Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 14

GĦANJA 56 Għożż il-verità

“Nirsistu Lejn il-Maturità”

“Nirsistu Lejn il-Maturità”

“Ħa nirsistu lejn il-maturità.”EBR. 6:1.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif Kristjan li għandu ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova jaħseb, jagħmel l-affarijiet kif jogħġbu lil Ġeħova u jieħu deċiżjonijiet tajbin.

1. Ġeħova xi jridna nagħmlu?

 WAĦDA mill-isbaħ affarijiet li tistaʼ ġġib ħafna ferħ lil koppja miżżewġa hi li jkollhom tarbija. Imma avolja jkunu jħobbuha ħafna lit-tarbija, huma ma jixtiqux li tibqaʼ żgħira għal dejjem. Li kieku din ma tikbirx, ikunu inkwetati ħafna. Bl-istess mod, Ġeħova jkun ferħan meta aħna nibdew nitgħallmu dwaru. Però, ma jridniex nieqfu hemm. (1 Kor. 3:1) Minflok, hu jrid li nibqgħu nikbru spiritwalment.—1 Kor. 14:20.

2. X’ħa nitgħallmu f’dan l-artiklu?

2 F’dan l-artiklu se naraw it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet: Xi jfisser li tkun Kristjan matur? Xi rridu nagħmlu biex insiru Kristjani maturi? Li nistudjaw il-Bibbja sew kif ħa jgħin biex insiru iktar ħbieb taʼ Ġeħova? U għala m’għandniex naħsbu li aħna maturi biżżejjed?

XI JFISSER LI TKUN KRISTJAN MATUR?

3. Xi jfisser li tkun Kristjan matur?

3 Bil-lingwa Griega, il-kelma ‘matur’ tistaʼ tfisser xi ħadd adult jew li kiber. a (1 Kor. 2:6) Allura eżatt bħalma tarbija tibqaʼ tikber biex issir adulta, aħna rridu nibqgħu nkabbru l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova biex insiru Kristjani maturi. Dan ma jfissirx li meta insiru Kristjani maturi nistgħu nieqfu nsaħħu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. (1 Tim. 4:15) Kollha kemm aħna, anki jekk għadna żgħar, nistgħu nsiru Kristjani maturi. Allura kif tistaʼ tkun taf jekk sirtx Kristjan matur?

4. Kif tistaʼ tkun taf jekk xi ħadd sarx Kristjan matur?

4 Kristjan matur jobdi lil Ġeħova f’kollox, mhux fl-affarijiet li jogħġbuh biss. Bil-mod kif jgħix il-ħajja tiegħu u kif jaħseb, hu jagħmel l-aħjar tiegħu biex jogħġob lil Ġeħova. Imma peress li hu imperfett, xorta waħda ħa jiżbalja. Però, peress li libes il-personalità l-ġdida, hu jkompli jipprova jaħseb iżjed bħal Ġeħova. (Efes. 4:​22-24) Hu tgħallem jieħu deċiżjonijiet tajbin skont il-prinċipji taʼ Ġeħova, u b’hekk m’għandux bżonn lista taʼ regoli twila biex jgħix ħajja tajba. Meta jieħu deċiżjoni, hu jaħdem iebes biex jagħmel dak li jkun iddeċieda.—1 Kor. 9:​26, 27.

5. Kristjan li għadu mhux matur x’jistaʼ jiġrilu? (Efesin 4:​14, 15)

5 Min-naħa l-oħra, Kristjan li mhux matur jistaʼ faċilment jemmen aħbarijiet u stejjer li mhumiex vera, li jidhru fuq is-social media. b U jistaʼ wkoll jemmen il-gideb tal-apostati. (Aqra Efesin 4:​14, 15.) Jistaʼ wkoll jgħir, jiġġieled m’oħrajn, u jieħu għalih malajr. U ħafna drabi, meta jiġi ttantat, ma jirnexxilux jibqaʼ sod.—1 Kor. 3:3.

6. Agħti eżempju taʼ kif wieħed isir Kristjan matur. (Ara l-istampa.)

6 Bħalma semmejna qabel, il-Bibbja tqabbel Kristjan li qed jimmatura spiritwalment maʼ tifel li qed isir adult. Peress li hemm ħafna affarijiet li t-tfal għadhom ma jafux, ikollhom bżonn adult biex jieħu ħsiebhom u jipproteġihom. Pereżempju, meta omm tkun ħa taqsam it-triq mat-tifla żgħira tagħha, żgur ħa żżommilha idha. Imma meta t-tifla tibda tikber, ommha forsi tħalliha taqsam it-triq weħidha, imma xorta tfakkarha biex toqgħod attenta mill-karozzi. Meta t-tifla ssir adulta, tkun taf x’għandha tagħmel biex tevita l-periklu. Issa eżatt bħalma t-tfal għandhom bżonn l-għajnuna tal-adulti biex ma jidħlux f’ċerti perikli, hekk ukoll Kristjani li għadhom ma mmaturawx spiritwalment. Ħafna drabi dawn ikollhom bżonn l-għajnuna taʼ wħud maturi biex ma jagħmlux affarijiet li jistgħu jweġġgħu lil Ġeħova u jieħdu deċiżjonijiet tajbin. Min-naħa l-oħra, qabel ma Kristjan matur jieħu deċiżjoni, jaħseb sew dwar il-prinċipji tal-Bibbja biex jara x’jaħseb Ġeħova. Imbagħad jieħu deċiżjoni skont dak li tgħallem.

Kristjani li mhux maturi jridu jitgħallmu jieħdu deċiżjonijiet skont il-prinċipji tal-Bibbja (Ara paragrafu 6)


7. Kristjani maturi għandhom bżonn l-għajnuna taʼ oħrajn?

7 Imma dan ifisser li Kristjan matur qatt mhu ħa jkollu bżonn min jgħinu? Le. Kristjan matur xi drabi xorta ħa jkollu bżonn l-għajnuna. Wieħed li għadu qed jimmatura forsi jkun irid li oħrajn jgħidulu x’għandu jagħmel jew x’deċiżjoni għandu jieħu. Imma Kristjan matur jaf li jrid “iġorr it-tagħbija tiegħu,” u allura jsaqsi lil oħrajn li huma maturi għall-għajnuna u jitgħallem minnhom.—Gal. 6:5.

8. Il-Kristjani maturi b’liema mod huma differenti minn xulxin?

8 Eżatt bħalma l-adulti jidhru differenti, il-Kristjani maturi wkoll għandhom kwalitajiet differenti. Hemm min hu ġeneruż, hemm min hu kuraġġuż, u hemm min hu kapaċi jħoss ħafna għal oħrajn. Allura meta żewġ Kristjani jiltaqgħu mal-istess sitwazzjoni, mhux bilfors ħa jieħdu l-istess deċiżjonijiet. Imma t-tnejn jieħdu deċiżjonijiet li jaqblu maʼ dak li tgħid il-Bibbja. Dan jiġri l-iżjed meta jkollhom jieħdu deċiżjonijiet skont il-kuxjenza. Minħabba li huma maturi, l-importanti għalihom ikun li jibqgħu magħqudin, u allura ma jiġġudikawx lil xulxin.—Rum. 14:10; 1 Kor. 1:10.

XI RRIDU NAGĦMLU BIEX INSIRU KRISTJANI MATURI?

9. Aħna nsiru maturi spiritwalment b’mod awtomatiku? Spjega.

9 Biż-żmien, it-tfal isiru adulti b’mod naturali. Però li ssir Kristjan matur ma jsirx b’mod awtomatiku. Pereżempju, l-aħwa f’Korintu aċċettaw il-verità, tgħammdu, kellhom l-ispirtu taʼ Ġeħova, u tgħallmu ħafna mill-appostlu Pawlu. (Atti 18:​8-11) Imma snin wara li tgħammdu, xorta kienu għadhom ma mmaturawx. (1 Kor. 3:2) Aħna kif nistgħu nagħmlu ċert li ma jiġrilniex bħalhom?

10. Xi rridu nagħmlu biex insiru Kristjani maturi? (Ġuda 20)

10 Biex insiru Kristjani maturi, l-ewwel irid ikollna x-xewqa li nimmaturaw. Dawk li ‘jħobbu l-bluha’ jippreferu jibqgħu kif inhuma u qatt ma jsiru Kristjani maturi. (Prov. 1:22) Aħna ma rridux inkunu bħal adulti li jibżgħu mir-responsabbiltajiet u jkunu jridu li l-ġenituri tagħhom jieħdu deċiżjonijiet għalihom. Minflok, irridu nkunu responsabbli u nkomplu nkabbru l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. (Aqra Ġuda 20.) Jekk għadek ma sirtx Kristjan matur, itlob lil Ġeħova biex itik kemm ix-xewqa u anki s-saħħa biex tagħmel dan.—Flp. 2:13.

11. Ġeħova xi jtina biex insiru Kristjani maturi? (Efesin 4:​11-13)

11 Ġeħova jaf li aħna ma nistgħux insiru Kristjani maturi waħedna. Allura tana l-anzjani biex jieħdu ħsiebna u jgħallmuna nimitaw lil Ġesù. B’hekk inkunu nistgħu nkomplu nikbru spiritwalment u nsiru Kristjani maturi. (Aqra Efesin 4:​11-13.) Itina wkoll l-ispirtu tiegħu biex jgħinna ħalli jkollna “l-moħħ taʼ Kristu.” (1 Kor. 2:​14-16) Apparti minn hekk, Ġeħova tana l-evanġelji biex nitgħallmu kif kien jaħseb Ġesù, x’qal, u x’għamel meta kien fuq l-art. Jekk nimitaw il-mod kif Ġesù kien jaħseb u jagħmel l-affarijiet, aħna nistgħu nsiru Kristjani maturi.

NISTUDJAW IL-BIBBJA SEW

12. X’inhu xi tagħlim bażiku dwar Kristu Ġesù?

12 Biex insiru Kristjani maturi, hemm bżonn li nitgħallmu iktar mit-tagħlim bażiku dwar Kristu Ġesù. Dan ifisser li ma nistudjawx biss l-affarijiet li tgħallimna fil-bidu, bħall-magħmudija, il-fidi, u l-irxoxt. (Ebr. 6:​1, 2) Ħafna minn dat-tagħlim, il-Kristjani veri jemmnuh. Hu għalhekk li Pietru semmiehom meta kien qed jitkellem man-nies f’Pentekoste. (Atti 2:​32-35, 38) Biex insiru dixxipli taʼ Kristu rridu naċċettaw dan it-tagħlim bażiku. Fil-fatt, Pawlu qal li dawk li ma jemmnux fl-irxoxt mhumiex Kristjani veri. (1 Kor. 15:​12-14) Imma biex insiru maturi, ma rridux nitgħallmu biss it-tagħlim bażiku.

13. Xi rridu nagħmlu biex jgħinna l-ikel spiritwali li jsemmi Ebrej 5:14? (Ara l-istampa.)

13 Hemm differenza bejn it-tagħlim bażiku u l-ikel solidu. Dan ifisser li mhux biss inkunu nafu l-liġijiet taʼ Ġeħova imma anki l-prinċipji tiegħu, li jgħinuna biex nifhmu l-mod kif jaħsibha. Biex dan l-ikel ikun jistaʼ jgħinna, irridu nistudjaw il-Bibbja, naħsbu sew dwar dak li naqraw, u mbagħad nagħmlu l-aħjar tagħna biex nagħmlu dak li nkunu tgħallimna. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nitgħallmu kif nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova. cAqra Ebrej 5:14.

Jekk nistudjaw il-Bibbja sew, nistgħu nitgħallmu kif nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova (Ara paragrafu 13) d


14. Pawlu kif għen lill-Korintin biex jimmaturaw?

14 Kristjani li għadhom ma mmaturawx, ħafna drabi jsibuha diffiċli biex jieħdu deċiżjoni fuq xi ħaġa li fil-Bibbja m’hemmx liġi dwarha. Huma jaf iħossu li jekk m’hemmx liġi fil-Bibbja, jistgħu jagħmlu dak li jridu. U xi wħud ikunu jridu liġi meta ma jkunx hemm bżonn. Pereżempju milli jidher, xi Kristjani Korintin staqsew lil Pawlu jekk hemmx liġi dwar jekk jistgħux jieklu ikel li kien offrut lill-idoli. Minflok ma qalilhom x’kellhom jagħmlu, Pawlu fakkarhom li kulħadd kellu d-dritt li jagħżel, skont il-kuxjenza tiegħu. Hu semmielhom xi prinċipji mill-Bibbja li setgħu jgħinuhom jieħdu deċiżjoni tajba skont il-kuxjenza tagħhom mingħajr ma jfixklu lil ħaddieħor. (1 Kor. 8:​4, 7-9) Pawlu kien qed jgħin lill-Korintin biex jieħdu deċiżjonijiet skont dak li tgħid il-Bibbja, minflok ma jaraw jekk hemmx xi liġi jew jiddependu fuq ħaddieħor. B’hekk, hu kien qed jgħinhom jimmaturaw.

15. Pawlu kif għen lill-Kristjani Lhud biex jimmaturaw?

15 Minn dak li Pawlu qal lill-Kristjani Lhud, nistgħu nitgħallmu xi ħaġa importanti. Xi wħud minnhom ma baqgħux ikabbru l-ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova u qisu ‘reġaʼ kellhom bżonn il-ħalib, mhux l-ikel solidu.’ (Ebr. 5:12) Huma ma komplewx jitgħallmu u jaċċettaw l-affarijiet ġodda li Ġeħova kien qed jgħallimhom. (Prov. 4:18) Pereżempju, avolja l-Liġi taʼ Mosè kienet spiċċat xi 30 sena qabel minħabba s-sagrifiċċju taʼ Ġesù, xi Lhud kienu għadhom jimxu maʼ din il-Liġi. (Rum. 10:4; Titu 1:10) Matul dawk it-30 sena, huma żgur li kellhom biżżejjed ċans biex jifhmu li ma kienx hemm bżonn jibqgħu jimxu maʼ dik il-Liġi! Allura Pawlu issa kien qed jgħinhom biex jaċċettaw dak l-ikel solidu li kien qed jgħallimhom. B’hekk, din l-ittra kienet qed tgħinhom jaraw li l-mod ġdid kif Ġesù għallimhom jaqdu lil Ġeħova, kien ħafna aħjar minn qabel. L-ittra tathom ukoll il-kuraġġ biex jibqgħu jippritkaw minkejja l-oppożizzjoni mil-Lhud.—Ebr. 10:​19-23.

GĦALA M’GĦANDNIEX NAĦSBU LI AĦNA MATURI BIŻŻEJJED?

16. Xi rridu nagħmlu meta nsiru Kristjani maturi?

16 Meta nsiru Kristjani maturi, aħna rridu naħdmu iebes biex nibqgħu maturi. Allura aħna qatt m’għandna naħsbu li nistgħu nieqfu nsaħħu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. (1 Kor. 10:12) Aħna rridu nkomplu nagħmlu ċert li qegħdin nagħmlu progress spiritwali.—2 Kor. 13:5.

17. Fl-ittra tiegħu lill-​Kolossin, Pawlu kif juri kemm hu importanti li nibqgħu maturi?

17 Fl-ittra tiegħu lill-​Kolossin, Pawlu reġaʼ semma kemm hu importanti li nibqgħu maturi. Avolja l-​Kolossin kienu diġà Kristjani maturi, hu qalilhom kemm hu importanti li ma jiġux influwenzati mill-ideat tan-nies. (Kol. 2:​6-10) U Epafra, ħu li kien jaf lill-aħwa tal-kongregazzjoni, kien qed jitlob ħafna għalihom ħalli jkunu “sħaħ,” jiġifieri maturi. (Kol. 4:12) X’nistgħu nitgħallmu? Kemm Pawlu u anki Epafra fehmu li biex xi ħadd jibqaʼ matur għandu bżonn l-għajnuna t’Alla. Barra minn hekk, għandu bżonn jagħmel sforz u jibqaʼ jkabbar il-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. Huma riedu li, jgħaddu minn xiex jgħaddu, il-Kristjani Kolossin jibqgħu Kristjani maturi.

18. X’jistaʼ jiġrilu Kristjan matur? (Ara l-istampa.)

18 Pawlu qal lil-Lhud li jekk Kristjan ma joqgħodx attent, Ġeħova jistaʼ ma jibqax ferħan bih. Jekk Kristjan ma jkunx irid jobdi lil Ġeħova, se jkun diffiċli ħafna għalih biex vera jiddispjaċih u Ġeħova jaħfirlu. Imma l-Lhud kienu għadhom ma waslux s’hemm. (Ebr. 6:​4-9) Xi ngħidu għal dawk li m’għadhomx jattendu jew huma maqtugħin mis-sħubija u iżjed tard jiddispjaċihom? Jekk vera jiddispjaċihom ikunu qed juru li huma umli u mhumiex bħal dawk li kiteb dwarhom l-appostlu Pawlu. Imma meta jerġgħu lura għand Ġeħova, xorta jkollhom bżonn l-għajnuna tiegħu. (Eżek. 34:​15, 16) L-anzjani jistgħu jgħinuhom billi jirranġaw biex ħu jew oħt matura tgħinhom jerġgħu jkollhom ħbiberija tajba maʼ Ġeħova.

Ġeħova jgħin lil dawk li jixtiequ jerġgħu jsiru b’saħħithom spiritwalment (Ara paragrafu 18)


19. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

19 Jekk qed taħdem biex issir Kristjan matur, taqtax qalbek għax jistaʼ jirnexxilek. Kompli studja l-Bibbja sew u ara kif tistaʼ taħseb iktar bħal Ġeħova. U jekk diġà sirt Kristjan matur, kompli aħdem biex tibqaʼ hekk għal dejjem.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Xi jfisser li ssir Kristjan matur?

  • Xi rridu nagħmlu biex insiru Kristjani maturi?

  • Għala m’għandniex naħsbu li aħna maturi biżżejjed?

GĦANJA 65 Imxi ’l quddiem!

a Għalkemm l-Iskrittura Ebrajka ma tużax il-kliem “matur” u “immatur,” hi tuża kliem li jagħti l-istess idea. Pereżempju, il-ktieb tal-Proverbji jitkellem dwar żagħżugħ bla esperjenza u xi ħadd għaref u kapaċi jifhem.—Prov. 1:​4, 5.

b Ara l-artiklu “Oqgħod Attent minn Informazzjoni Ħażina” fis-serje t’artikli “Iktar Suġġetti” fuq jw.org u JW Library.®

c Ara “Proġett għall-Istudju” f’din il-ħarġa.

d X’TURINA L-ISTAMPA: Ħu qed juża l-prinċipji li tgħallem mill-Bibbja biex jagħżel x’ħa jara fuq it-televixin.