ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 17
Ġeħova Se Jgħinek Meta Jinqalgħu l-Problemi
“It-tajjeb ikollu ħafna diffikultajiet, imma Ġeħova jeħilsu minnhom kollha.”—SALM 34:19.
GĦANJA 44 Talba taʼ min ikun imnikket
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Minn xiex aħna ċerti?
AĦNA l-poplu taʼ Ġeħova, allura nafu li jħobbna ħafna u jixtieq li ngħixu l-aqwa ħajja. (Rum. 8:35-39) Aħna ċerti wkoll li meta napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’ħajjitna dejjem se nibbenefikaw. (Is. 48:17, 18) Imma x’għandna nagħmlu jekk jinqalgħu l-problemi?
2. Xi problemi nistgħu niffaċċjaw, u x’jistgħu jġegħluna naħsbu?
2 Il-qaddejja taʼ Ġeħova kollha għandhom il-problemi. Pereżempju, xi ħadd minn tal-familja jistaʼ jiddiżappuntana. Jistaʼ jkollna problemi taʼ saħħa serji u ma nkunux nistgħu nagħmlu kemm nixtiequ għal Ġeħova. Nistgħu niġu affettwati minn diżastru naturali. Jew forsi oħrajn jiħduha kontrina minħabba dak li nemmnu. Meta niffaċċjaw problemi bħal dawn, forsi nistaqsu: ‘Għala qed jiġrili hekk? Għamilt xi ħaġa ħażina? Ifisser li Ġeħova mhux qed jgħinni?’ Ġieli ħassejtek hekk? Jekk iva, taqtax qalbek. Ħafna mill-qaddejja leali taʼ Ġeħova ħassewhom bħalek.—Salm 22:1, 2; Ħab. 1:2, 3.
3. X’nistgħu nitgħallmu minn Salm 34:19?
3 Aqra Salm 34:19. Innota żewġ punti importanti f’dan is-salm: (1) Nies tajbin se jkollhom il-problemi. (2) Ġeħova jeħlisna minnhom. Kif? Mod wieħed hu billi jgħinna jkollna ħarsa bilanċjata lejn il-ħajja f’din id-dinja. Ġeħova jgħidilna li meta naqduh se nkunu ferħanin, imma ma jwegħedniex li mhux se jkollna problemi bħalissa. (Is. 66:14) Hu jinkuraġġina biex niffokaw fuq il-futur, meta se nkunu nistgħu ngawdu l-ħajja kif jixtieq hu għal dejjem. (2 Kor. 4:16-18) Imma sa ma jasal dak iż-żmien, hu jgħinna kuljum biex nibqgħu naqduh.—Lam. 3:22-24.
4. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
4 Ejja niddiskutu x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempji taʼ qaddejja leali kemm fiż-żminijiet tal-Bibbja kif ukoll illum. Kif se naraw, jistgħu jinqalgħulna l-problemi. Imma meta nistrieħu fuq Ġeħova, hu dejjem se jgħinna. (Salm 55:22) Waqt li nkunu qed naraw dawn l-eżempji, staqsi lilek innifsek: ‘Kieku kont f’sitwazzjoni simili x’kont nagħmel? Dawn l-eżempji kif isaħħuli l-fidi f’Ġeħova? X’lezzjonijiet nistaʼ napplika fil-ħajja tiegħi?’
FIŻ-ŻMINIJIET TAL-BIBBJA
5. Ġakobb liema problemi ffaċċja minħabba Laban? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
5 Fiż-żminijiet tal-Bibbja, qaddejja leali taʼ Ġeħova wkoll inqalgħulhom problemi li ma kinux qed jistennew. Aħseb dwar Ġakobb. Missieru riedu jiżżewweġ waħda mit-tfal taʼ Laban, raġel jiġi minnu u li kien jaqdi lil Ġeħova. Missieru qallu li jekk jagħmel hekk, Ġeħova kien se jbierku. (Ġen. 28:1-4) Għalhekk Ġakobb obdieh. Hu telaq minn Kangħan u vvjaġġa biex imur għand Laban li kellu żewġt ibniet, Lea u Rakele. Ġakobb ħa grazzja mat-tifla ż-żgħira, Rakele, u aċċetta li jaħdem sebaʼ snin għal missierha qabel jiżżewwiġha. (Ġen. 29:18) Imma mhux hekk ġara. Laban daħaq bih billi tah lit-tifla l-kbira, Lea. Laban ħalla lil Ġakobb jiżżewweġ lil Rakele ġimgħa wara, imma kellu jaħdem għaliha sebaʼ snin oħra. (Ġen. 29:25-27) Laban ma mexiex sew ukoll meta għamel in-negozju maʼ Ġakobb. Hu dam 20 sena jittratta lil Ġakobb ħażin!—Ġen. 31:41, 42.
6. Ġakobb liema problemi oħra kellu jissaporti?
6 Ġakobb kellu jissaporti problemi oħrajn. Hu kellu familja kbira u t-tfal tiegħu mhux dejjem kienu jaqblu bejniethom. Huma waslu biex ibigħu lil ħuhom Ġużeppi bħala skjav. Tnejn mit-tfal taʼ Ġakobb, Simegħon u Levi, ġabu diżunur fuq il-familja tagħhom u fuq Ġeħova. Barra minn hekk, Rakele, il-mara taʼ Ġakobb, mietet waqt li kienet qed twelled it-tieni tifel tagħhom. U minħabba ġuħ kbir, Ġakobb kellu jitlaq lejn l-Eġittu meta kien kbir fl-età.—Ġen. 34:30; 35:16-19; 37:28; 45:9-11, 28.
7. Ġeħova kif wera lil Ġakobb li kien ferħan bih?
7 Minkejja dawn il-problemi kollha, Ġakobb baqaʼ jafda f’Ġeħova u fil-wegħdi tiegħu. U Ġeħova wera lil Ġakobb li kien ferħan bih. Pereżempju, minkejja li Laban trattah ħażin ħafna lil Ġakobb, Ġeħova tah ħafna affarijiet materjali. U immaġina kemm Ġakobb irringrazzja lil Ġeħova meta ħafna snin wara reġaʼ ltaqaʼ mat-tifel tiegħu Ġużeppi, li hu ħaseb li kien miet! Il-ħbiberija mill-qrib li kellu maʼ Ġeħova għenitu biex jissaporti dawn il-problemi. (Ġen. 30:43; 32:9, 10; 46:28-30) Meta jkollna ħbiberija soda maʼ Ġeħova, aħna wkoll se nkunu nistgħu nissaportu problemi li ma nkunux qed nistennew.
8. Ir-Re David xi xtaq jagħmel?
8 Ir-Re David ma setax jagħmel dak kollu li xtaq għal Ġeħova. Pereżempju, David vera xtaq jibni tempju lil Alla. Meta qal lill-profeta Natan li jixtieq jibni t-tempju, hu qallu: “Agħmel kulma tixtieq qalbek, għax l-Alla l-veru qiegħed miegħek.” (1 Kron. 17:1, 2) Nistgħu nimmaġinaw kemm ħassu inkuraġġit David b’dan il-kliem. Forsi mill-ewwel beda jippjana kif se jagħmel dan il-proġett kbir.
9. David x’għamel meta Ġeħova qallu li ma kienx se jibni t-tempju?
9 Imma, ftit wara, Ġeħova ta aħbar lil David li ma kienx qed jistenna. “Dak il-lejl stess,” Ġeħova qal lil Natan li mhux David se jibni t-tempju, imma wieħed mit-tfal tiegħu. (1 Kron. 17:3, 4, 11, 12) David x’għamel meta sar jaf b’dan? Hu ffoka fuq xi ħaġa oħra. David ħadem biex jiġbor il-flus u l-affarijiet li kellu bżonn it-tifel tiegħu Salamun biex jagħmel il-proġett.—1 Kron. 29:1-5.
10. Ġeħova kif bierek lil David?
10 Eżatt wara li Ġeħova qal lil David li ma kienx se jibni t-tempju, hu għamel patt, jew wegħda miegħu. Ġeħova wiegħdu li wieħed mid-dixxendenti tiegħu se jmexxi għal dejjem. (2 Sam. 7:16) Fid-dinja l-ġdida, matul l-Elf Sena, David se jkun ferħan ħafna meta jsir jaf li r-re li qed imexxi, Ġesù, huwa dixxendent tiegħu! Dan ir-rakkont jgħallimna li anki jekk ma nagħmlux dak kollu li nixtiequ għal Ġeħova, hu xorta jistaʼ jberikna b’modi li ma nistennewx.
11. Ġeħova kif bierek lill-Kristjani tal-bidu minkejja li s-Saltna ma ġietx meta xtaqu huma? (Atti 6:7)
11 Il-Kristjani tal-bidu għaddew minn affarijiet li ma kinux qed jistennew. Pereżempju, huma kienu jħarsu ’l quddiem biex tiġi s-Saltna t’Alla, imma ma kinux jafu meta. (Atti 1:6, 7) Allura x’għamlu? Huma baqgħu jippritkaw. Waqt li bdew jippritkaw f’ħafna postijiet ġodda, huma setgħu jaraw li Ġeħova kien qed iberikhom.—Aqra Atti 6:7.
12. Il-Kristjani tal-bidu x’għamlu meta kien hemm il-ġuħ?
12 Darba, kien hemm ġuħ kbir “fuq l-art abitata kollha.” (Atti 11:28) Il-Kristjani tal-bidu wkoll ġew affettwati minnu. Immaġina kemm batew minħabba n-nuqqas t’ikel. Il-ġenituri żgur li kienu inkwetati dwar kif se jieħdu ħsieb il-familja. U l-ġuħ kif affettwa liż-żgħażagħ li xtaqu jippritkaw iżjed? Forsi ħasbu li jkun aħjar jekk jistennew sakemm jispiċċa l-ġuħ. Kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi tagħhom, huma raw x’setgħu jagħmlu. Huma komplew jippritkaw kif setgħu, u kienu ferħanin jaqsmu dak li kellhom mal-aħwa fil-Lhudija.—Atti 11:29, 30.
13. Ġeħova kif għen lill-Kristjani meta kien hemm il-ġuħ?
13 Il-Kristjani liema barkiet gawdew meta kien hemm il-ġuħ? Dawk li rċivew l-affarijiet li kellhom bżonn, raw l-għajnuna taʼ Ġeħova. (Mt. 6:31-33) Huma ħassewhom iktar qrib tal-aħwa li għenuhom. U dawk li taw donazzjonijiet jew affarijiet li kellhom bżonn l-aħwa, ħassew il-ferħ li jiġi meta tagħti. (Atti 20:35) Ġeħova ppremja lil dawk kollha li addattaw għall-bidliet li kellhom.
14. Xi ġralhom Barnaba u l-appostlu Pawlu, u x’kien ir-riżultat? (Atti 14:21, 22)
14 Il-Kristjani tal-bidu ffaċċjaw il-persekuzzjoni ħafna drabi, u ġieli meta ma kinux qed jistennewha. Aħseb x’ġara lil Barnaba u l-appostlu Pawlu meta kienu qed jippritkaw f’Listra. Għall-ewwel in-nies laqgħuhom u bdew jisimgħuhom. Imma iktar tard, xi nies “ipperswadew lill-folol,” u wħud minnhom waddbu l-ġebel lil Pawlu u ħallewh mal-art biex imut. (Atti 14:19) Imma Barnaba u Pawlu komplew jippritkaw xi mkien ieħor. X’kien ir-riżultat? Huma għamlu “ftit dixxipli mhux ħażin,” u dak li qalu u l-eżempju tagħhom inkuraġġixxa lill-aħwa. (Aqra Atti 14:21, 22.) Ħafna bbenefikaw minħabba li Pawlu u Barnaba ma waqfux jippritkaw anki meta ffaċċjaw il-persekuzzjoni. Jekk ma naqtgħux qalbna fix-xogħol li jridna nagħmlu Ġeħova, hu se jippremjana.
FI ŻMIENNA
15. X’tgħallimt mill-eżempju taʼ Ħuna A. H. Macmillan?
15 Qabel l-1914, in-nies taʼ Ġeħova kienu qed jistennew xi affarijiet jiġru. Pereżempju, aħseb dwar Ħuna A. H. Macmillan. Bħal ħafna oħrajn, Ħuna Macmillan ħaseb li dalwaqt kien se jmur fis-sema. F’taħdita li ta f’Settembru tal-1914, hu qal: “X’aktarx din l-aħħar taħdita li se nagħti.” Imma mhux hekk ġara. Iżjed tard, Ħuna Macmillan kiteb: “Xi wħud minna milli jidher għaġġlu wisq u ħasbu li se jmorru fis-sema mill-ewwel. Imma dak li kellna nagħmlu hu li nibqgħu ffokati fuq ix-xogħol tal-Mulej.” Ħuna Macmillan hekk għamel. Hu baqaʼ jagħmel dak kollu li setaʼ fil-ministeru. Hu inkuraġġixxa lil ħafna aħwa li kienu qegħdin fil-ħabs minħabba li ma ridux ikunu suldati. U hu baqaʼ jattendi l-laqgħat anke meta kiber fl-età. Ħuna Macmillan kif ibbenefika minħabba li baqaʼ jagħmel dak li setaʼ waqt li kien qed jistenna l-premju tiegħu? Ftit qabel miet fl-1966, hu kiteb: “Il-fidi tiegħi għadha b’saħħitha daqs kemm kienet qabel.” Kemm hu eżempju tajjeb għalina li għandna nimitaw, speċjalment meta nkunu ilna nissaportu l-problemi!—Ebr. 13:7.
16. Ħuna Herbert Jennings u l-mara tiegħu liema problemi ffaċċjaw? (Ġakbu 4:14)
16 Ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova jiffaċċjaw problemi taʼ saħħa li ma jkunux qed jistennew. Pereżempju, fil-bijografija tiegħu, Ħuna Herbert Jennings b qal li hu u l-mara tiegħu kienu jieħdu pjaċir ħafna jaqdu bħala missjunarji fil-Ghana. Imbagħad, hu marad b’marda serja. Hu kkwota minn Ġakbu 4:14, u qal: “‘Għada’ ma nafux x’se jsir minna.” (Aqra.) Hu kiteb: “Allura kellna naċċettaw is-sitwazzjoni u rranġajna biex nitilqu mill-Ghana u nħallu lil ħafna ħbieb tal-qalb u nerġgħu lura l-Kanada [għall-kura medika].” Ġeħova għen lil Ħuna Jennings u l-mara tiegħu biex ikomplu jaqduh minkejja l-isfidi.
17. L-eżempju taʼ Ħuna Jennings kif għen lil aħwa oħrajn?
17 Dak li qal Ħuna Jennings għen ħafna lil oħrajn. Oħt kitbet: “Qatt ma ħassejtni inkuraġġita daqs meta qrajt l-artiklu. . . . Meta qrajt kif Ħuna Jennings kellu jitlaq l-inkarigu tiegħu minħabba l-marda li kellu, għenni biex inħares lejn is-sitwazzjoni tiegħi b’mod differenti.” Ħu ieħor kiteb: “Kont ilni naqdi bħala anzjan għal għaxar snin, imma mbagħad kelli nieqaf minħabba li bdejt inbati b’marda mentali. Tant ħassejtni ma niswa għal xejn li ma stajtx naqra l-esperjenzi t’aħwa oħrajn. . . . Imma l-kuraġġ taʼ Ħuna Jennings għenni biex ma naqtax qalbi.” Dan ifakkarna li meta nissaportu l-problemi li jinqalgħu, nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn. Anki jekk l-affarijiet ma jkunux kif nixtiequ aħna, xorta nistgħu nkunu eżempju taʼ fidi u kuraġġ.—1 Pt. 5:9.
18. X’titgħallem mill-eżempju tal-oħt min-Niġerja? (Ara l-istampa.)
18 Diżastri bħall-pandemija tal-COVID-19 kellhom effett kbir fuq il-poplu taʼ Ġeħova. Pereżempju, armla fin-Niġerja kien baqgħalha ftit ikel u flus. Filgħodu, it-tifla staqsietha x’kienu se jieklu wara li jużaw l-aħħar ftit ross li kellhom. L-oħt qalet lit-tifla li ma kienx baqgħalhom ikel u flus, imma kellhom jimitaw lill-armla taʼ Sarefat billi jippreparaw l-aħħar ikla u jafdaw f’Ġeħova. (1 Slat. 17:8-16) Qabel ma bdew jaħsbu x’se jieklu f’nofsinhar, huma rċivew basket bl-affarijiet li kellhom bżonn mingħand l-aħwa. Fih kien hemm biżżejjed ikel biex iservihom iktar minn ħmistax. L-oħt qalet li hi ma rrealizzatx kemm Ġeħova kien qed jismaʼ dak li qalet lit-tifla tagħha. Meta nistrieħu fuq Ġeħova, il-problemi li jinqalgħu jistgħu jressquna eqreb lejh.—1 Pt. 5:6, 7.
19. Ħuna Aleksey Yershov liema persekuzzjoni ssaporta?
19 F’dawn l-aħħar snin, ħafna minn ħutna ssaportew persekuzzjoni li ma kinux qed jistennew. Aħseb f’Ħuna Aleksey Yershov, li jgħix ir-Russja. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova hemmhekk kellhom ftit libertà meta Ħuna Yershov tgħammed fl-1994. Imma iktar tard, is-sitwazzjoni fir-Russja nbidlet. Fl-2020, il-pulizija daħlu jfittxu fid-dar taʼ Ħuna Yershov, u ħadulu ħafna mill-affarijiet li kellu. Xi xhur wara, il-gvern fetaħ kawża kontrih. Hu ġie akkużat fuq vidjow li ħadet persuna li damet tistudja l-Bibbja għal madwar sena għax taparsi kienet interessata. Kemm hi xi ħaġa kerha!
20. Ħuna Yershov kif saħħaħ il-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova?
20 Mill-persekuzzjoni li ffaċċja Ħuna Yershov, kien hemm xi ħaġa pożittiva? Iva. Il-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova saret iktar b’saħħitha. Hu jgħid: “Jien u l-mara tiegħi bdejna nitolbu iktar flimkien. Jien indunajt li mingħajr l-għajnuna taʼ Ġeħova ma stajtx nissaporti din is-sitwazzjoni. Studju personali għenni biex ma nħossnix skuraġġit. Jien nimmedita fuq qaddejja leali tal-passat. Hemm ħafna rakkonti fil-Bibbja li juruna kemm hu importanti li ma ninkwetawx u nafdaw f’Ġeħova.”
21. X’tgħallimna f’dan l-artiklu?
21 X’tgħallimna f’dan l-artiklu? Kultant fil-ħajja jinqalgħu problemi li ma nkunux qed nistennew. Imma Ġeħova dejjem jgħin lill-qaddejja tiegħu meta jafdaw fih. Bħalma tgħid l-iskrittura prinċipali, “it-tajjeb ikollu ħafna diffikultajiet, imma Ġeħova jeħilsu minnhom kollha.” (Salm 34:19) Ejja ma niffokawx fuq il-problemi tagħna, imma niffokaw fuq il-qawwa li jagħtina Ġeħova. Imbagħad bħall-appostlu Pawlu, se nkunu nistgħu ngħidu: “Għal kollox għandi s-saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-qawwa.”—Flp. 4:13.
GĦANJA 38 Hu se jsaħħek
a Għalkemm jistgħu jinqalgħu l-problemi, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħin lill-qaddejja leali tiegħu. Ġeħova kif għen lill-qaddejja tiegħu fil-passat? Kif qed jgħinna llum? Meta neżaminaw eżempji mill-Bibbja u esperjenzi tal-aħwa, se nkunu iżjed ċerti li jekk nistrieħu fuq Ġeħova se jgħinna nissaportu wkoll.