familjari mal-​Iskrittura, Pawlu ma qatax qalbu minnhom. Hu qieshom bħal barley lest biex jinqataʼ, u addatta l-​mod kif itihom l-​aħbar tajba.

Imita l-appostlu Pawlu billi tosserva, taddatta l-preżentazzjoni tiegħek, u tara l-potenzjal fin-nies (Ara paragrafi 8, 12, 18) *

8. (a) X’jistaʼ jgħinek tifhem x’jemmnu n-​nies fit-​territorju tiegħek? (b) Jekk xi ħadd jgħid li għandu r-​reliġjon tiegħu, kif tistaʼ twieġeb?

8 Bħal Pawlu, osserva. Fittex affarijiet li forsi jgħinuk tifhem x’jinteressa lin-​nies tat-​territorju tiegħek. L-​inkwilin kif żejjen id-​dar? Ismu, l-​ilbies, il-​mod kif jidher, jew saħansitra l-​kliem li juża juri x’reliġjon għandu? Forsi qallek mill-​ewwel x’reliġjon għandu. Meta jiġri hekk lill-​pijuniera speċjali jisimha Flutura, hi twieġeb, “Ma ġejtx nisforzak biex temmen dak li nemmen jien, imma ġejt biex inkellmek dwar . . . ”

9. Fuq xiex tistaʼ titkellem maʼ xi ħadd reliġjuż?

9 X’tistaʼ tiddiskuti maʼ xi ħadd reliġjuż? Ipprova sib xi ħaġa li taqblu fuqha. Forsi jemmen li hemm Alla wieħed, jew jemmen li Ġesù ġie biex isalvana, jew forsi hu jemmen li qed ngħixu fiż-​żmien mill-​agħar li dalwaqt se jispiċċa. Uża affarijiet li taqblu dwarhom biex titkellem fuq il-​messaġġ tal-​Bibbja b’mod li jinteressah.

10. X’għandna nipprovaw nagħmlu, u għala?

10 Żomm f’moħħok li n-​nies mhux bilfors jemmnu kulma jiġu mgħallmin mir-​reliġjon tagħhom. Allura, anki jekk sirt taf x’reliġjon għandu, ipprova kun af x’inhi l-​opinjoni personali tiegħu. “Ħafna jħalltu teoriji differenti maʼ dak li jemmnu dwar ir-​reliġjon tagħhom,” jgħid David, pijunier speċjali mill-​Awstralja. Donalta mill-​Albanija tgħid, “Xi wħud li niltaqgħu magħhom jgħidu li għandhom ir-​reliġjon tagħhom, imma mbagħad jammettu li ma jemmnux f’Alla.” U ħu missjunarju fl-​Arġentina jinnota li xi nies jgħidu li jemmnu bit-​Trinità, imma fir-​realtà ma jemmnux li l-​Missier, l-​Iben, u l-​ispirtu qaddis huma Alla wieħed. “Meta niftakar li l-​persuna li qed nitkellem magħha mhux bilfors temmen kulma għallmitha r-​reliġjon tagħha, ikun iktar faċli biex insib xi ħaġa komuni mal-​persuna,” jgħid hu. Allura, ipprova sir af x’jemmnu verament in-​nies. Imbagħad, bħal Pawlu, tistaʼ ‘ssir kollox għal nies taʼ kull xorta.’—1 Kor. 9:19-​23.

SIR AF X’JINTERESSAHOM

11. Skont Atti 14:14-17, Pawlu kif ippreżenta l-​messaġġ tiegħu b’mod interessanti lin-​nies li kienu jgħixu f’Listra?

11 Aqra Atti 14:14-​17. Pawlu ra x’jinteressa n-​nies, u mbagħad addatta l-​preżentazzjoni tiegħu. Pereżempju, il-​folla li kellem f’Listra kellha ftit jew xejn għarfien dwar l-​Iskrittura. Allura Pawlu rraġuna magħhom b’mod li setgħu jifhmu. Hu tkellem dwar l-​abbundanza tal-​frott u ħxejjex li kellhom u l-​fatt li setgħu jgawdu l-​ħajja. Hu uża kliem u eżempji li s-​semmiegħa tiegħu mill-​ewwel setgħu jifhmu.

12. X’tistaʼ tagħmel biex tifhem x’jinteressa n-​nies u mbagħad taddatta l-​preżentazzjoni tiegħek?

12 Oqgħod attent biex tifhem dak li jinteressa n-​nies fit-​territorju u addatta l-​preżentazzjoni tiegħek. Kif tistaʼ ssir taf x’jinteressa lil individwu hekk kif tavviċina lilu jew id-​dar tiegħu? Għal darb oħra, osserva. Forsi qed jagħmel xi ħaġa fil-​ġnien, jaqra ktieb, isewwi karozza, jew jagħmel xi ħaġa oħra. Forsi tistaʼ tibda l-​konversazzjoni billi tkellmu dwar dak li qed jagħmel. (Ġw. 4:7) Anki l-​ħwejjeġ tiegħu jistgħu juru minn fejn hu, x’xogħol għandu, jew it-​tim favorit tiegħu. Gustavo jgħid: “Bdejt konversazzjoni maʼ ġuvni taʼ 19-​il sena li kien liebes flokk bi stampa taʼ kantant famuż. Imbagħad saqsejtu dwar il-​kantant, u l-​ġuvni qalli għala kien iħobbu. Dik il-​konversazzjoni wasslet għal studju tal-​Bibbja, u issa sar Xhud.”

13. Kif tistaʼ toffri studju tal-​Bibbja b’mod li jħajjarhom?

13 Meta toffri studju tal-​Bibbja lil xi ħadd, ħajru billi turih kif l-​istudju jistaʼ jgħinu. (Ġw. 4:13-​15) Pereżempju, oħt li jisimha Poppy ġiet mistiedna biex tidħol fid-​dar taʼ mara li wriet interess. Meta Poppy rat ċertifikat imwaħħal mal-​ħajt, hi setgħet tifhem li l-​mara kienet professur fl-​edukazzjoni, allura enfasizzat li aħna wkoll nedukaw in-​nies permezz taʼ studju tal-​Bibbja u l-​laqgħat tagħna. Il-​mara aċċettat studju, l-​għada marret għal-​laqgħa, u ftit wara attendiet assemblea. Sena wara tgħammdet. Saqsi lilek innifsek: ‘L-​inkwilini taż-​żjajjar lura tiegħi, dwar xiex jinteressaw ruħhom? Kif nistaʼ nħajjarhom jistudjaw il-​Bibbja?’

14. Kif tistaʼ taddatta l-​istudju tal-​Bibbja għal kull student?

14 Meta tibda studju tal-​Bibbja, ipprepara sew għal kull sezzjoni tal-​istudju. Aħseb dwar il-​familja tal-​istudent, l-​edukazzjoni li għandu, minn xiex għadda, u dak li jinteressah. Int u tipprepara, iddeċiedi xi skritturi se taqra, liema vidjows se turi, u x’eżempji se tuża biex tispjega l-​veritajiet tal-​Bibbja. Saqsi lilek innifsek, ‘X’se jinteressa l-​iktar lill-​istudent u x’se jilħaqlu qalbu?’ (Prov. 16:23) Fl-​Albanija, mara li kienet qed tistudja maʼ pijuniera jisimha Flora qalet li kienet issibha diffiċli biex taċċetta t-​tagħlim tal-​irxoxt. X’għamlet Flora? Hi ma sforzathiex taċċetta dan it-​tagħlim. Hi qalet: “Irrealizzajt li qabel ma hi temmen fl-​irxoxt, l-​ewwel kellha ssir taf lill-​Alla li wiegħed l-​irxoxt.” Minn dakinhar ’il quddiem, f’kull studju, Flora enfasizzat l-​imħabba, l-​għerf, u l-​qawwa taʼ Ġeħova. Maż-​żmien, il-​mara kienet lesta li temmen fl-​irxoxt. Illum il-​ġurnata, hi Xhud żeluża taʼ Ġeħova.

ARAHOM BĦALA DIXXIPLI

15. Skont Atti 17:16-18, x’affarijiet ħżiena għamlu n-​nies t’Ateni, imma Pawlu għala ma qatax qalbu minnhom?

15 Aqra Atti 17:16-​18. Pawlu ma qatax qalbu min-​nies t’Ateni minkejja li l-​belt kienet mimlija idoli, immoralità sesswali, u filosofiji pagani. U hu ma waqafx jippritkalhom minkejja li bdew jgħajruh. Pawlu stess sar Kristjan għalkemm kien “midgħi u persekutur u raġel insolenti.” (1 Tim. 1:13) Bħalma Ġesù ra li Pawlu setaʼ jkun dixxiplu, anki Pawlu ra li n-​nies t’Ateni setgħu jkunu dixxipli. U Pawlu kellu raġun li jħossu hekk.—Atti 9:13-​15; 17:34.

16-17. X’juri li nies b’backgrounds differenti jistgħu jsiru dixxipli taʼ Kristu? Agħti eżempju.

16 Fl-​ewwel seklu, in-​nies li saru dixxipli taʼ Ġesù kellhom backgrounds differenti. Meta Pawlu kiteb lill-​Kristjani li kienu jgħixu fil-​belt Griega taʼ Korintu, hu qal li xi wħud fil-​kongregazzjoni xi darba kienu kriminali jew għexu ħajja immorali ħafna. Imbagħad żied jgħid: “Hekk kienu xi wħud minnkom. Imma ġejtu maħsulin.” (1 Kor. 6:9-​11) Kien jgħaddilek minn moħħok li dawn in-​nies setgħu jinbidlu u jsiru dixxipli?

17 Illum, ħafna huma lesti li jagħmlu l-​bidliet li hemm bżonn biex isiru dixxipli taʼ Ġesù. Pereżempju, fl-​Awstralja, pijuniera speċjali jisimha Yukina tgħallmet li kull tip taʼ nies jistgħu jinteressaw ruħhom fil-​messaġġ tal-​Bibbja. Darba, f’uffiċċju, hi nnotat tfajla bi ħwejjeġ baggy u li kellha ħafna tattoos. Yukina tgħid: “Għall-​ewwel żammejt lura, imma mbagħad kellimtha. Indunajt li tant kienet interessata fil-​Bibbja li xi ftit mit-​tattoos tagħha kienu versi mis-​Salmi!” It-​tfajla bdiet tistudja u tattendi l-​laqgħat. *

18. Għala m’għandniex niġġudikaw in-​nies?

18 Kien Ġesù qed jaħseb li l-​għelieqi huma lesti għall-​ħsad għax kien qed jistenna li ħafna nies kienu se jsegwuh? Le. L-​Iskrittura kienet bassret li ftit kienu dawk li se jemmnu fih. (Ġw. 12:37, 38) U Ġesù kellu l-​abbiltà li jkun jaf x’hemm f’qalb in-​nies. (Mt. 9:4) Minkejja dan, hu ffoka fuq dawk il-​ftit li kienu se jemmnu, u b’żelu pprietka lil kulħadd. Aħna ma nafux x’hemm f’qalb in-​nies, allura żgur mhux se niġġudikaw in-​nies fit-​territorju jew b’mod individwali! Minflok, ara l-​potenzjal tan-​nies. Marc, missjunarju fil-​Burkina Faso, jgħid: “In-​nies li naħseb li se jagħmlu progress spiss jieqfu jistudjaw. Imma dawk li naħseb li se jieqfu jibqgħu għaddejjin. Allura tgħallimt li jkun aħjar li nħallu l-​ispirtu taʼ Ġeħova jmexxina f’li nsibu lil dawk li verament qed ifittxu l-​verità.”

19. Kif għandna nqisu lin-​nies fit-​territorju tagħna?

19 Mad-​daqqa t’għajn, għandu mnejn li ma tarax ħafna nies fit-​territorju li jistgħu jkunu bħal barley li hu lest biex jinqataʼ. Imma ftakar x’qal Ġesù lid-​dixxipli tiegħu. L-​għelieqi huma bojod, jiġifieri huma lesti biex jinqatgħu. In-​nies jistgħu jinbidlu u jsiru dixxipli taʼ Kristu. Għal Ġeħova huma “mixtiqin,” jew prezzjużi, għax huma jistgħu jsiru dixxipli. (Ħag. 2:7) Jekk inqisu n-​nies bħalma jqishom Ġeħova u Ġesù, se nipprovaw nifhmu l-​background tagħhom u dak li jinteressahom. Se nqisuhom bħala wħud li jistgħu jsiru ħutna.

GĦANJA 57 Nippritkaw lil kull xorta taʼ bnedmin

^ par. 5 L-​attitudni tagħna lejn in-​nies fit-​territorju, kif teffettwa l-​mod li nippritkaw u ngħallmu? Dan l-​artiklu se jeżamina l-​attitudni taʼ Ġesù u l-​appostlu Pawlu dwar is-​semmiegħa tagħhom. Se naraw ukoll kif nistgħu nimitawhom billi noqogħdu attenti għal x’jemmnu u x’jinteressa lin-​nies, waqt li nżommu f’moħħna li dawn jistgħu jkunu dixxipli taʼ Ġesù.

^ par. 17 Is-​serje “Il-​Bibbja Tbiddel il-​Ħajjiet” tagħti iktar eżempji taʼ kif in-​nies jistgħu jinbidlu. Din is-​serje kienet tidher fi It-​Torri tal-​Għassa sal-​2017. Illum qed tkompli tiġi ppubblikata fuq jw.org®. Mur fuq DWARNA > ESPERJENZI TAX-​XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA.

^ par. 57 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Hekk kif koppja qegħdin fil-​ministeru minn bieb għal bieb, huma josservaw (1) dar sabiħa mżejna bil-​fjuri; (2) dar fejn tgħix familja bi tfal żgħar; (3) dar traskurata; u (4) dar li fiha jgħixu nies reliġjużi. Wara dak li ddiskutejna, f’liema dar se ssib il-​persuna li għandha l-​iktar potenzjal issir Xhud taʼ Ġeħova?