ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 15
GĦANJA 124 Dejjem leali
Apprezza Iktar l-Organizzazzjoni taʼ Ġeħova
“Ftakru f’dawk li qed imexxu fostkom u li ħabbrulkom il-kelma t’Alla.”—EBR. 13:7.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif nistgħu napprezzaw u nafdaw iktar l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.
1. Il-kongregazzjonijiet tal-bidu kif kienu organizzati?
ĠEĦOVA jrid li meta jagħti xi xogħol lin-nies tiegħu, dawn jagħmluh b’mod organizzat. (1 Kor. 14:33) Pereżempju, hu jrid li n-nies kollha fid-dinja jsiru jafu l-aħbar tajba. (Mt. 24:14) Minħabba f’hekk, Ġeħova ta r-responsabbiltà lil Ġesù biex imexxi dan ix-xogħol, u Ġesù qed jara li jsir b’mod organizzat. Fil-fatt fi żmien il-Kristjani tal-bidu, meta bdew jiżdiedu l-kongregazzjonijiet, kien hemm l-anzjani li ngħataw ix-xogħol biex imexxu u jagħtu d-direzzjonijiet. (Atti 14:23) U f’Ġerusalemm kien hemm grupp t’anzjani u appostli li kienu jieħdu ċerti deċiżjonijiet importanti. Meta dawn kienu jieħdu d-deċiżjonijiet, il-kongregazzjonijiet kienu jobduhom. (Atti 15:2; 16:4) U minħabba li l-aħwa obdew, huma “komplew jissaħħu fil-fidi u jiżdiedu jum wara jum.”—Atti 16:5.
2. Ġeħova kif organizza u għallem lin-nies tiegħu mill-1919 ’l hawn?
2 Illum, Ġeħova għadu jorganizza lin-nies tiegħu. Mill-1919 ’l hawn, Ġesù uża grupp żgħir taʼ rġiel midlukin biex jorganizza l-ippritkar u jgħallem lin-nies taʼ Ġeħova minn fuq il-Bibbja. a (Lq. 12:42) Aħna nistgħu naraw li Ġeħova hu ferħan b’dawn l-irġiel.—Is. 60:22; 65:13, 14.
3-4. (a) Kif nibbenefikaw peress li aħna organizzati? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?
3 Li kieku ma konniex organizzati, ma kienx se jirnexxilna nagħmlu x-xogħol li tana Ġesù. (Mt. 28:19, 20) Pereżempju, kieku t-territorju ma kienx organizzat, l-aħwa kienu jaħdmu fejn jogħġobhom. Wisq probabbli, ċertu territorju kien jinħadem taʼ spiss, u ieħor qatt ma kien jinħadem. Tistaʼ taħseb f’xi affarijiet tajbin oħra li ngawdu peress li aħna organizzati?
4 Meta Ġesù kien fid-dinja, hu organizza lid-dixxipli tiegħu, u llum għadu jagħmel l-istess. F’dan l-artiklu, ħa naraw l-eżempju li ħallielna Ġesù u kif l-organizzazzjoni timxi fuq l-eżempju tiegħu. Se naraw ukoll kif nuru li napprezzaw l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.
L-ORGANIZZAZZJONI TIMXI FUQ L-EŻEMPJU TAʼ ĠESÙ
5. X’inhu mod wieħed kif l-organizzazzjoni timxi fuq l-eżempju taʼ Ġesù? (Ġwanni 8:28)
5 Ġesù tgħallem x’għandu jgħid u jagħmel minn Missieru tas-sema. Illum, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tuża l-Bibbja biex tgħinna naraw x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin u tagħtina d-direzzjonijiet, eżatt bħalma kien jagħmel Ġesù. (Aqra Ġwanni 8:28; 2 Tim. 3:16, 17) Minħabba f’hekk, aħna niġu mfakkrin taʼ spiss biex naqrawha, u nagħmlu dak li nitgħallmu. Imma kif ħa nibbenefikaw meta nobdu dan il-parir?
6. X’inhu mod wieħed kif nibbenefikaw meta nistudjaw il-Bibbja?
6 Meta nużaw il-pubblikazzjonijiet tagħna biex nistudjaw il-Bibbja, nibbenefikaw ħafna. Pereżempju, nistgħu nqabblu d-direzzjoni li ttina l-organizzazzjoni ma’ dak li tgħid il-Bibbja. U aħna ħa nafdaw l-organizzazzjoni iżjed meta naraw li dak li tgħidilna jkun mill-Bibbja.—Rum. 12:2.
7. Ġesù liema messaġġ ipprietka u l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova kif timxi fuq l-eżempju tiegħu llum?
7 Ġesù pprietka “l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.” (Lq. 4:43, 44) Hu kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-istess. (Lq. 9:1, 2; 10:8, 9) Illum, kull min hu parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova madwar id-dinja jipprietka l-messaġġ tas-Saltna. Dan jagħmluh anki jekk għandhom ħafna responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni.
8. Liema privileġġ għandna?
8 Illum, aħna għandna l-privileġġ sabiħ li ngħidu l-verità dwar is-Saltna t’Alla lil kulħadd! Imma mhux kulħadd jistaʼ jagħmlu. Pereżempju, meta kien fuq l-art, Ġesù ma ħalliex id-demonji jitkellmu dwaru. (Lq. 4:41) Illum, qabel xi ħadd jibda jipprietka max-Xhieda taʼ Ġeħova, irid juri li bil-mod kif jgħix qed jagħmel lil Ġeħova ferħan. Aħna nuru li napprezzaw din ir-responsabbiltà sabiħa billi ngħidu lin-nies dwar is-Saltna t’Alla kull meta jkun possibbli. Bħal Ġesù, aħna rridu nagħmlu l-aħjar tagħna biex nippritkaw u ngħallmu l-verità lil oħrajn.—Mt. 13:3, 23; 1 Kor. 3:6.
9. L-organizzazzjoni kif tgħin lin-nies jitgħallmu iktar dwar l-isem t’Alla?
9 Ġesù għallem lil oħrajn l-isem t’Alla. F’talba lil Missieru, Ġesù qal: “Jien għallimthom dwar ismek.” (Ġw. 17:26) L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova timxi fuq l-eżempju taʼ Ġesù billi tagħmel dak kollu li tistaʼ biex tgħallem l-isem t’Alla lin-nies. Mod wieħed kif għamlet dan huwa permezz tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tal-Iskrittura Mqaddsa, għax reġgħet poġġiet fiha l-isem taʼ Ġeħova f’kull post fejn kien miktub bil-lingwa oriġinali. Din il-Bibbja tistaʼ ssibha sħiħa jew parti minnha f’iktar minn 270 lingwa. L-Appendiċi A4 u A5 f’din il-Bibbja ħa jgħinuk tkun taf iktar kif u għala l-isem t’Alla reġaʼ tpoġġa f’postu. Fl-Istudy Bible bl-Ingliż tistaʼ ssib ukoll Appendix C. Dan jagħti iktar provi għala l-isem t’Alla għandu jkun fl-Iskrittura Griega Kristjana 237 darba.
10. X’titgħallem minn dak li qalet mara mill-Myanmar?
10 Bħal Ġesù, aħna nixtiequ ngħinu lil kemm jistaʼ jkun nies jitgħallmu dwar l-isem t’Alla. Meta mara taʼ 67 sena mill-Myanmar tgħallmet li Alla għandu isem, hi bdiet tibki u qalet: “Din hi l-ewwel darba li smajt li Alla jismu Ġeħova. . . . Intom għallimtuni l-iżjed ħaġa importanti li qatt stajt nitgħallem.” Din l-esperjenza turi li meta n-nies jitgħallmu l-isem t’Alla ħajjithom tistaʼ tinbidel.
KOMPLI URI LI TAPPREZZA L-ORGANIZZAZZJONI
11. L-anzjani kif jistgħu juru li japprezzaw l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova? (Ara l-istampa.)
11 Mod kif l-anzjani juru li japprezzaw l-organizzazzjoni hu billi meta jirċievu xi direzzjoni, jaqrawha u jifhmuha sew, u mbagħad jagħmlu l-aħjar tagħhom biex jobduha. Pereżempju, huma jirċievu direzzjonijiet dwar kif għandhom jagħtu t-taħditiet waqt il-laqgħat, kif għandhom jirrappreżentaw lill-aħwa fit-talb, u kif għandhom jieħdu ħsieb l-aħwa. Meta l-anzjani jobdu d-direzzjoni li jirċievu mill-organizzazzjoni, l-aħwa ħa jħossu li Ġeħova jħobbhom u li qed jieħu ħsiebhom.
12. (a) Għala għandna nobdu lil dawk li qed imexxu? (Ebrej 13:7, 17) (b) Għala għandna naħsbu b’mod pożittiv dwar l-anzjani?
12 Meta nirċievu direzzjoni mingħand l-anzjani għandna nkunu lesti li nobduha, u b’hekk nagħmluha iktar faċli għalihom biex jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni. Il-Bibbja tgħid li għandna nobdu lil dawk li qed imexxu. Għandna nobduhom ukoll meta ma nifhmux għalkollox dak li jgħidulna jew meta ma jogħġobniex. (Aqra Ebrej 13:7, 17.) Dan jistaʼ jkun diffiċli kultant. Għala? Għax dawn l-irġiel huma imperfetti. L-għedewwa tagħna jixtiquna niddubitaw jekk Alla hux juża l-organizzazzjoni biex imexxina. Jekk aħna nibdew naħsbu b’mod negattiv fuq l-anzjani, nistgħu nibdew naħsbu b’mod negattiv fuq l-organizzazzjoni wkoll u ma nibqgħux nafdawha. Allura, xi rridu nagħmlu biex nindunaw bil-gideb tal-għedewwa tagħna u ma nemmnuhx?
TĦALLIX LIL OĦRAJN IWAQQFUK MILLI TAPPREZZA
13. Dawk li huma kontra Alla kif jipprovaw jagħmlu l-organizzazzjoni tidher li hi ħażina?
13 Dawk li huma kontra Alla jipprovaw jagħmlu l-organizzazzjoni tiegħu tidher li hi ħażina. Pereżempju, mill-Bibbja tgħallimna li Ġeħova jrid li dawk li jaqduh ikunu nodfa moralment, fiżikament, u spiritwalment. Allura, jekk xi ħadd jibqaʼ jagħmel xi ħaġa ħażina ma jistax jibqaʼ parti mill-kongregazzjoni. (1 Kor. 5:11-13; 6:9, 10) Minħabba li aħna nobdu dan il-kmand mill-Bibbja, dawk li huma kontrina jgħidu li aħna ma nħobbux lin-nies, li niġġudikawhom, u li ma naċċettawx lil dawk li huma differenti.
14. Il-gideb dwar l-organizzazzjoni minn fejn ġej?
14 Ara minn fejn ġej il-gideb dwar l-organizzazzjoni. Satana x-Xitan hu “missier il-gidba,” u allura hu qed jaqlaʼ l-gideb dwar l-organizzazzjoni. (Ġw. 8:44; Ġen. 3:1-5) Satana juża lin-nies biex jigdbu dwar l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ejja naraw kif dan ġara fi żmien Ġesù u l-Kristjani tal-bidu.
15. Il-mexxejja reliġjużi x’għamlulhom lil Ġesù u lid-dixxipli tiegħu?
15 Ġesù, l-Iben t’Alla, kien perfett u għamel ħafna mirakli. Imma Satana xorta uża n-nies biex jigdbu dwaru. Pereżempju, il-mexxejja reliġjużi qalu li hu kien qed “ikeċċi d-demonji bis-saħħa tal-mexxej” tad-demonji stess. (Mk. 3:22) Meta kien għaddej ġuri, il-mexxejja reliġjużi qalu li kien qed jidgħi b’Alla u ġiegħlu lin-nies joqtluh. (Mt. 27:20) Iktar tard, meta l-Kristjani bdew jippritkaw l-aħbar tajba, taʼ kontrihom “xewxu lin-nies tal-popli u ġegħluhom jiħduha kontra” tagħhom. (Atti 14:2, 19) Dwar Atti 14:2, It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Diċembru 1998 spjega li l-mexxejja reliġjużi Lhud ma ħadux pjaċir bil-messaġġ li l-Kristjani kienu qegħdin jippritkaw. Allura, ipprovaw iġiegħlu n-nies jobogħduhom u jiħduha kontrihom.
16. Xi rridu niftakru meta nisimgħu l-gideb dwar l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
16 Illum Satana għadu jigdeb. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid li hu “qed iqarraq bl-art abitata kollha.” (Riv. 12:9) Jekk tismaʼ xi gideb dwar l-organizzazzjoni jew l-aħwa li Ġeħova qed juża biex imexxu, ftakar li anki fuq Ġesù u d-dixxipli tiegħu gidbu. Ġesù qal li n-nies kienu ħa jiħduha kontra dawk li jaqdu lil Ġeħova u ħa jgħidu l-gideb dwarhom. U dan hu eżatt dak li qed jiġri llum. (Mt. 5:11, 12) Jekk aħna nżommu f’moħħna minn fejn ġej dan il-gideb, m’aħniex ħa nemmnuh. Imma xi rridu nagħmlu biex nipproteġu lilna nfusna minn dan il-gideb?
17. Xi rridu nagħmlu biex ma nemmnux il-gideb? (2 Timotju 1:13) (Ara l-kaxxa “ Xi Trid Tagħmel Meta Tismaʼ l-Gideb.”)
17 Temminx il-gideb. Pawlu spjega xi rridu nagħmlu meta nisimgħu l-gideb. Hu qal lil Timotju biex jordna lil ċerti wħud biex “ma jgħallmux duttrina differenti, u ma jagħtux kas l-istejjer foloz.” (1 Tim. 1:3, 4; 4:7) Aħseb dwar dan l-eżempju. Tifel żgħir jaf jiġbor xi ħaġa mill-art u jitfagħha f’ħalqu. Imma xi ħadd adult qatt mhu ħa jagħmel hekk, għax jaf kemm jistaʼ jkun perikoluż. Bl-istess mod, jekk aħna niftakru li hu Satana li qed jaqlaʼ l-gideb qatt mhu se nemmnuh. U minflok se nemmnu “kliem mimli saħħa.”—Aqra t-2 Timotju 1:13.
18. Kif nistgħu nuru li napprezzaw l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
18 Matul dan l-artiklu rajna tliet modi biss kif l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tipprova timita lil Ġesù. Meta tistudja l-Bibbja, ipprova sib modi oħra kif l-organizzazzjoni timita lil Ġesù. Għin lil oħrajn fil-kongregazzjoni biex jafdaw iktar lill-organizzazzjoni. U kompli uri kemm tapprezza billi taqdi lil Ġeħova u tibqaʼ qrib l-organizzazzjoni li qed tagħmel dak li jixtieq hu. (Salm 37:28) Jalla dejjem napprezzaw li aħna parti minn din l-organizzazzjoni.
INT KIF TWIEĠEB?
-
In-nies t’Alla b’liema modi jimitaw lil Ġesù?
-
Kif turi li tapprezza l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
-
Xi rridu nagħmlu jekk nisimgħu l-gideb?
GĦANJA 103 Ir-ragħajja—Irġiel bħala għotjiet
b X’TURINA L-ISTAMPA: Wara li l-anzjani ddiskutew l-arranġamenti għat-trolley, l-anzjan li jieħu ħsieb il-grupp qed jagħti d-direzzjoni lill-aħwa biex joqogħdu daharhom mal-ħajt meta jkunu bit-trolley.