Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 18

Ninkuraġġixxu lil Xulxin fil-Laqgħat

Ninkuraġġixxu lil Xulxin fil-Laqgħat

“Ħa nagħtu kas xulxin [u] ninkuraġġixxu lil xulxin.” —EBR. 10:24, 25.

GĦANJA 88 Għarrafni triqatek

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Għala nikkummentaw fil-laqgħat?

 GĦALA nattendu l-laqgħat? L-ewwel nett, biex infaħħru lil Ġeħova. (Salm 26:12; 111:1) Nattendu wkoll biex ninkuraġġixxu lil xulxin matul dawn iż-żminijiet diffiċli. (1 Tess. 5:11) Meta nikkummentaw fil-laqgħat inkunu qed nagħmlu dawn iż-żewġ affarijiet.

2. Fil-laqgħat tagħna meta nistgħu nikkummentaw?

2 Kull ġimgħa jkollna l-opportunità biex nikkummentaw fil-laqgħat. Pereżempju, fil-laqgħa tal-weekend nistgħu nikkummentaw waqt l-Istudju taʼ It-Torri tal-Għassa. U fil-laqgħa taʼ fost il-ġimgħa nistgħu nikkummentaw fil-Ġawhar Spiritwali, fl-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni, u f’diskussjonijiet oħrajn.

3. Għala jistaʼ jkun diffiċli għalina biex nikkummentaw, u Ebrej 10:24, 25 kif jgħinna?

3 Aħna kollha nixtiequ nfaħħru lil Ġeħova u ninkuraġġixxu lill-aħwa. Imma hemm xi affarijiet li jistgħu jagħmluhielna diffiċli biex nikkummentaw. Forsi nibżgħu jew forsi nkunu nixtiequ nikkummentaw imma kultant il-ħu ma jqabbadniex. X’jistaʼ jgħinna? Dak li Pawlu kiteb lill-​Ebrej jistaʼ jgħinna nsibu t-tweġiba. Meta tkellem dwar kemm hu importanti li nattendu l-laqgħat flimkien, hu qal li aħna rridu “ninkuraġġixxu lil xulxin.” (Aqra Ebrej 10:24, 25.) Jekk niftakru li anki b’kumment sempliċi se ninkuraġġixxu lill-aħwa, se nibżgħu inqas meta niġu biex ngħollu idna. U jekk ma jqabbduniex spiss, xorta nistgħu nkunu ferħanin għax nafu li oħrajn qed ikollhom l-opportunità li jikkummentaw.—1 Pt. 3:8.

4. Liema tliet affarijiet se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

4 F’dan l-artiklu, l-ewwel se naraw kif nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin f’kongregazzjoni żgħira meta ma jkunx hemm ħafna min jikkummenta. Imbagħad se naraw kif nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin f’kongregazzjoni kbira meta jkun hemm ħafna aħwa li jkunu jridu jikkummentaw. U fl-aħħar se naraw kif nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin b’dak li ngħidu fil-kummenti tagħna.

NINKURAĠĠIXXU LIL XULXIN F’KONGREGAZZJONI ŻGĦIRA

5. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin meta nkunu ftit fil-laqgħa?

5 F’kongregazzjoni żgħira jew grupp, ikun hemm ftit nies li jistgħu jwieġbu. Xi kultant, il-ħu li jkun qed jikkonduċi jistaʼ jkun li jkollu jistenna biex xi ħadd jgħolli idu. Il-laqgħa taf tidher qisha mhi ħa tispiċċa qatt u dan ma jkunx inkuraġġanti. X’tistaʼ tagħmel? Kun lest li tikkummenta iktar spiss. Meta tagħmel hekk, tistaʼ tinkuraġġixxi lill-oħrajn biex jikkummentaw iktar.

6-7. Kif nistgħu nnaqqsu l-biżaʼ tagħna meta nkunu se nikkummentaw?

6 X’tistaʼ tagħmel jekk tibżaʼ biex tikkummenta? Ħafna jħossuhom hekk. Tistaʼ ssib modi kif tnaqqas il-biżaʼ tiegħek meta tkun se tikkummenta ħalli b’hekk tinkuraġġixxi lill-aħwa? X’tistaʼ tagħmel?

7 Tistaʼ ssib t’għajnuna l-pariri fl-artikli taʼ It-Torri tal-Għassa. b Pereżempju, ipprepara sew. (Prov. 21:5) Iktar ma tkun taf il-materjal sew, iktar se tħossok komdu biex tikkummenta. Barra minn hekk, agħmel kummenti qosra. (Prov. 15:23; 17:27) X’aktarx se tibżaʼ inqas meta tipprepara kumment qasir. Se jkun iktar faċli għall-aħwa biex jifhmu kumment qasir, forsi sentenza jew tnejn, milli wieħed twil u b’ħafna punti. Meta tagħmel kumment qasir u fi kliemek, se turi li ppreparajt sew u li fhimt il-punt.

8. Ġeħova x’jaħseb dwar l-isforzi li nagħmlu?

8 Xi ngħidu jekk diġà pprovajt xi ftit minn dawn il-pariri imma xorta għadek tibżaʼ tikkummenta iktar minn darba? Kun ċert li Ġeħova japprezza l-isforz tiegħek biex tagħmel dak li tistaʼ. (Lq. 21:1-4) Ġeħova ma jitlobniex nagħmlu iktar milli nistgħu. (Flp. 4:5) Aħseb x’tistaʼ tagħmel, agħmel mira, u itlob biex tibqaʼ kalm. Pereżempju għall-ewwel, tistaʼ tagħmel mira biex tagħmel kumment qasir.

NINKURAĠĠIXXU LIL XULXIN F’KONGREGAZZJONI KBIRA

9. Għala jistaʼ jkun diffiċli biex tikkummenta f’kongregazzjoni kbira?

9 Jekk fil-kongregazzjoni tiegħek hemm ħafna aħwa, forsi għandek sfida differenti. Forsi jkun hemm ħafna li jgħollu idhom biex jikkummentaw, u għalhekk il-ħu ma jqabbdekx spiss. Pereżempju, Danielle dejjem kienet tieħu pjaċir tikkummenta fil-laqgħat. c Hi tqis il-kummenti bħala parti mill-qima, mod kif tinkuraġġixxi lill-aħwa, u mod kif issaħħaħ il-fidi tagħha f’dak li tgħid il-Bibbja. Imma meta marret f’kongregazzjoni kbira, l-aħwa ma kinux iqabbduha tikkummenta spiss, ġieli lanqas darba. Hi tgħid: “Vera kont niddejjaq. Ħassejt li kont qed nitlef privileġġ. Meta tiġri għal darba wara l-oħra, tibda taħseb li qed jagħmlu hekk apposta.”

10. Kif jistaʼ jkollna iktar ċans li nikkummentaw?

10 Ġieli ħassejtek bħalma ħassitha Danielle? Jekk iva, forsi ġieli ħsibt biex ma tibqax tipprova u waqt il-laqgħat toqgħod tisma’ biss. Imma tiqafx tipprova tikkummenta. X’tistaʼ tagħmel? Tistaʼ tipprepara xi ftit kummenti għal-laqgħa. Imbagħad, jekk ma jqabbdukx tikkummenta fil-bidu, se jkollok ċans iktar tard. Meta tkun qed tipprepara l-Istudju taʼ It-Torri tal-Għassa, aħseb kif il-paragrafu jaqbel mat-tema tal-artiklu. Jekk tagħmel hekk, se ssib kummenti tajbin li tkun tistaʼ taqsam matul l-istudju kollu. Barra minn hekk, tistaʼ tipprepara kumment fuq paragrafi li jkun fihom tagħlim tal-Bibbja iktar diffiċli biex tispjegah. (1 Kor. 2:10) Għala? Għax forsi jkun hemm inqas aħwa li jikkummentaw f’dawn il-paragrafi. Imma x’tistaʼ tagħmel jekk applikajt dawn il-pariri, għaddew ftit laqgħat, u xorta ma kellekx l-opportunità li tikkummenta? Qabel il-laqgħa tistaʼ titkellem mal-ħu li jkun se jikkonduċi l-istudju, u tgħidlu f’liema paragrafu tixtieq twieġeb.

11. Filippin 2:4 x’jinkuraġġina nagħmlu?

11 Aqra Filippin 2:4. L-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani biex ifittxu l-interessi personali t’oħrajn. Kif nistgħu napplikaw dan il-parir waqt il-laqgħat? Billi niftakru, li bħalna, aħwa oħrajn ukoll jixtiequ jieħdu sehem fil-laqgħa.

Bħalma tagħti ċans lil oħrajn jitkellmu waqt konversazzjoni, agħti ċans lil oħrajn jikkummentaw fil-laqgħat (Ara paragrafu 12)

12. B’liema mod ninkuraġġixxu lill-aħwa fil-laqgħat? (Ara l-istampa.)

12 Ejja nġibu eżempju. Meta tkun qed titkellem maʼ sħabek, se toqgħod titkellem il-ħin kollu inti u lilhom ma ttihomx ċans jitkellmu? Żgur li le għax int tridhom jieħdu pjaċir jitkellmu miegħek. Bl-istess mod, fil-laqgħat, aħna rridu nħallu lil kemm jistaʼ jkun aħwa oħrajn jikkummentaw. Fil-fatt, mod wieħed kif ninkuraġġuhom hu billi ntuhom iċ-ċans li jesprimu l-fidi tagħhom. (1 Kor. 10:24) Ejja naraw kif nistgħu nagħmlu hekk.

13. Kif nistgħu nagħtu iktar ċans lill-aħwa jikkummentaw?

13 Xi ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li nagħmlu kummenti qosra, biex b’hekk nagħtu ċans lill-oħrajn jieħdu sehem. L-anzjani u aħwa t’esperjenza, għandhom ikunu t’eżempju f’din il-ħaġa. Anki meta tagħmel kumment qasir, issemmix ħafna punti. Jekk issemmi l-punti kollha tal-paragrafu, l-oħrajn mhux se jkollhom fuq xiex jikkummentaw. Pereżempju, dan il-paragrafu fih żewġ pariri: agħmel kummenti qosra u ssemmix ħafna punti. Jekk f’dan il-paragrafu tikkummenta int l-ewwel, ipprova semmi punt wieħed biss.

Meta jistaʼ jkun nagħżlu li ma ngħollux idna matul il-laqgħa? (Ara paragrafu 14) f

14. X’jistaʼ jgħinna niddeċiedu kemm-il darba ngħollu idna? (Ara l-istampa.)

14 Qabel tiddeċiedi li tikkummenta, aħseb ftit. Jekk toqgħod tgħolli idek taʼ spiss, il-ħu li jkun qed jikkonduċi forsi jħoss li għandu jqabbdek, anki jekk ikun hemm oħrajn li għadhom ma wiġbux. Dan jistaʼ jġiegħel lil aħwa oħrajn ma jgħollux idejhom.—Ekk. 3:7.

15. (a) X’għandna nagħmlu jekk ma jqabbduniex nikkummentaw? (b) L-aħwa li jikkonduċu kif jistgħu jaħsbu f’kulħadd? (Ara l-kaxxa “ Jekk Tkun Qed Tikkonduċi.”)

15 Meta jkun hemm ħafna aħwa li jgħollu idhom waqt studju, forsi ma nkunux nistgħu nikkummentaw daqskemm nixtiequ. Xi kultant, il-ħu li jkun qed jikkonduċi jistaʼ lanqas darba ma jqabbadna. Forsi tħossok diżappuntat, imma m’għandniex nieħdu għalina meta jiġri hekk.—Ekk. 7:9.

16. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lil dawk li jikkummentaw?

16 Jekk ma jqabbdukx tikkummenta daqskemm tixtieq, għax ma toqgħodx attent għall-kummenti t’aħwa oħrajn u mbagħad tfaħħarhom għall-kummenti tagħhom? B’dak li tgħidilhom tistaʼ tinkuraġġihom daqs il-kummenti li kieku kont tagħmel. (Prov. 10:21) Meta nfaħħru lil oħrajn, hu mod ieħor kif ninkuraġġixxu lil xulxin.

MODI OĦRA KIF NINKURAĠĠIXXU LIL XULXIN

17. (a) Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom jippreparaw kummenti addattati? (b) Il-vidjow liema erbaʼ passi jsemmi biex tipprepara kumment? (Ara n-nota taʼ taħt.)

17 X’nistgħu nagħmlu iktar biex ninkuraġġixxu lil xulxin fil-laqgħat? Jekk għandek it-tfal, għinhom jippreparaw kummenti addattati għalihom. (Mt. 21:16) Xi kultant, waqt studju jkollna suġġetti serji, bħal problemi fiż-żwieġ jew suġġetti morali. Imma x’aktarx li matul l-istudju se jkun hemm xi paragrafu jew tnejn fejn jistgħu jikkummentaw it-tfal. Għin lit-tfal tiegħek ukoll biex jifhmu li l-ħu li jkun qed jikkonduċi mhux dejjem se jqabbadhom iwieġbu. Dan se jgħinhom biex ma jħossuhomx diżappuntati meta oħrajn jikkummentaw flokhom.—1 Tim. 6:18. d

18. Kif nistgħu nevitaw li niġbdu l-attenzjoni lejna meta nikkummentaw? (Proverbji 27:2)

18 Kulħadd jistaʼ jipprepara kummenti li bihom ifaħħar lil Ġeħova u jinkuraġġixxi lill-aħwa. (Prov. 25:11) Meta xi kultant ngħidu xi esperjenza personali, m’għandniex noqogħdu nitkellmu ħafna dwarna nfusna. (Aqra Proverbji 27:2; 2 Kor. 10:18) Minflok, aħna nipprovaw niffokaw fuq Ġeħova, il-Bibbja, u l-poplu tiegħu. (Riv. 4:11) Bla dubju, jekk il-mistoqsija tal-paragrafu tgħidilna biex ngħidu dak li naħsbu personalment, tajjeb li nagħmlu hekk. Eżempju taʼ dan se narawh fil-paragrafu li ġej.

19. (a) X’se jkun ir-riżultat meta naħsbu fl-aħwa li jkunu fil-laqgħat? (Rumani 1:11, 12) (b) Inti għala tieħu pjaċir tikkummenta fil-laqgħat?

19 M’hemm l-ebda regola kif nagħmlu l-kummenti tagħna, imma rridu nipprovaw ninkuraġġixxu lil xulxin. Dan jistaʼ jfisser li nikkummentaw iktar spiss, jew li nkunu kuntenti bil-kummenti tagħna u nieħdu pjaċir bil-kummenti t’oħrajn. Meta fil-laqgħat niffokaw fuq l-interessi t’oħrajn, se nkunu nistgħu “ninkuraġġixxu lil xulxin.”—Aqra Rumani 1:11, 12.

GĦANJA 93 Bierek il-laqgħat tagħna flimkien

a Aħna ninkuraġġixxu lil xulxin meta nikkummentaw waqt il-laqgħat. Imma xi wħud jibżgħu jikkummentaw. Oħrajn jieħdu pjaċir jikkummentaw u jkunu jixtiequ jqabbduhom iktar. Tkun xi tkun is-sitwazzjoni, kif nistgħu nagħtu kas xulxin? U kif nistgħu nagħmlu kummenti li jinkuraġġixxu lill-aħwa u jgħinuhom juru iktar imħabba? Dan l-artiklu se jurina kif.

b Għal iktar pariri, ara It-Torri tal-Għassa taʼ Jannar 2019, pp. 8-13 u tal-1 taʼ Settembru 2003, pp. 19-22.

c L-isem ġie mibdul.

e Ara It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Lulju 2013, p. 32 u tal-1 taʼ Settembru 2003, pp. 21-22.

f X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: F’kongregazzjoni kbira, ħu li diġà kkummenta qed jagħti ċ-ċans lil aħwa oħrajn biex jikkummentaw.