Kont Taf?
Għala kien hemm irġiel mhux Iżraelin fl-armata tar-Re David?
FL-ARMATA taʼ David kien hemm irġiel li ma kinux Iżraelin bħal Selek l-Għammoni, Urija l-Ħitti, u Itma l-Mowabi. a (1 Kron. 11:39, 41, 46) Kien hemm ukoll Keretin, Peletin u nies minn Gat. (2 Sam. 15:18) Dawn in-nies kienu kollha Filistin.—Eżek. 25:16; Ġoż. 13:2, 3; 1 Sam. 6:17, 18.
David għala ħalla l-barranin ikunu fl-armata tiegħu? Hu kien ċert li se jibqgħu leali lejh u lejn Ġeħova. Pereżempju, dwar il-Keretin u l-Peletin, dizzjunarju tal-Bibbja jgħid: “Huma baqgħu leali lejn David, anki meta għadda mill-iktar żmien diffiċli waqt li kien re.” Kif? Meta “l-irġiel kollha t’Iżrael ma baqgħux isegwu lil David biex isegwu lil Xeba,” il-Keretin u l-Peletin baqgħu leali lejn David u għenuh jiġġieled kontra Xeba. (2 Sam. 20:1, 2, 7) Darb’oħra, Adonija t-tifel tar-Re David, ipprova jsir re minflok missieru. Imma l-Keretin u l-Peletin baqgħu leali lejn David u għenuh jagħmel lil Salamun re, kif xtaq Ġeħova.—1 Slat. 1:24-27, 38, 39.
Raġel ieħor li ma kienx minn Iżrael imma kien leali lejn David kien Ittaj il-Gitti. Hu u s-600 suldat tiegħu għenu lil David meta t-tifel tiegħu Absalom ipprova jikkonvinċi lin-nies biex jagħmluh re. David qallu li peress li kien barrani ma kellux għalfejn jgħinu. Imma Ittaj qallu: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj u bik, sidi r-re, li jien inkun kull fejn tkun int. Jien lest li anki mmut miegħek!”—2 Sam. 15:6, 18-21.
Il-Keretin, il-Peletin u l-Gittin ma kinux Iżraelin. Imma kienu jafu li Ġeħova hu l-Alla l-veru u li David kien il-magħżul tiegħu. David żgur apprezza li kellu dawn il-ħbieb leali jgħinuh!
a Il-Liġi t’Alla li hemm f’Dewteronomju 23:3-6 ma ħallietx lill-Għammonin u lill-Mowabin isiru parti mill-kongregazzjoni taʼ Iżrael. Milli jidher din il-liġi kienet tfisser li huma ma setgħux ikollhom l-istess drittijiet bħall-Iżraelin imma setgħu jgħixu u joqogħdu mal-poplu t’Alla. Ara Insight on the Scriptures, Volume 1, p. 95.