Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 17

“Sejjaħtilkom Ħbieb”

“Sejjaħtilkom Ħbieb”

“Sejjaħtilkom ħbieb, għax kulma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.”—ĠW. 15:15.

GĦANJA 13 Kristu, l-​eżempju tagħna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Kif tistaʼ tibni ħbiberija mill-​qrib maʼ xi ħadd?

SPISS, biex issir ħabib tajjeb taʼ xi ħadd, għandek bżonn tqattaʼ l-​ħin miegħu. Hekk kif titkellmu flimkien, taqsmu l-​ħsibijiet u l-​esperjenzi tagħkom, ser issiru ħbieb. Imma biex tibni ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġesù mhux faċli. Għala?

2. X’inhi l-​ewwel sfida li niffaċċjaw?

2 L-​ewwel sfida hi li aħna qatt ma ltqajna maʼ Ġesù. Ħafna Kristjani li għexu fi żmien l-​appostli, ukoll qatt ma ltaqgħu miegħu. Minkejja dan, l-​appostlu Pietru qal: “Għalkemm qatt ma rajtuh, tħobbuh. Għalkemm m’intomx tarawh fil-​preżent, qed teżerċitaw il-​fidi fih.” (1 Pt. 1:8) Mela, huwa possibbli li ssir ħabib taʼ Ġesù anka jekk qatt ma ltqajt miegħu.

3. X’inhi t-​tieni sfida li niffaċċjaw?

3 It-​tieni sfida hi li aħna ma nistgħux nitkellmu maʼ Ġesù. Meta nitolbu, aħna nitkellmu direttament maʼ Ġeħova. Veru li nitolbu f’isem Ġesù, imma aħna ma nitkellmux direttament miegħu. Fil-​fatt, Ġesù ma jridniex nitolbu lilu. Għala le? Għax it-​talb huwa forma taʼ qima, u Ġeħova biss jistħoqqlu dan. (Mt. 4:10) Però, xorta nistgħu nuru li nħobbu lil Ġesù.

4. X’inhi t-​tielet sfida, u x’se nistudjaw f’dan l-​artiklu?

4 It-​tielet sfida hi li Ġesù jgħix fis-​sema, għalhekk ma nistgħux inqattgħu l-​ħin miegħu. Imma xorta waħda nistgħu nsiru nafu ħafna affarijiet dwar Ġesù mingħajr ma nkunu miegħu. Se nistudjaw erbaʼ affarijiet li nistgħu nagħmlu biex insaħħu l-​ħbiberija tagħna miegħu. Imma, l-​ewwel ejja naraw għala huwa importanti li nibnu ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġesù.

GĦALA GĦANDNA BŻONN INSIRU ĦBIEB TAʼ ĠESÙ?

5. Għala rridu nkunu ħbieb maʼ Ġesù? (Ara wkoll il-​kaxxi “ Ħbiberija maʼ Ġesù Twassal Għal Ħbiberija maʼ Ġeħova” u “ Ħarsa Xierqa Lejn l-​Irwol taʼ Ġesù.”)

5 Aħna rridu nkunu ħbieb maʼ Ġesù jekk irridu li jkollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. Għala? Ikkunsidra biss żewġ raġunijiet. L-​ewwel, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Il-​Missier innifsu jurikom affezzjoni, għax lili wrejtuni affezzjoni.” (Ġw. 16:27) Hu qal ukoll: “Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġw. 14:6) Jekk tipprova tkun ħabib taʼ Ġeħova mingħajr ma tibni ħbiberija maʼ Ġesù, huwa bħallikieku qed tipprova tidħol f’dar mingħajr ma tuża l-​bieb. Ġesù uża tixbiha simili meta ddeskriva lilu nnifsu bħala “l-​bieb tan-​nagħaġ.” (Ġw. 10:7) It-​tieni raġuni hi li Ġesù imita perfettament il-​kwalitajiet taʼ Missieru. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.” (Ġw. 14:9) Għalhekk, mod importanti kif nistgħu nsiru nafu lil Ġeħova huwa billi nistudjaw dwar il-​ħajja taʼ Ġesù. Iktar ma nitgħallmu dwar Ġesù, iktar se nsiru nħobbuh. U iktar ma nħobbu lil Ġesù, iktar se nħobbu lil Missieru.

6. X’raġuni oħra hemm, għala għandu jkollna ħbiberija maʼ Ġesù? Spjega.

6 Aħna jrid ikollna ħbiberija maʼ Ġesù biex it-​talb tagħna jkun jistaʼ jitwieġeb. Dan ifisser iktar milli sempliċiment nispiċċaw it-​talb tagħna bil-​kliem “f’isem Ġesù.” Aħna rridu nifhmu kif Ġeħova juża lil Ġesù biex iwieġeb it-​talb tagħna. Ġesù qal lill-​appostli: “Kulma titolbu f’ismi, jien nagħmlu.” (Ġw. 14:13) Minkejja li Ġeħova hu l-​wieħed li jismaʼ u jwieġeb it-​talb tagħna, Ġeħova ta l-​awtorità lil Ġesù biex jagħmel dak li jkun iddeċieda. (Mt. 28:18) Għalhekk, qabel Alla jwieġeb it-​talb tagħna, hu jara jekk applikajniex il-​parir li tana Ġesù. Pereżempju, Ġesù qal: “Għax jekk taħfru lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, Missierkom tas-​sema se jaħfrilkom ukoll; filwaqt li jekk ma taħfrux lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, lanqas Missierkom ma se jaħfer in-​nuqqasijiet tagħkom.” (Mt. 6:14, 15) Għalhekk, kemm hu importanti li nittrattaw lil oħrajn bil-​mod kif Ġeħova u Ġesù jittrattaw lilna!

7. Min se jibbenefika mis-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù?

7 Dawk biss li għandhom ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġesù se jibbenefikaw mis-​sagrifiċċju tiegħu tal-​fidwa. Kif nafu dan? Ġesù qal li hu kien se “jagħti ruħu għal ħbiebu.” (Ġw. 15:13) Nies li qdew lil Ġeħova u għexu qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art, se jkollhom jitgħallmu dwar Ġesù u jsiru jħobbuh. Irġiel u nisa leali li se jiġu rxoxtati, bħal Abraham, Sara, Mosè, u Raħab, ukoll se jkollhom bżonn jibnu ħbiberija maʼ Ġesù biex ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem.—Ġw. 17:3; Atti 24:15; Ebr. 11:8-12, 24-26, 31

8-9. Kif inhu spjegat fi Ġwanni 15:4, 5, jekk inkunu ħbieb taʼ Ġesù, x’se nkunu nistgħu nagħmlu, u dan għala huwa importanti?

8 Meta aħna nippritkaw u ngħallmu l-​aħbar tajba tas-​Saltna, inkunu qegħdin naħdmu maʼ Ġesù u dan jġibilna l-​ferħ. Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu kien jgħallem. U minn meta mar lura fis-​sema, bħala kap tal-​kongregazzjoni, hu baqaʼ jieħu ħsieb ix-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim. Hu jara u japprezza l-​isforzi tiegħek biex tgħin lil kemm jistaʼ jkun nies biex isiru jafu lilu u lil Missieru. Fil-​fatt, aħna nistgħu nagħmlu dan ix-​xogħol biss għax għandna l-​għajnuna taʼ Ġeħova u taʼ Ġesù.—Aqra Ġwanni 15:4, 5.

9 Il-​Kelma t’Alla tgħallimna b’mod ċar li biex nogħġbu lil Ġeħova, irridu nħobbu u nsaħħu mħabbitna għal Ġesù. Għalhekk, ejja nikkunsidraw erbaʼ affarijiet li nistgħu nagħmlu biex insiru ħbieb taʼ Ġesù.

KIF NIBNU ĦBIBERIJA MAʼ ĠESÙ

Aħna nsiru ħbieb maʼ Ġesù meta (1) insiru nafuh aħjar, (2) naħsbu u naġixxu bħalu, (3) nappoġġjaw lil ħutu l-​midlukin, u (4) nappoġġjaw id-​deċiżjonijiet tal-​kongregazzjoni (Ara paragrafi 10-14) *

10. X’inhi l-​ewwel ħaġa li rridu nagħmlu biex nibnu ħbiberija maʼ Ġesù?

10 (1Insiru nafu lil Ġesù. Aħna nistgħu nagħmlu dan billi naqraw il-​kotba tal-​Bibbja taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni. Hekk kif nimmeditaw fuq ir-​rakkonti tal-​Bibbja dwar il-​ħajja taʼ Ġesù, aħna se nirrispettawh u nħobbuh iktar minħabba li hu tratta lin-​nies b’qalb tajba. Pereżempju, minkejja li hu kien is-​Sid tad-​dixxipli tiegħu, hu ma ttrattahomx bħala lsiera. Minflok, hu qalilhom dak li kien qed jaħseb u jħoss. (Ġw. 15:15) Meta huma kienu mdejqin, Ġesù ħassu mdejjaq u beka magħhom. (Ġw. 11:32-​36) Anka l-​għedewwa tiegħu setgħu jaraw li dawk li aċċettaw il-​messaġġ tiegħu saru ħbiebu. (Mt. 11:19) Meta nimitaw il-​mod kif Ġesù tratta lid-​dixxipli tiegħu, il-​ħbiberija tagħna m’oħrajn se titjieb, se nħossuna iktar kuntenti u ferħanin, u se jkollna iktar rispett u mħabba lejh.

11. X’inhi t-​tieni ħaġa li rridu nagħmlu biex inkunu ħbieb maʼ Ġesù, u dan għala hu importanti?

11 (2Naħsbu u naġixxu bħal Ġesù. Iktar ma nsiru nafu u nimitaw il-​mod kif hu jaħseb, il-​ħbiberija tagħna miegħu se tikber. (1 Kor. 2:16) Kif nistgħu nagħmlu dan? Innota eżempju wieħed. Ġesù dejjem ħaseb kif se jgħin lil oħrajn u mhux kif se jogħġob lilu nnifsu. (Mt. 20:28; Rum. 15:1-​3) Minħabba li kellu din l-​attitudni mentali, Ġesù kien lest li jagħmel sagrifiċċji u jaħfer. Hu ma ħax għalih meta oħrajn tkellmu kontrih. (Ġw. 1:46, 47) U ma ħalliex żball li xi ħadd kien għamel fil-​passat jinfluwenza l-​mod kif jittrattah. (1 Tim. 1:12-​14) Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġw. 13:35) Ikun tajjeb li tistaqsi lilek innifsek, “Qed nimita l-​eżempju taʼ Ġesù billi nagħmel dak kollu li nistaʼ biex inżomm il-​paċi maʼ ħuti?”

12. X’inhi t-​tielet ħaġa li rridu nagħmlu biex inkunu ħbieb maʼ Ġesù, u dan kif nistgħu nagħmluh?

12 (3Nappoġġjaw lil ħut Kristu. Ġesù jqis dak li nagħmlu maʼ ħutu l-​midlukin daqslikieku qed nagħmluh miegħu. (Mt. 25:34-​40) L-​iktar mod importanti kif nappoġġjaw lill-​midlukin hu billi nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nippritkaw u ngħallmu lil oħrajn kif qalilna Ġesù. (Mt. 28:19, 20; Atti 10:42) Huwa biss bl-​għajnuna tan-​“nagħaġ oħrajn” li ħut Kristu jistgħu jwettqu x-​xogħol tal-​ippritkar mad-​dinja kollha li qed isir illum. (Ġw. 10:16) Jekk int wieħed minn nagħaġ oħrajn, kull darba li tieħu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar, int turi li tħobb lil ħut Kristu u lil Ġesù.

13. Kif nistgħu napplikaw il-​parir taʼ Ġesù miktub f’​Luqa 16:9?

13 Aħna nsiru l-​ħbieb taʼ Ġeħova u Ġesù billi nagħtu donazzjonijiet biex nappoġġjaw ix-​xogħol li huma qed imexxu. (Aqra Luqa 16:9.) Pereżempju, aħna nistgħu nagħtu donazzjonijiet għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja. Dawn id-​donazzjonijiet jintużaw biex jgħinu ħalli l-​aħbar tajba tkun tistaʼ tiġi pritkata f’territorji iżolati, għall-​bini u manutenzjoni tas-​Swali tas-​Saltna u faċilitajiet oħra, u biex jipprovdu għajnuna materjali lil dawk li jkunu għaddew minn xi diżastru. Nistgħu wkoll nagħtu donazzjonijiet taʼ flus għall-​ispejjeż tal-​kongregazzjoni tagħna, u biex ngħinu personalment lil dawk li nafu li għandhom bżonn. (Prov. 19:17) Dawn huma modi kif aħna nistgħu nappoġġjaw lil ħut Kristu.

14. Kif juri Efesin 4:15,16, x’inhi r-​rabaʼ ħaġa li rridu nagħmlu biex inkunu ħbieb maʼ Ġesù?

14 (4Nappoġġjaw id-​deċiżjonijiet tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Aħna nsaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġesù, il-​kap tal-​kongregazzjoni, meta nikkooperaw maʼ dawk li ġew maħturin biex jieħdu ħsiebna. (Aqra Efesin 4:15, 16.) Pereżempju, aħna qed nipprovaw nużaw is-​Swali tas-​Saltna bl-​aħjar mod. Biex dan isir, xi kongregazzjonijiet ingħaqdu maʼ kongregazzjonijiet oħra, u xi territorji ġew aġġustati. B’dan il-​mod, l-​organizzazzjoni frankat ħafna flus. Imma minħabba dan, xi pubblikaturi kellhom jaġġustaw għaċ-​ċirkustanzi ġodda. Jistaʼ jagħti l-​każ li wħud minn dawn l-​aħwa leali kienu ilhom is-​snin jaqdu fl-​istess kongregazzjoni u kienu saru ħbieb kbar mal-​aħwa. Imma issa qed jiġu mitluba biex imorru jaqdu f’kongregazzjoni oħra. Min jaf kemm ikun ferħan Ġesù meta jara lil dawn id-​dixxipli leali jikkooperaw maʼ dawn id-​deċiżjonijiet!

ĦBIEB MAʼ ĠESÙ GĦAL DEJJEM

15. Il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġesù kif se tissaħħaħ fil-​futur?

15 Dawk li huma midlukin bl-​ispirtu qaddis għandhom it-​tama li jkunu maʼ Ġesù għal dejjem, u jmexxu miegħu fis-​Saltna t’Alla. Huma se jarawh, jitkellmu miegħu, u jqattgħu l-​ħin miegħu. (Ġw. 14:2, 3) Anka dawk bit-​tama li jgħixu fuq l-​art se jirċievu l-​imħabba u l-​attenzjoni taʼ Ġesù. Għalkemm dawn mhux se jaraw lil Ġesù, il-​ħbiberija tagħhom miegħu se tissaħħaħ u se jgawdu l-​ħajja li Ġesù u Missieru għamlu possibbli.—Is. 9:6, 7.

16. Liema barkiet nirċievu mill-​ħbiberija tagħna maʼ Ġesù?

16 Meta naċċettaw l-​istedina biex insiru ħbieb taʼ Ġesù, aħna nirċievu ħafna barkiet. Pereżempju, bħalissa qed nibbenefikaw mill-​imħabba u l-​appoġġ tiegħu. Għandna l-​opportunità li ngħixu għal dejjem. U l-​iktar ħaġa importanti, il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġesù, se tagħtina l-​iktar ħbiberija prezzjuża li qatt jistaʼ jkollna, li hi l-​ħbiberija personali maʼ Ġeħova. Xi privileġġ għandna li nkunu ħbieb maʼ Ġesù!

GĦANJA 17 ‘Irrid żgur’

^ par. 5 L-​appostli qattgħu xi snin jaħdmu u jitkellmu maʼ Ġesù, u għalhekk huma saru ħbieb kbar. Ġesù jrid li aħna wkoll inkunu l-​ħbieb tiegħu, imma dan mhux faċli għalina bħalma kien għall-​appostli. Dan l-​artiklu se jiddiskuti xi sfidi li jagħmluha diffiċli għalina, u se jipprovdi pariri kif insiru u nibqgħu ħbieb taʼ Ġesù.

^ par. 55 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: (1) Matul il-​qima bħala familja aħna nistgħu nistudjaw dwar il-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù. (2) Fil-​kongregazzjoni, aħna nistgħu naħdmu iebes biex inżommu l-​paċi maʼ ħutna. (3) Billi nagħmlu l-​aħjar li nistgħu fil-​ministeru, aħna nappoġġjaw lil ħut Kristu. (4) Meta jingħaqdu l-​kongregazzjonijiet, aħna nistgħu nikkooperaw mad-​deċiżjonijiet tal-​anzjani.