ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 33
Ġeħova Jimpurtah mill-Poplu Tiegħu
“Għajnejn Ġeħova huma fuq dawk li jibżgħu minnu.” —SALM 33:18.
GĦANJA 4 “Ġeħova huwa r-Ragħaj tiegħi”
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Ġesù għala talab lil Ġeħova biex jipproteġi lid-dixxipli tiegħu?
FIL-LEJL qabel miet, Ġesù talab xi ħaġa speċjali lil Missieru tas-sema. Hu talab lil Ġeħova biex jipproteġi lid-dixxipli tiegħu. (Ġw. 17:15, 20) Ovvjament, Ġeħova dejjem kien jimpurtah mill-poplu tiegħu u dejjem ħa ħsiebhom u pproteġiehom. Però, Ġesù kien jaf li Satana kien se jippersegwita ħafna lid-dixxipli tiegħu. Ġesù kien jaf ukoll li mingħajr l-għajnuna taʼ Ġeħova ma kienx se jirnexxilhom jirreżistu l-attakki tax-Xitan.
2. Skont Salm 33:18-20, għala m’għandniex nibżgħu meta niffaċċjaw diffikultajiet?
2 Id-dinja taʼ Satana qed tagħmel ħafna pressjoni fuq il-Kristjani veri. Id-diffikultajiet li niffaċċjaw jistgħu jiskuraġġuna u anke jittestjaw il-lealtà tagħna lejn Ġeħova. Però f’dan l-artiklu se naraw li m’għandniex għalfejn nibżgħu. Ġeħova jimpurtah minna. Dan ifisser li Ġeħova jinnota l-problemi li niffaċċjaw u jrid jgħinna. Ejja naraw żewġ eżempji mill-Bibbja li juruna kif “għajnejn Ġeħova huma fuq dawk li jibżgħu minnu.”—Aqra Salm 33:18-20.
META NĦOSSUNA WAĦEDNA
3. Meta jaf inħossuna waħedna?
3 Għalkemm il-kongregazzjoni jkun fiha ħafna aħwa, jistaʼ jkun li ġieli nħossuna waħedna. Pereżempju, iż-żgħażagħ jaf iħossuhom waħedhom meta jiġu biex jispjegaw dak li jemmnu fil-klassi jew meta jmorru ġo kongregazzjoni ġdida. Oħrajn jaf iħossuhom imdejqin jew dipressi għax jaħsbu li huma biss qed iħossuhom hekk. Minħabba dan, jistaʼ jkun iżommu lura milli jitkellmu m’oħrajn dwar kif qed iħossuhom għax jibżgħu li mhux se jifhmuhom. Jaf jibdew jaħsbu li ħadd ma jimpurtah minnhom. Hi x’inhi r-raġuni għala nħossuna waħedna, kultant naqtgħu qalbna u nħossuna anzjużi. Ġeħova ma jridx li nħossuna hekk. Għala nistgħu nkunu ċerti minn dan?
4. Il-profeta Elija għala qal lil Ġeħova li hu biss kien baqaʼ?
4 Ikkunsidra l-eżempju tar-raġel leali Elija. Hu kien ilu 40 ġurnata li ħarab biex ma toqtlux Ġeżabel. (1 Slat. 19:1-9) Imbagħad, xħin kien waħdu f’għar qal lil Ġeħova li hu biss kien baqaʼ bħala profeta. (1 Slat. 19:10) Imma fil-pajjiż kien hemm profeti oħrajn. Pereżempju, Għobadija rnexxielu jaħbi 100 profeta biex Ġeżabel ma toqtolhomx. (1 Slat. 18:7, 13) Allura Elija għala beda jħossu waħdu? Jistaʼ jkun li beda jaħseb li l-profeti li Għobadija kien salva issa kienu mietu? Jistaʼ jkun li beda jħossu waħdu minħabba li ħadd ma beda jaqdi lil Ġeħova wara dak li ġara fuq il-Muntanja Karmel? Jew jistaʼ jkun li ħass li ħadd ma jimpurtah li ħajtu kienet fil-periklu? Ir-rakkont ma jgħidilniex eżatt għala Elija ħassu hekk. Imma nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova fehem eżatt għala Elija beda jħossu waħdu u kien jaf eżatt kif se jgħinu.
5. Ġeħova kif għen lil Elija jara li ma kienx waħdu?
5 Ġeħova għen lil Elija b’diversi modi. Hu inkuraġġieh biex jitkellem. Ġeħova darbtejn staqsieh: “X’int tagħmel hawn?” (1 Slat. 19:9, 13) Kull darba li Elija beda jgħidlu kif kien qed iħossu, Ġeħova qagħad jisimgħu. Ġeħova wrieh li Hu b’saħħtu u lest li jgħinu. Barra minn hekk, riedu jkun ċert li kien hemm ħafna iktar Iżraelin li kienu għadhom qed jaqduh. (1 Slat. 19:11, 12, 18) M’għandniex dubju li Elija straħ wara li fetaħ qalbu maʼ Ġeħova u semaʼ dak li qal u għamel. Lil Elija, Ġeħova tah diversi inkarigi importanti. Hu kien qallu biex jagħżel lil Ħażagħel bħala sultan fuq is-Sirja, lil Ġeħu bħala sultan fuq Iżrael, u lil Eliżew bħala profeta. (1 Slat. 19:15, 16) Billi tah dawn l-inkarigi, Ġeħova kien qed jgħin lil Elija jiffoka fuq affarijiet pożittivi. Alla tah ukoll lil Eliżew bħala ħabib. Ġeħova kif jistaʼ jgħinek meta tħossok waħdek?
6. Dwar xiex tistaʼ titlob meta tħossok waħdek? (Salm 62:8)
6 Ġeħova jixtieq li titolbu. Hu jaf il-problemi li qed tiffaċċja u jwiegħdek li se jisimgħek kull darba li titolbu. (1 Tess. 5:17) Ġeħova jieħu pjaċir jismaʼ lill-qaddejja tiegħu jitolbu. (Prov. 15:8) Dwar xiex tistaʼ titlob meta tħossok waħdek? Iftaħ qalbek maʼ Ġeħova bħalma għamel Elija. (Aqra Salm 62:8.) Għidlu x’qed jinkwetak u kif qed tħossok. Itolbu jgħinek tara x’tistaʼ tagħmel meta tħossok waħdek jew imdejjaq. Pereżempju, jekk tħossok waħdek jew tibda tibżaʼ meta t-tfal tal-klassi jibdew jistaqsuk x’temmen, itlob lil Ġeħova biex jagħtik il-kuraġġ ħalli tkun tistaʼ titkellem magħhom. Tistaʼ titolbu wkoll biex jgħinek tispjega sew dak li temmen. (Lq. 21:14, 15) U jekk qed tħossok dipress jew skuraġġit, itlob lil Ġeħova jgħinek titkellem maʼ ħu jew oħt matura. Staqsi lil Ġeħova biex jgħin lill-persuna l-oħra ħalli tkun tistaʼ tifhmek. Mela iftaħ qalbek maʼ Ġeħova, ara kif iwieġeb it-talb tiegħek, u aċċetta l-għajnuna tal-aħwa. Jekk tagħmel dan, mhux se tħossok daqshekk waħdek.
7. X’tgħallimt mill-eżempju taʼ Mauricio?
7 Ġeħova tana xogħol importanti x’nagħmlu. Int tistaʼ tkun ċert li hu jinnota u japprezza kulma tagħmel fil-kongregazzjoni u fil-ministeru. (Salm 110:3) Meta tagħmel dak kollu li tistaʼ f’dan ix-xogħol, kif se jgħinek meta tħossok waħdek? Ara l-eżempju taʼ żagħżugħ jismu Mauricio. * Ftit wara li Mauricio tgħammed, wieħed mill-akbar ħbieb tiegħu, bil-mod il-mod telaq mill-verità. Mauricio jgħid: “Meta rajt lilu jitbiegħed mill-verità, bdejt niddubita jekk kienx se jirnexxili nżomm il-wegħda li għamilt lil Ġeħova u nibqaʼ naqdih. Ħassejtni waħdi u bdejt naħseb li ħadd ma jistaʼ jifhem kif bdejt inħossni.” X’għen lil Mauricio? Hu jgħid: “Bdejt noħroġ iktar fuq is-service. Dan għenni biex ma noqgħodx naħseb kif kont qed inħossni. Meta kont inkun mal-aħwa, ma kontx inħossni daqshekk waħdi. U kont inħossni ferħan.” Anke meta ma nkunux nistgħu noħorġu fuq is-service mal-aħwa, aħna xorta niġu inkuraġġiti meta nippritkaw magħhom permezz tal-ittri u t-telefown. X’għenu iktar lil Mauricio? Hu jgħid: “Bdejt nagħmel iktar ukoll fil-kongregazzjoni. Meta kien ikolli taħdita, kont nagħmel l-aħjar li nistaʼ biex nipprepara sew. Dan ġegħelni nħossni apprezzat minn Ġeħova u mill-aħwa.”
META NĦOSSUNA SKURAĠĠITI MINĦABBA PROVI DIFFIĊLI
8. Kif nistgħu nħossuna meta niffaċċjaw provi diffiċli?
8 Matul dawn l-aħħar jiem, aħna nistennew li se niffaċċjaw il-provi. (2 Tim. 3:1) Però, ċertu provi jaf ma nkunux qed nistennewhom. Dawn jistgħu jkunu problemi taʼ flus, xi marda serja, jew imut xi ħadd li nħobbu. F’sitwazzjonijiet bħal dawn jaf inħossuna stressjati u ma nkunux nafu x’se naqbdu nagħmlu, iktar u iktar meta l-provi jiġu waħda wara l-oħra jew f’daqqa. Imma rridu niftakru li Ġeħova jaf minn xiex għaddejjin, u bl-għajnuna tiegħu nistgħu nissaportu kull prova b’kuraġġ.
9. Semmi xi provi li ffaċċja Ġob.
9 Aħseb dwar kif Ġeħova għen lir-raġel leali Ġob. Fi żmien qasir hu ffaċċja diversi provi diffiċli f’daqqa. F’ġurnata waħda, Ġob sar jaf li mitulu jew serqulu l-annimali kollha tiegħu u li l-qaddejja u t-tfal tiegħu kienu nqatlu. (Ġob 1:13-19) Ftit wara, waqt li kien għadu jibki u muġugħ minħabba dak li kien ġralu, Ġob marad b’marda serja u taʼ wġigħ. (Ġob 2:7) Hu tant kien f’sitwazzjoni diffiċli li xebaʼ u qal li ma riedx jgħix iktar.—Ġob 7:16.
10. Ġeħova kif għen lil Ġob jissaporti l-provi tiegħu? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
10 Ġeħova kien jaf minn xiex kien għaddej Ġob u għax kien iħobbu tah l-għajnuna biex jissaporti l-provi u jibqaʼ leali lejh. Ġeħova tkellem maʼ Ġob u fakkru dwar l-għerf li għandu u l-imħabba kbira għall-ħolqien tiegħu. Hu tkellem dwar ħafna annimali tal-għaġeb. (Ġob 38:1, 2; 39:9, 13, 19, 27; 40:15; 41:1, 2) Biex jinkuraġġixxi lil Ġob, Ġeħova uża wkoll lil żagħżugħ leali jismu Eliħu. Eliħu fakkru li Ġeħova dejjem jippremja lill-qaddejja tiegħu li jibqgħu jissaportu. Imma Ġeħova ġiegħel ukoll lil Eliħu jagħti parir bi mħabba lil Ġob. Eliħu għen lil Ġob ma jibqax jaħseb fuqu nnifsu billi fakkru li Ġeħova, il-Ħallieq tal-univers, hu b’saħħtu iktar minnu. (Ġob 37:14) Ġeħova ta wkoll lil Ġob xi ħaġa x’jagħmel. Hu qallu biex jitlob għal Elifaż, Bildad, u Sofar minħabba d-dnub li kienu għamlu. (Ġob 42:8-10) Ġeħova kif jgħinna meta ngħaddu minn provi diffiċli?
11. Il-Bibbja kif tgħinna meta niffaċċjaw il-provi?
11 Illum, Ġeħova mhux se jkellimna bħalma kellem lil Ġob. Imma Hu jkellimna permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. (Rum. 15:4) Hu jinkuraġġina billi tana tama għall-futur. Aħseb f’dawn il-versi li jistgħu jinkuraġġuna meta nkunu għaddejjin mill-provi. Fil-Kelma tiegħu, Ġeħova jwegħedna li xejn “ma jistaʼ jifridna mill-imħabba [tiegħu],” lanqas il-provi diffiċli li jkollna. (Rum. 8:38, 39) Iwegħedna wkoll li hu “qrib dawk kollha li jsejħulu” permezz tat-talb. (Salm 145:18) Ġeħova jgħidilna li jekk nistrieħu fuqu, se jgħinna nissaportu kull prova. U minkejja li nbatu, xorta nistgħu nkunu ferħanin. (1 Kor. 10:13; Ġak. 1:2, 12) Il-Bibbja tfakkarna li l-provi tagħna huma temporanji meta mqabblin mal-ħajja taʼ dejjem. (2 Kor. 4:16-18) Ġeħova jagħtina l-garanzija li se jeqred lill-wieħed li qed jikkaġuna dawn il-problemi kollha, Satana x-Xitan u lil dawk li huma ħżiena bħalu. (Salm 37:10) Tgħallimt bl-amment xi versi inkuraġġanti li jistgħu jgħinuk tissaporti l-provi fil-futur?
12. Ġeħova x’jistenna li nagħmlu jekk irridu li l-Bibbja tgħinna?
12 Ġeħova jistenna li aħna nwarrbu l-ħin biex nistudjaw il-Bibbja b’mod regolari u biex naħsbu fil-fond dwar dak li nkunu qrajna. Meta napplikaw dak li nitgħallmu, il-fidi tagħna se tissaħħaħ u se nersqu eqreb lejn Missierna tas-sema. Imbagħad, se nkunu b’saħħitna biex nissaportu l-provi. Ġeħova jagħti l-ispirtu qaddis ukoll lil dawk li jistrieħu fuq il-Kelma tiegħu. U dan l-ispirtu jistaʼ jagħtina “l-qawwa iktar min-normal” biex nissaportu kwalunkwe prova.—2 Kor. 4:7-10.
13. L-ikel spiritwali li jipprovdi “l-ilsir leali u għaqli” kif jgħinna nissaportu l-provi?
13 Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, “l-ilsir leali u għaqli” jipprovdilna ħafna artikli, vidjows, u mużika li jsaħħulna l-fidi tagħna u jgħinuna biex nibqgħu qrib Ġeħova. (Mt. 24:45) Hemm bżonn li nużaw bl-aħjar mod l-affarijiet li Ġeħova qed jipprovdilna. Oħt mill-Istati Uniti qalet kemm tapprezza l-ikel spiritwali. Hi tgħid: “Matul l-40 sena li ilni naqdi lil Ġeħova, il-lealtà tiegħi ġiet ittestjata għal darba wara l-oħra.” Hi ffaċċjat provi diffiċli. In-nannu tagħha miet minħabba xufier li kien fis-sakra, il-ġenituri tagħha mardu serjament u mietu, u hi mardet bil-cancer darbtejn. X’għenha tissaporti? Hi tgħid: “Ġeħova dejjem ħa ħsiebi. L-ikel spiritwali li hu jipprovdi permezz tal-ilsir leali u għaqli għenni nissaporti. Grazzi għal dan, inħossni bħalma ħassu Ġob meta qal: ‘Sakemm nieħu l-aħħar nifs ma nwarrabx minni l-integrità tiegħi!’”—Ġob 27:5.
14. Ġeħova kif juża l-aħwa meta nkunu qed niffaċċjaw il-provi? (1 Tessalonikin 4:9)
14 Ġeħova jittrennja lill-poplu tiegħu biex matul żmien diffiċli jħobbu u jinkuraġġixxu lil xulxin. (2 Kor. 1:3, 4; aqra l-1 Tessalonikin 4:9.) Bħal Eliħu, l-aħwa jkunu lesti li jgħinuna nibqgħu leali meta niffaċċjaw il-problemi. (Atti 14:22) Pereżempju, aħseb kif il-kongregazzjoni taʼ Diane inkuraġġietha u għenitha tibqaʼ b’saħħitha spiritwalment meta r-raġel tagħha kellu problemi kbar taʼ saħħa. Hi qalet: “Kien żmien diffiċli għalina, imma ħassejna l-għajnuna u l-imħabba taʼ Ġeħova. Il-kongregazzjoni tagħna għenitna ħafna. Aħna bqajna għaddejjin għax l-aħwa ġew jarawna, ċemplulna, u wrew l-imħabba magħna. Peress li jien ma nsuqx, meta kont inkun nistaʼ l-aħwa kienu jiġu għalija għal-laqgħat u għall-ministeru.” Kemm aħna ferħanin li nagħmlu parti minn familja spiritwali bħal din!
NAPPREZZAW L-IMĦABBA LI JURINA ĠEĦOVA
15. Għala aħna konvinti li jistaʼ jirnexxilna nissaportu l-provi?
15 Ilkoll kemm aħna se niffaċċjaw xi tip taʼ prova. Però, kif tgħallimna, aħna qatt mhu se nkunu waħedna. Bħal missier li jħobb, Ġeħova dejjem attent għalina. Hu qiegħed qrib tagħna, lest biex jismagħna u jgħinna. (Is. 43:2) Aħna konvinti li se jirnexxilna nissaportu l-problemi għax Ġeħova provdielna dak kollu li għandna bżonn biex nissaportu. Hu tana r-rigal tat-talb, il-Bibbja, ħafna ikel spiritwali, u l-aħwa li jħobbuna u jgħinuna fi żminijiet diffiċli.
16. Kif nistgħu nuru lil Ġeħova li napprezzaw l-imħabba tiegħu?
16 Kemm napprezzaw li għandna Missier fis-sema li jimpurtah minna! “Bih qalbna tifraħ.” (Salm 33:21) Aħna nistgħu nuru lil Ġeħova li napprezzaw l-imħabba tiegħu billi nużaw bl-aħjar mod l-għajnuna li qed jipprovdilna. Irridu wkoll nagħmlu l-parti tagħna biex nibqgħu taħt il-protezzjoni tiegħu. Fi kliem ieħor, jekk inkomplu nagħmlu l-almu tagħna biex nobdu lil Ġeħova u nagħmlu l-affarijiet li jogħġbu lilu, hu se jipproteġina għal dejjem!—1 Pt. 3:12.
GĦANJA 30 Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib