Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 15

X’Nistgħu Nitgħallmu mill-Mirakli taʼ Ġesù?

X’Nistgħu Nitgħallmu mill-Mirakli taʼ Ġesù?

“[Hu] dar il-pajjiż kollu jagħmel il-ġid u jfejjaq.”—ATTI 10:38.

GĦANJA 13 Kristu, l-eżempju tagħna

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Iddeskrivi x’ġara meta Ġesù għamel l-ewwel miraklu.

 IMMAĠINA x’ġara fis-sena 29 meta Ġesù beda jipprietka. Ġesù, ommu Marija, u ftit mid-dixxipli tiegħu kienu mistidnin għal tieġ f’Kana. Dan kien raħal ftit ’il bogħod minn fejn kien jgħix Ġesù, Nazaret. Milli jidher Marija kienet qed tgħin biex tieħu ħsieb il-mistidnin għax kienet ħabiba tal-familja. Imma waqt it-tieġ, l-inbid spiċċa. Dan setaʼ ġiegħel lil tal-familja u l-koppja jistħu. b Jistaʼ jkun li kien hemm ħafna iżjed mistidnin milli stennew. Marija marret tiġri fejn it-tifel tagħha u qaltlu: “M’għandhomx inbid.” (Ġw. 2:1-3) Ġesù x’għamel? Hu jagħmel xi ħaġa tal-għaġeb u jibdel l-ilma “fl-aħjar inbid.”—Ġw. 2:9, 10.

2-3. (a) Ġesù x’tip taʼ mirakli għamel? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw meta nistudjaw il-mirakli taʼ Ġesù?

2 Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù għamel ħafna iżjed mirakli. c Hu uża l-qawwa tiegħu biex jgħin eluf taʼ nies. Pereżempju, darba tema’ 5,000 raġel u darb’oħra 4,000. Imma jistaʼ jkun li bin-nisa u t-tfal kien hemm iktar minn 27,000 persuna. (Mt. 14:15-21; 15:32-38) F’dawn iż-żewġ okkażjonijiet, Ġesù fejjaq ukoll ħafna li kienu morda. (Mt. 14:14; 15:30, 31) Immaġina kemm baqgħu impressjonati n-nies meta Ġesù fejjaqhom u tahom x’jieklu!

3 Aħna nistgħu nitgħallmu ħafna mill-mirakli li għamel Ġesù. F’dan l-artiklu se niddiskutu lezzjonijiet minn dawn il-mirakli li jsaħħulna l-fidi. Imbagħad se naraw kif nistgħu nimitaw l-umiltà u l-ħniena li wera Ġesù meta għamel dawn il-mirakli.

X’NITGĦALLMU DWAR ĠEĦOVA U ĠESÙ

4. Il-mirakli taʼ Ġesù dwar min jgħallmuna?

4 Il-mirakli taʼ Ġesù jgħallmuna affarijiet li jsaħħulna l-fidi fih u anki f’Missieru. Dan għax il-qawwa biex jagħmel dawn il-mirakli ġiet mingħand Ġeħova. Atti 10:38 jgħid: ‘Alla dilek bl-ispirtu qaddis u bil-qawwa lil Ġesù, u dan dar il-pajjiż kollu jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha maħqurin mix-Xitan, għax Alla kien miegħu.’ Ftakar li f’dak kollu li Ġesù qal u għamel, inkluż il-mirakli, imita eżatt kif jaħseb u jħoss Missieru. (Ġw. 14:9) Ejja naraw tliet affarijiet li nitgħallmu mill-mirakli taʼ Ġesù.

5. Ġesù għala għamel il-mirakli? (Mattew 20:30-34)

5 L-ewwel, Ġesù u Missieru jħobbuna ħafna. Meta kien fuq l-art, Ġesù wera kemm iħobb lin-nies billi uża l-qawwa tiegħu biex jgħin lil dawk li kienu qed ibatu. Darba, żewġt irġiel ma jarawx bdew jgħajtulu biex jgħinhom. (Aqra Mattew 20:30-34.) Ġesù “tħassarhom” u mbagħad fejjaqhom. Il-verb bil-Grieg “tħassarhom” ifisser li tħoss ħafna għal xi ħadd. Dan hu l-mod kif Ġesù wera li jħobb lin-nies. U għalhekk li ta l-ikel lil dawk li kienu bil-ġuħ u fejjaq lil raġel bil-ġdiem. (Mt. 15:32; Mk. 1:41) Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova u Ġesù jħobbuna ħafna, u jħossu għalina meta jarawna nbatu. (Lq. 1:78; 1 Pt. 5:7) Huma jħarsu ’l quddiem biex ineħħu l-problemi kollha tan-nies!

6. Ġeħova liema qawwa ta lil Ġesù?

6 It-tieni, Alla ta lil Ġesù l-qawwa biex isolvi l-problemi kollha tan-nies. Meta Ġesù għamel il-mirakli, hu wera li jistaʼ jirranġa l-problemi kollha li aħna ma nistgħux nirranġaw weħidna. Pereżempju, hu għandu l-qawwa li jeħlisna mid-dnub u l-effetti tiegħu, bħall-mard u l-mewt. (Mt. 9:1-6; Rum. 5:12, 18, 19) Il-mirakli tiegħu juru li hu jistaʼ jfejjaq “kull tip taʼ mard” u jqajjem il-mejtin. (Mt. 4:23; Ġw. 11:43, 44) Għandu wkoll il-qawwa li jikkontrolla l-maltempati u jkeċċi d-demonji. (Mk. 4:37-39; Lq. 8:2) Kemm hu inkuraġġanti li nafu li Ġeħova ta din il-qawwa lil Ibnu!

7-8. (a) Permezz tal-mirakli li għamel Ġesù, aħna minn xiex nistgħu nkunu ċerti? (b) Liema miraklu qed tħares ’il quddiem biex tara fid-dinja l-ġdida?

7 It-tielet, nistgħu nkunu ċerti li l-wegħdi t’affarijiet tajbin li se ġġib is-Saltna t’Alla se jiġru żgur. Il-mirakli li għamel Ġesù meta kien fuq l-art juruna dak li se jagħmel mad-dinja kollha bħala r-Re tas-Saltna t’Alla. Aħseb x’se ngawdu meta Kristu se jkun qed imexxi għal fuq l-art. Aħna se ngawdu saħħa perfetta għax hu se jneħħi l-mard u d-diżabilitajiet li qed ibatu bihom in-nies. (Is. 33:24; 35:5, 6; Riv. 21:3, 4) Qatt mhu se nbatu l-ġuħ jew inbatu minn xi diżastru naturali. (Is. 25:6; Mk. 4:41) U se nieħdu pjaċir ħafna nilqgħu lura lil dawk li nħobbu mill-“oqbra tat-tifkira.” (Ġw. 5:28, 29) Liema miraklu qed tħares ’il quddiem biex tara fid-dinja l-ġdida?

8 Meta Ġesù għamel il-mirakli, hu wera ħafna umiltà u ħniena, żewġ kwalitajiet li aħna rridu nimitaw. Ejja naraw żewġ eżempji. L-ewwel se naraw ir-rakkont tat-tieġ taʼ Kana.

ĠESÙ GĦALLIMNA KIF INKUNU UMLI

9. Ġesù għala għamel il-miraklu fit-tieġ taʼ Kana? (Ġwanni 2:6-10)

9 Aqra Ġwanni 2:6-10. Meta l-inbid spiċċa fit-tieġ, Ġesù kellu għalfejn jagħmel xi ħaġa? Le. Ma kien hemm l-ebda profezija li tgħid li l-Messija kien se jibdel l-ilma fi nbid b’miraklu. Imma aħseb kif tħossok kieku fit-tieġ tiegħek jispiċċa x-xorb. Ġesù x’aktarx tħassar lill-familja, speċjalment lill-għarus u l-għarusa, u ma ridhomx iħossuhom imbarazzati. U għalhekk għamel il-miraklu li semmejna fil-bidu taʼ dan l-artiklu. Hu biddel madwar 390 litru ilma fi nbid mill-aqwa. Forsi hu għamel iżżejjed biex dak li jibqgħalhom jużawh fil-futur jew ibigħuh ħalli jkollhom il-flus. Din il-koppja li kienet għadha kif tiżżewweġ żgur li apprezzaw ħafna dak li għamel Ġesù!

Imita lil Ġesù billi ma tiftaħarx b’dak li tagħmel (Ara paragrafi 10-11) e

10. X’inhuma xi dettalji importanti li nsibu fir-rakkont taʼ Ġwanni kapitlu 2? (Ara l-istampa.)

10 Aħseb fid-dettalji importanti li nsibu fir-rakkont taʼ Ġwanni kapitlu 2. Innotajt li Ġesù ma meliex il-ġarar bl-ilma hu? Hu qal lill-qaddejja biex jimlewhom ħalli l-attenzjoni ma tkunx fuqu. (Versi 6, 7) U meta biddel l-ilma fi nbid, Ġesù ma marx hu għand il-kap tal-festa biex idewwaqlu l-inbid, minflok qal lill-qaddejja. (Vers 8) Ġesù ma qabadx tazza bl-inbid, għollieha quddiem il-mistidnin, u qalilhom, ‘Duqu naqra l-inbid li għamilt jien!’

11. X’nistgħu nitgħallmu mill-miraklu li għamel Ġesù?

11 X’nistgħu nitgħallmu mill-miraklu li għamel Ġesù meta biddel l-ilma fi nbid? Nitgħallmu kif inkunu umli. Ġesù ma ftaħarx dwar il-miraklu. Fil-fatt, hu qatt ma ftaħar dwar l-affarijiet li għamel. Minflok, hu dejjem kien umli u faħħar lil Missieru. (Ġw. 5:19, 30; 8:28) Jekk nimitaw lil Ġesù u nibqgħu umli, mhux se niftaħru b’dak li nagħmlu. Nagħmlu x’nagħmlu fix-xogħol taʼ Ġeħova, ejja qatt ma niftaħru bina nfusna, imma niftaħru bl-Alla l-kbir li naqdu. (Ġer. 9:23, 24) Aħna għandna ntuh it-tifħir li jixraqlu. Fuq kollox, qatt mhu se jirnexxilna nagħmlu xi ħaġa tajba mingħajr l-għajnuna tiegħu.—1 Kor. 1:26-31.

12. X’inhu mod ieħor kif nistgħu nimitaw l-umiltà taʼ Ġesù? Agħti eżempju.

12 Ejja naraw mod ieħor kif nistgħu nimitaw l-umiltà taʼ Ġesù. Immaġina anzjan iqattaʼ ħafna ħin jgħin lil qaddej ministerjali jipprepara l-ewwel taħdita pubblika tiegħu. Minħabba l-għajnuna li tah, il-ħu jagħmel taħdita inkuraġġanti u l-aħwa jieħdu pjaċir biha. Wara l-laqgħa, xi ħadd imur fuq l-anzjan u jgħidlu: ‘Kemm għamilha tajba t-taħdita!’ L-anzjan għandu għalfejn jgħidlu: ‘Iva, imma jien tgħidx kemm għentu fiha’? Jew għandu jkun umli u jgħid: ‘Iva, għamel taħdita sabiħa. Veru kburi bih’? Meta nkunu umli, ma nkunux irridu nieħdu l-krettu aħna għall-affarijiet tajbin li nagħmlu m’oħrajn. Aħna ferħanin għax Ġeħova jara u japprezza dak li nagħmlu. (Ara l-prinċipju f’​Mattew 6:2-4; Ebr. 13:16) Meta nimitaw lil Ġesù u nkunu umli, żgur li se nferrħu lil Ġeħova.—1 Pt. 5:6.

ĠESÙ JGĦALLIMNA KIF NURU L-ĦNIENA

13. Ġesù x’ra meta kien dieħel fil-belt taʼ Najn, u x’għamel? (Luqa 7:11-15)

13 Aqra Luqa 7:11-15. Immaġina dak li ġara matul il-ministeru taʼ Ġesù. Hu vvjaġġa lejn Najn, belt fil-Galilija mhux bogħod minn Sunem, fejn il-profeta Eliżew qajjem mill-mewt lil tifel taʼ mara madwar 900 sena qabel. (2 Slat. 4:32-37) Meta Ġesù kien dieħel il-belt, hu jara funeral. Nistgħu nimmaġinaw kemm kienet sitwazzjoni kerha għax l-armla tilfet l-uniku tifel li kellha. L-omm ma kinitx weħidha. Magħha kien hemm folla kbira taʼ nies. Ġesù jwaqqaf il-funeral u jagħmel xi ħaġa tal-għaġeb. Hu jqajjem mill-mewt lit-tifel tal-armla! Dan hu l-ewwel irxoxt li għamel Ġesù minn tlieta li jissemmew fl-Evanġelji.

Imita lil Ġesù billi turi ħniena maʼ dawk li mitilhom xi ħadd li jħobbu (Ara paragrafi 14-16)

14. X’inhuma xi dettalji importanti li ssemmew fir-rakkont taʼ Luqa kapitlu 7? (Ara l-istampa.)

14 Aħseb dwar xi dettalji importanti li nsibu fir-rakkont ta’ Luqa kapitlu 7. L-ewwel Ġesù nnota lill-mara u mbagħad “tħassarha.” (Vers 13) Ġesù forsi raha tibki waqt li kienet miexja wara t-tifel mejjet u tħassarha. Ġesù mhux biss tħassar lill-omm, imma anki wera ħniena magħha. Hu kellimha bil-ħlewwa u qalilha: “Tibqax tibki.” Imbagħad għamel xi ħaġa biex jgħinha. Hu qajjem lit-tifel mill-mewt u “tah lil ommu.”—Versi 14, 15.

15. X’nistgħu nitgħallmu mill-miraklu li għamel Ġesù?

15 X’nistgħu nitgħallmu mill-miraklu li għamel Ġesù meta qajjem mill-mewt lit-tifel tal-armla? Nitgħallmu li rridu nuru ħniena maʼ dawk li jkunu mdejqin ħafna għax tilfu lil xi ħadd fil-mewt. Bla dubju, aħna ma nistgħux inqajmu lill-mejtin bħalma għamel Ġesù. Imma aħna nistgħu naħdmu biex nuru iktar ħniena billi, bħal Ġesù, ninnotaw lil dawk li jkunu mdejqin. Nistgħu nagħmlu l-ewwel pass aħna billi ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li tgħinhom u tinkuraġġihom. d (Prov. 17:17; 2 Kor. 1:3, 4; 1 Pt. 3:8) Anki affarijiet żgħar jistgħu jinkuraġġuhom ħafna.

16. X’tgħallimt mill-esperjenza tal-omm li mititilha t-tifla?

16 Aħseb dwar din l-esperjenza. Ftit snin ilu, waqt li l-aħwa kienu qed ikantaw għanja fil-laqgħa, oħt innotat lil oħt oħra tibki. L-għanja kienet dwar l-irxoxt, u l-oħt li kienet qed tibki kienet għadha kif mititilha t-tifla tagħha. Peress li kienet taf b’dan, l-oħt mill-ewwel marret ħdejha u poġġiet idha fuq spallitha, u kompliet tkanta l-għanja magħha. Iktar tard l-omm qalet: “Vera apprezzajt dak li l-aħwa għamlu miegħi.” Hi kienet kuntenta li marret il-laqgħa. Hi qalet: “Fis-Sala tas-Saltna nsibu l-għajnuna.” Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jinnota u japprezza anki l-affarijiet żgħar li nagħmlu maʼ dawk li huma “mdejqin” għax tilfu lil xi ħadd li jħobbu.—Salm 34:18.

AGĦMEL STUDJU LI JSAĦĦAĦLEK IL-FIDI

17. Il-mirakli taʼ Ġesù x’jgħallmuna?

17 Meta nistudjaw dwar il-mirakli taʼ Ġesù, se niġu inkuraġġiti ħafna. Dawn jgħallmuna li Ġeħova u Ġesù jħobbuna ħafna, li Ġesù għandu l-qawwa biex isolvi l-problemi tan-nies, u nistgħu nkunu ċerti li l-wegħdi għall-futur dalwaqt se jiġru taħt is-Saltna t’Alla. Meta nistudjaw dawn ir-rakkonti, nistgħu naħsbu kif għandna nimitaw il-kwalitajiet taʼ Ġesù. Int tistaʼ tagħmel studju personali jew il-Qima Bħala Familja dwar mirakli oħrajn li għamel Ġesù. Ara x’tistaʼ titgħallem u mbagħad aqsmu m’oħrajn. Meta tagħmel hekk se jkollok ħafna konversazzjonijiet inkuraġġanti.—Rum. 1:11, 12.

18. X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?

18 Lejn l-aħħar tal-ministeru tiegħu, Ġesù għamel t-tielet irxoxt li jissemma fl-Evanġelji. Imma dan kien differenti għax irxoxta lill-ħabib tal-qalb tiegħu li kien ilu mejjet erbat ijiem. X’nistgħu nitgħallmu minn dan il-miraklu, u kif nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna fit-tama tal-irxoxt? L-artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.

GĦANJA 20 Int tajt lill-Iben għażiż tiegħek

a Kemm nieħdu pjaċir naqraw dwar il-mirakli taʼ Ġesù! Pereżempju hu waqqaf maltempata, fejjaq il-morda, u qajjem il-mejtin. Dawn ir-rakkonti mhux qegħdin fil-Bibbja biex nieħdu pjaċir naqrawhom biss, imma biex jgħallmuna wkoll. F’dan l-artiklu se naraw ftit minnhom biex nitgħallmu lezzjonijiet li jsaħħulna l-fidi dwar Ġeħova u Ġesù. Se naraw liema kwalitajiet nistgħu naħdmu fuqhom.

b Studjuż tal-Bibbja jgħid: “Fiż-żminijiet tal-Bibbja, in-nies kienu jaħsbu li kellhom ikunu ġenerużi meta jkollhom il-mistidnin. Min jistieden lin-nies, speċjalment f’tieġ, kellu jagħti lill-mistidnin ħafna iżjed ikel u xorb milli kien hemm bżonn.”

c L-Evanġelji jsemmu iżjed minn 30 miraklu li għamel Ġesù. Hu għamel ħafna iżjed mirakli, imma l-Bibbja ma ssemmihomx wieħed wieħed. Darba, in-nies kollha taʼ belt marru għandu u hu “fejjaq lil ħafna.”—Mk. 1:32-34.

d Għal pariri dwar dak li tistaʼ tgħid jew tagħmel biex tinkuraġġixxi lil min tilef lil xi ħadd fil-mewt, ara l-artiklu “Comfort the Bereaved, as Jesus Did” f’​It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Novembru 2010.

e X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Il-koppja u l-mistidnin tagħhom qed igawdu l-inbid tajjeb waqt li Ġesù qiegħed fuq wara.