ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 16
“Ħuk Iqum”!
‘Ġesù qal lil Marta: “Ħuk iqum.”’—ĠW. 11:23.
GĦANJA 151 Isejjaħ hu
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Matthew kif wera li għandu fidi fl-irxoxt?
TIFEL jismu Matthew għandu marda serja u kellu jagħmel ħafna operazzjonijiet. Meta kellu sebaʼ snin, hu u l-familja tiegħu kienu qed jaraw il-broadcasting. Lejn l-aħħar kien hemm il-kanzunetta oriġinali dwar l-irxoxt. b Wara l-broadcasting, Matthew mar ħdejn il-ġenituri, qabdilhom idejhom u qalilhom: “Ma, Pa, qed tara! Anki jekk immut, se nerġaʼ nqum fl-irxoxt. Toqogħdux tinkwetaw. Tistgħu tistennewni.” Immaġina kemm kienu ferħanin il-ġenituri meta raw li t-tifel tagħhom għandu fidi kbira fl-irxoxt.
2-3. Għala hu tajjeb li naħsbu dwar il-wegħda tal-irxoxt?
2 Ikun tajjeb li kultant naħsbu dwar il-wegħda li nsibu fil-Bibbja dwar l-irxoxt. (Ġw. 5:28, 29) Għala? Għax ma nafux meta tistaʼ taqbadna marda serja jew nitilfu lil xi ħadd li nħobbu. (Ekk. 9:11; Ġak. 4:13, 14) It-tama tal-irxoxt se tgħinna nissaportu dawn il-provi. (1 Tess. 4:13) Il-Bibbja turina li Missierna tas-sema jafna sew u jħobbna ħafna. (Lq. 12:7) U biex jirxoxtana bl-istess karattru u memorji, Alla Ġeħova jrid ikun jafna sew. Ġeħova tant iħobbna li għamilha possibbli li ngħixu għal dejjem. Jekk immutu, hu se jirxoxtana!
3 F’dan l-artiklu, l-ewwel se niddiskutu xi raġunijiet għala nistgħu nemmnu li l-irxoxt se jiġri. Imbagħad se naraw ir-rakkont mill-Bibbja li fih il-kliem tal-iskrittura prinċipali: “Ħuk iqum.” (Ġw. 11:23) Fl-aħħar, se nitgħallmu x’nistgħu nagħmlu biex insaħħu l-fidi tagħna fl-irxoxt.
GĦALA NISTGĦU NEMMNU L-WEGĦDA TAL-IRXOXT?
4. Minn xiex trid tkun konvint biex temmen wegħda? Agħti eżempju.
4 Biex temmen wegħda trid tkun konvint li min qed jagħmilha jixtieq u għandu l-qawwa, jiġifieri l-abbiltà, li jwettaqha. Immaġina li d-dar tiegħek waqgħet minħabba maltempata. Imbagħad ħabib tiegħek iwiegħdek, ‘Jien se ngħinek terġaʼ tibni d-dar.’ Int taf li hu jżomm kelmtu u ċert li jixtieq jgħinek. Jekk hu jaf jibni u għandu l-għodda, int taf ukoll li għandu l-abbiltà li jgħinek. Allura temmnu. Mela xi ngħidu dwar il-wegħda tal-irxoxt? Alla għandu x-xewqa u l-abbiltà li jagħmilha?
5-6. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jixtieq jirxoxta l-mejtin?
5 Ġeħova jixtieq jirxoxtahom lill-mejtin? Żgur li iva. Hu ggwida lil xi rġiel biex fil-Bibbja jiktbu dwar il-wegħda tal-irxoxt. (Is. 26:19; Ħos. 13:14; Riv. 20:11-13) U meta Ġeħova jwiegħed xi ħaġa, dejjem jagħmilha. (Ġoż. 23:14) Ġeħova vera jixtieq jirxoxta lil dawk li mietu. Kif nafu?
6 Aħseb dwar x’qal Ġob. Hu kien ċert li jekk imut, Ġeħova vera jixtieq jerġaʼ jarah ħaj. (Ġob 14:14, 15) Ġeħova jħossu l-istess dwar il-qaddejja kollha tiegħu li mietu. Hu jħares ’il quddiem li jirxoxtahom u jarahom jgħixu ferħanin. Ġeħova kif iħossu dwar in-nies li mietu qabel ma kellhom iċ-ċans li jitgħallmu dwaru? Alla Ġeħova jħobb lil kulħadd u jixtieq jirxoxtahom ukoll. (Atti 24:15) Hu jrid itihom l-opportunità li jsiru l-ħbieb tiegħu u jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Ġw. 3:16) Mela naraw ċar li Ġeħova vera għandu xewqa kbira li jirxoxta l-mejtin.
7-8. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova għandu l-qawwa biex jirxoxta l-mejtin?
7 Ġeħova għandu l-qawwa biex jirxoxta l-mejtin? Iva! Hu “Jistaʼ Kollox.” (Riv. 1:8) Allura, hu għandu l-qawwa biex jirbaħ lill-għedewwa kollha, anki l-mewt. (1 Kor. 15:26) Dan jinkuraġġina ħafna. Aħseb fl-eżempju t’oħtna Emma Arnold. Hi u l-familja tagħha ffaċċjaw provi diffiċli matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Emma pprovat tinkuraġġixxi lit-tifla tagħha għax fil-kampijiet tal-konċentrament Nazisti mietu xi nies li kienet tħobb. Emma qaltilha: “Jekk in-nies li mietu ma jistgħux jerġgħu jgħixu, mela l-mewt hi b’saħħitha iktar minn Alla. Imma dan ma jistax ikun.” Xejn mhu iktar b’saħħtu minn Ġeħova! L-Alla li jistaʼ kollox u li ħalaq in-nies għandu l-qawwa li jerġaʼ jagħti l-ħajja lura lil dawk li mietu.
8 Raġuni oħra għala nafu li Alla jistaʼ jirxoxta l-mejtin hi għax hu ma jinsa xejn. Hu jaf l-ismijiet kollha tal-istilel. (Is. 40:26) Ġeħova jiftakar lin-nies kollha li mietu. (Ġob 14:13; Lq. 20:37, 38) Hu jiftakar kull dettall tan-nies li se jirxoxta, inkluż kif jidhru, il-karattru, minn xiex għaddew, u l-memorji tagħhom.
9. Int għala temmen li Ġeħova se jirxoxta l-mejtin?
9 Mela nistgħu nemmnu l-wegħda taʼ Ġeħova tal-irxoxt għax nafu li hu għandu x-xewqa u l-qawwa biex jagħmilha. Raġuni oħra hi li Ġeħova diġà rxoxta lil xi nies. Fiż-żminijiet tal-Bibbja, hu ta l-qawwa lil ftit irġiel leali, inkluż lil Ġesù, biex iqajmu l-mejtin. Issa se niddiskutu wieħed mir-rakkonti tal-irxoxt li għamel Ġesù, li nsibuh fi Ġwanni kapitlu 11.
IMUT ĦABIB TAʼ ĠESÙ
10. X’jiġri meta Ġesù jkun qed jipprietka n-naħa l-oħra tal-Ġordan, u x’jagħmel? (Ġwanni 11:1-3)
10 Aqra Ġwanni 11:1-3. Immaġina x’ġara f’Betanja lejn l-aħħar tas-sena 32. F’dan il-villaġġ joqogħdu xi ħbieb tal-qalb taʼ Ġesù, Lazzru u ż-żewġ ħutu, Marija u Marta. (Lq. 10:38-42) Lazzru jimrad, u ħutu qed jinkwetaw ħafna. Huma jibagħtu lil xi ħadd biex jgħid lil Ġesù, li qiegħed in-naħa l-oħra tal-Ġordan, madwar jumejn mixi ’l bogħod minn Betanja. (Ġw. 10:40) Imma sakemm il-messaġġier jasal għand Ġesù, Lazzru jilħaq imut. Minkejja li Ġesù jaf li l-ħabib tiegħu miet, hu jibqaʼ fejn kien għal jumejn oħra, imbagħad jitlaq lejn Betanja. Għalhekk, sakemm Ġesù jasal, Lazzru jkun ilu erbat ijiem mejjet. Ġesù jagħmel xi ħaġa biex jgħin lill-ħbieb tiegħu u jfaħħar lil Alla.—Ġw. 11:4, 6, 11, 17.
11. Dan ir-rakkont kif jgħinna nkunu ħbieb tajbin?
11 Minn dan ir-rakkont nitgħallmu kif inkunu ħbieb tajbin. Aħseb dwar dan. Marija u Marta ma qalux lil Ġesù biex imur Betanja. Huma qalulu li l-ħabib tiegħu kien marid. (Ġw. 11:3) Meta Lazzru miet, Ġesù setaʼ rxoxtah avolja kien ’il bogħod ħafna. Imma hu ddeċieda li jmur Betanja biex ikun mal-ħbieb tiegħu Marija u Marta. Int għandek ħabib li jgħinek mingħajr ma ssaqsih? Jekk iva, mela żgur taf li se jgħinek fi żminijiet diffiċli. (Prov. 17:17) Aħna għandna nkunu ħbieb tajbin għal oħrajn, bħalma kien Ġesù. Ejja nkomplu naraw x’ġara fir-rakkont.
12. Ġesù xi jwiegħed lil Marta, u hi għala tistaʼ temmnu? (Ġwanni 11:23-26)
12 Aqra Ġwanni 11:23-26. Marta ssir taf li Ġesù qiegħed viċin Betanja. Hi mill-ewwel tmur tiltaqaʼ miegħu, u tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawnhekk ħija ma kienx imut.” (Ġw. 11:21) Ġesù vera setaʼ jfejjaq lil Lazzru, imma ried jagħmel iktar minn hekk. Hu jwegħedha: “Ħuk iqum.” Hu jagħti lil Marta raġuni oħra għala tistaʼ temmnu. Hu jgħid: “Jien l-irxoxt u l-ħajja.” Alla tah il-qawwa biex jirxoxta l-mejtin. Qabel, Ġesù kien qajjem tifla ftit wara li mietet, u żagħżugħ milli jidher fl-istess ġurnata li miet. (Lq. 7:11-15; 8:49-55) Imma jistaʼ jirxoxta lil xi ħadd li ilu mejjet erbat ijiem u li l-ġismu diġà beda jinten?
“LAZZRU, OĦROĠ!”
13. Skont Ġwanni 11:32-35, Ġesù x’għamel meta ra lil Marija u oħrajn jibku? (Ara l-istampa.)
13 Aqra Ġwanni 11:32-35. Immaġina x’jiġri wara. Marija, oħt Lazzru, tmur tiltaqaʼ ma’ Ġesù wkoll. Hi terġaʼ tgħidlu dak li qaltlu oħtha: “Mulej, kieku kont hawnhekk ħija ma kienx imut.” Hi u oħrajn li qegħdin magħha huma mdejqin ħafna. Meta Ġesù jarahom u jismagħhom jibku, hu tant jitħassarhom li jibki. Hu jistaʼ jifhem kemm tweġġaʼ meta jmut xi ħadd li tħobb u żgur li jixtieq jgħinhom!
14. Dak li għamel Ġesù meta ra lil Marija tibki, x’jgħallimna dwar Ġeħova?
14 Dak li għamel Ġesù meta ra lil Marija tibki jgħallimna li Ġeħova jħoss għalina. Kif nafu? Fl-artiklu taʼ qabel tgħallimna li Ġesù jħoss u jaħseb eżatt bħal Missieru. (Ġw. 12:45) Ġesù beka għax ħass għall-ħbieb tiegħu li kienu mdejqin. Mela Ġeħova wkoll iħoss għalina meta jarana mdejqin. (Salm 56:8) Dan żgur li jġiegħlek tersaq eqreb lejn Ġeħova.
15. Skont Ġwanni 11:41-44, x’ġara fejn il-qabar taʼ Lazzru? (Ara l-istampa.)
15 Aqra Ġwanni 11:41-44. Ġesù jasal fejn il-qabar taʼ Lazzru u jgħid lin-nies biex ineħħu l-ġebla. Marta ma tkunx trid għax tgħid li l-ġisem beda jinten. Ġesù jwiġibha: “M’għedtlekx li jekk temmen tara l-glorja t’Alla?” (Ġw. 11:39, 40) Imbagħad Ġesù jħares lejn is-sema u jitlob quddiem l-oħrajn. Hu jrid ifaħħar lil Ġeħova għal dak li se jagħmel. Imbagħad jgħajjat: “Lazzru, oħroġ!” U Lazzru joħroġ mill-qabar! Ġesù għamel xi ħaġa li n-nies kienu jaħsbu li kienet impossibbli.—Ara l-artiklu “Ġesù għala ħa erbat ijiem biex jasal ħdejn il-qabar taʼ Lazzru?” f’It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Jannar 2008.
16. Ir-rakkont fi Ġwanni kapitlu 11 kif isaħħilna l-fidi fl-irxoxt?
16 Ir-rakkont fi Ġwanni kapitlu 11 isaħħilna l-fidi fl-irxoxt. Kif? Ftakar li Ġesù wiegħed lil Marta: “Ħuk iqum.” (Ġw. 11:23) Bħal Missieru, Ġesù jixtieq u għandu l-qawwa jagħmel dak li wiegħed. Meta beka, hu wera kemm vera jixtieq jirxoxta l-mejtin u jneħħi d-dwejjaq li jkollna meta nitilfu lil xi ħadd. U meta Lazzru ħareġ mill-qabar, Ġesù reġaʼ wera li għandu l-qawwa li jqajjem il-mejtin. Ġesù fakkar lil Marta: “M’għedtlekx li jekk temmen tara l-glorja t’Alla?” (Ġw. 11:40) Aħna għandna raġunijiet tajbin biex nemmnu li Alla se jagħmel dak li wiegħed u jirxoxta l-mejtin. Imma kif tistaʼ ssaħħaħ iżjed il-fidi tiegħek fl-irxoxt?
KIF TISTAʼ SSAĦĦAĦ IŻJED IL-FIDI TIEGĦEK FL-IRXOXT
17. X’għandna niftakru meta naqraw rakkonti mill-Bibbja dwar l-irxoxt?
17 Aqra u aħseb sew dwar ir-rakkonti tal-irxoxt. Fil-Bibbja hemm tmien rakkonti taʼ nies li ġew irxoxtati biex jgħixu fuq l-art. c Studja sew dawn ir-rakkonti. Int u tistudjahom, ftakar li dawn kienu rġiel, nisa, u tfal li veru għexu fil-passat. Ara x’tistaʼ titgħallem minnhom. Ara kif kull rakkont juri li Alla jixtieq u għandu l-qawwa li jqajjem il-mejtin. Imbagħad aħseb sew dwar l-irxoxt taʼ Ġesù, li hu l-iktar irxoxt importanti. Ftakar li mijiet taʼ nies raw lil Ġesù rxoxtat, u dak li nemmnu huwa bbażat fuq dan l-irxoxt.—1 Kor. 15:3-6, 20-22.
18. Kif tistaʼ tibbenefika mill-kanzunetti dwar l-irxoxt? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
18 Ismaʼ, kanta, u aħseb dwar għanjiet li jitkellmu dwar l-irxoxt. d (Efes. 5:19) Dawn il-kanzunetti jgħinuk timmaġina l-irxoxt u ssaħħaħ il-fidi tiegħek fih. Oqgħod ismagħhom. Kantahom ħafna drabi, u ddiskuti xi jfisser il-kliem waqt il-qima bħala familja. Tgħallimhom bl-amment u aħseb sew dwarhom ħalli jsaħħulek il-fidi u jmissulek qalbek. Imbagħad, jekk tiffaċċja prova li jkun hemm ħajtek fin-nofs, jew titlef lil xi ħadd fil-mewt, l-ispirtu taʼ Ġeħova se jgħinek tiftakar dawn il-kanzunetti biex jinkuraġġuk.
19. X’nistgħu nimmaġinaw dwar l-irxoxt? (Ara l-kaxxa “ Xi Ssaqsihom?”)
19 Immaġina. Ġeħova tana l-abbiltà li nimmaġinaw lilna nfusna fid-dinja l-ġdida. Oħt tgħid: “Tant nimmaġina lili nnifsi fid-dinja l-ġdida li qisni nistaʼ nxomm il-fjuri fil-Ġenna tal-art.” Immaġinak tiltaqaʼ ma’ rġiel u nisa leali taʼ żmien il-Bibbja. Ma’ min tixtieq tiltaqaʼ? X’tixtieq issaqsihom? Immaġinak terġaʼ tiltaqaʼ ma’ nies li tħobb. Aħseb dwar x’se tgħidilhom, kemm se tgħannaqhom, u kemm se tkun ferħan li qed terġaʼ tarahom!
20. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?
20 Kemm napprezzaw il-wegħda tal-irxoxt li għamlilna Ġeħova! Aħna nistgħu nkunu ċerti li din se tiġri għax Ġeħova jixtieq u għandu l-qawwa jagħmel dak li wiegħed. Ejja nkunu determinati li nibqgħu nsaħħu l-fidi tagħna f’din it-tama sabiħa. Meta nagħmlu hekk, se nersqu eqreb t’Alla, li jwiegħed lil kull wieħed minna, ‘Dawk li tħobbu se jqumu!’
GĦANJA 147 Ħajja taʼ dejjem hi mwiegħda
a Jekk tlift lil xi ħadd li tħobb fil-mewt, bla dubju t-tama tal-irxoxt tinkuraġġik. Imma kif tistaʼ tispjega lil oħrajn għala temmen f’din il-wegħda? U kif tistaʼ ssaħħaħ il-fidi tiegħek fl-irxoxt? Dan l-artiklu se jgħinna nsaħħu l-fidi tagħna fit-tama tal-irxoxt.
b Il-vidjow mużikali jismu Wara l-kantuniera u qiegħed fil-broadcasting taʼ Novembru 2016.
c Dawn ir-rakkonti qegħdin fl-1 Slaten 17:17-24; 2 Slaten 4:32-37; 13:20, 21; Luqa 7:11-15; 8:41-56; Ġwanni 11:38-44; Atti 9:36-42; u 20:7-12.
d Ara l-għanjiet fil-ktieb Kanta mill-qalb lil Ġeħova: “Immaġinak meta kollox ikun ġdid” (Għanja 139), “Ibqaʼ ffokat fuq it-tama!” (Għanja 144), u “Isejjaħ hu” (Għanja 151). Ara wkoll il-kanzunetti oriġinali fuq jw.org “Wara l-kantuniera,” “The New World to Come,” u “You Will See.”