Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 32

Żgħażagħ—Komplu Mmaturaw Spiritwalment Wara l-Magħmudija

Żgħażagħ—Komplu Mmaturaw Spiritwalment Wara l-Magħmudija

“Ħa nikbru bl-​imħabba f’kollox.”—EFES. 4:15.

GĦANJA 56 Għożż il-​verità

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ħafna żgħażagħ liema affarijiet tajbin diġà għamlu?

 KULL sena, eluf taʼ żgħażagħ jitgħammdu. Int wieħed minnhom? Jekk iva, l-​aħwa tal-​kongregazzjoni żgur ferħanin bik, u anki Ġeħova! (Prov. 27:11) Aħseb ftit dwar l-​affarijiet li diġà rnexxielek tagħmel. Pereżempju, int studjajt il-​Bibbja sew għal diversi snin. U minn dak li studjajt ikkonvinċejt lilek innifsek li l-​Bibbja hi l-​Kelma t’Alla. Imma mhux hekk biss, int sirt taf u tħobb lill-​Wieħed li kiteb il-​Bibbja. L-​imħabba tiegħek għal Ġeħova tant kibret li ddeċidejt li taqdih u titgħammed. Din kienet l-​aqwa deċiżjoni li stajt tieħu!

2. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

 2 Żgur li qabel ma tgħammidt kellek sfidi li għamluhielek diffiċli biex tibqaʼ leali lejn Ġeħova. U ’l quddiem se tiffaċċja sfidi oħra. Satana se jipprova jwaqqfek milli tħobb u taqdi lil Ġeħova. (Efes. 4:14) Imma tħallihx. X’jistaʼ jgħinek tibqaʼ leali lejn Ġeħova u żżomm mal-​wegħda li għamilt li taqdih? Int għandek tkompli taħdem iebes biex timmatura bħala Kristjan. (Ebr. 6:1) Imma kif tistaʼ tagħmel dan? Dan hu dak li se niddiskutu f’dan l-​artiklu.

X’TISTAʼ TAGĦMEL BIEX ISSIR KRISTJAN MATUR?

3. Il-​Kristjani x’għandhom jagħmlu wara li jitgħammdu?

3 Wara li nitgħammdu, ilkoll kemm aħna għandna napplikaw il-​parir li l-​appostlu Pawlu ta lill-​Kristjani f’Efesu. Hu inkuraġġiehom biex jikbru bħala Kristjani maturi. (Efes. 4:13) Dan kien ifisser li huma kellhom ikomplu jagħmlu progress. Pawlu qabbel il-​progress li jagħmel Kristjan mal-​mod kif jikbru t-​tfal. Meta ġenituri jkollhom tarbija, ikunu jħobbuha ħafna u ferħanin biha. Imma din it-​tarbija ma tistax tibqaʼ żgħira għal dejjem. Maż-​żmien, meta tibda tikber, ikollha tneħħi “l-​karatteristiki” taʼ meta tkun żgħira. (1 Kor. 13:11) U l-​istess Kristjan. Wara li jitgħammed irid ikompli jagħmel progress. Ejja naraw xi suġġerimenti li jistgħu jgħinu lil Kristjan jagħmel dan.

4. X’jistaʼ jgħinek tagħmel progress spiritwali? Spjega. (Filippin 1:9)

4 Ħobb lil Ġeħova iktar. Int diġà tħobbu ħafna lil Ġeħova. Imma l-​imħabba tiegħek għalih tistaʼ tkompli tikber. Kif? Fl-​iskrittura taʼ Filippin 1:9 (Aqra.) l-​appostlu Pawlu jsemmi mod wieħed kif nagħmlu dan. Pawlu talab biex l-​imħabba tal-​Filippin “toktor dejjem iżjed.” Allura kif nistgħu nħobbu lil Ġeħova iktar? Nistgħu nagħmlu dan billi jkollna “għarfien eżatt u dixxerniment sħiħ [jew, nifhmu sew].” Iktar ma nsiru nafu lil Ġeħova, iktar se nħobbuh u napprezzaw il-​mod kif jagħmel l-​affarijiet. Ix-​xewqa tagħna li nferrħuh se ssir iktar b’saħħitha u se noqogħdu attenti li ma niddiżappuntawhx. Se nagħmlu l-​almu tagħna biex nifhmu sew xi jridna nagħmlu Ġeħova u kif nagħmluh.

5-6. Kif nistgħu nsiru nħobbu lil Ġeħova iktar?

5 Ġesù imita b’mod perfett il-​personalità taʼ Ġeħova. Mela jekk insiru nafu lil Ġesù aħjar se nħobbu iktar lil Ġeħova. (Ebr. 1:3) L-​aqwa mod biex issir taf lil Ġesù hu billi tistudja l-​erbaʼ Evanġelji. Jekk għadek m’intix taqra l-​Bibbja kuljum, tistaʼ tibda issa billi taqra dawn ir-​rakkonti dwar Ġesù. Hekk kif tkun qed taqrahom, iffoka fuq il-​kwalitajiet tiegħu. In-​nies kienu jieħdu pjaċir jitkellmu u jkunu miegħu, u anki t-​tfal. (Mk. 10:13-​16) Ġesù kien qalbu tajba u dħuli. U d-​dixxipli tiegħu ma kinux jibżgħu jgħidulu kif kienu qed iħossuhom. (Mt. 16:22) Ġesù tgħallem kif juri dawn il-​kwalitajiet minn Missieru. Ġeħova wkoll hu qalbu tajba u dħuli. Nistgħu nitkellmu miegħu fit-​talb. Meta nitolbu, nistgħu ngħidulu dak kollu li nibdew naħsbu u nħossu, konvinti li hu mhux se jiġġudikana għax iħobbna u jimpurtah minna.—1 Pt. 5:7.

6 Ġesù kien iħoss għan-​nies. L-​appostlu Mattew qal hekk dwaru: “Malli ra l-​folol tħassarhom, għax kienu maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mt. 9:36) U Ġeħova kif iħossu? Ġesù qal: “Missieri li hu fis-​sema ma jridx li jinqered wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin.” (Mt. 18:14) Kemm hi xi ħaġa sabiħa li Ġeħova jħobbna daqshekk! Hekk kif insiru nafu lil Ġesù aħjar, l-​imħabba tagħna għal Ġeħova se tikber.

7. Li tqattaʼ l-​ħin m’aħwa maturi kif jistaʼ jgħinek?

7 Mod ieħor kif nuru iktar imħabba u nsiru Kristjani iktar maturi hu billi nqattgħu l-​ħin m’aħwa maturi fil-​kongregazzjoni u nsiru nafuhom aħjar. Innota kemm huma kuntenti. Huma ma jiddispjaċihomx li għażlu li jaqdu lil Ġeħova. Saqsihom dwar l-​esperjenzi li kellhom fis-​servizz taʼ Ġeħova. Meta jkollok tieħu deċiżjoni importanti itlobhom parir. Ftakar li se tirnexxi meta jkun hemm ħafna li ‘jagħtuk il-​pariri.’—Prov. 15:22.

Kif tistaʼ tkun preparat għal meta fl-​iskola jibdew jitkellmu dwar l-​evoluzzjoni? (Ara paragrafi 8-9)

8. X’tistaʼ tagħmel jekk ikollok id-​dubji dwar dak li tgħid il-​Bibbja?

8 Neħħi d-​dubji li jistaʼ jkollok. Kif rajna fit-​ tieni paragrafu, Satana se jipprova jwaqqfek milli ssaħħaħ il-​fidi tiegħek u tersaq eqreb lejn Ġeħova. Mod wieħed kif jagħmel dan hu billi jdaħħlilna d-​dubji f’moħħna dwar xi tagħlim li nsibu fil-​Bibbja. Pereżempju, xi nies forsi jipprovaw jikkonvinċuk li l-​bniedem beda jeżisti bl-​evoluzzjoni. Meta kont żgħir x’aktarx ma kontx taħseb dwar l-​evoluzzjoni, imma issa forsi qed tismaʼ dwarha l-​iskola. Dak li jgħidu t-​teachers jistaʼ jkun li jagħmel sens għalik, imma forsi huma qatt ma pprovaw isiru jafu jekk hemmx Ħallieq. Ftakar fil-​prinċipju li nsibu fi Proverbji 18:17: “L-​ewwel wieħed li jesprimi l-​każ tiegħu jidher li qiegħed fis-​sewwa, sakemm jidħol għajru u jgħarblu.” Mela minflok ma taqbad u temmen dak li qed tiġi mgħallem l-​iskola, studja sew il-​veritajiet tal-​Bibbja. Agħmel riċerka fil-​pubblikazzjonijiet tagħna. Tkellem m’aħwa li qabel kienu jemmnu fl-​evoluzzjoni. Saqsihom għala jemmnu li hemm Ħallieq li jħobbna. Dawn il-​konversazzjonijiet jistgħu jgħinuna biex ikollna l-​provi li hemm Ħallieq.

9. X’tgħallimt mill-​esperjenza taʼ Melissa?

9 Oħt jisimha Melissa studjat dwar il-​ħolqien u dan għenha biex tneħħi d-​dubji li kellha. * Hi tgħid: “L-​iskola, it-​teachers jispjegaw l-​evoluzzjoni b’mod li jġegħluk temminha. Għall-​ewwel ma ridtx nagħmel riċerka, għax bdejt nibżaʼ li l-​informazzjoni li nsib kienet se turi li l-​evoluzzjoni hi vera. Imma jien kont naf li Ġeħova jridni nkun ċerta minn dak li nemmen. Għalhekk, għamilt riċerka dwar id-​dubji li kelli. Qrajt il-​ktieb Is There a Creator Who Cares About You? u l-​browxers Was Life Created? u The Origin of Life—Five Questions Worth Asking. Dak li qrajt kien dak li kelli bżonn. Xtaqt li għamilt din ir-​riċerka qabel.”

10-11. X’jistaʼ jgħinek biex ma taqax għax-​xewqat ħżiena tiegħek? (1 Tessalonikin 4:3, 4)

10 Tagħmilx affarijiet li jobgħod Ġeħova. Fiż-​żgħożija, ix-​xewqat sesswali jistgħu jkunu b’saħħithom ħafna. Xi kultant, oħrajn jistgħu jisforzawk tagħmel is-​sess. Satana jridek iċċedi. X’jistaʼ jgħinek ma taqax għat-​tentazzjoni? (Aqra l-1 Tessalonikin 4:3, 4.) Fit-​talb tiegħek għid lil Ġeħova kif tkun qed tħossok u itolbu biex jagħtik is-​saħħa. (Mt. 6:13) Ftakar li Ġeħova jrid jgħinek u mhux jiġġudikak. (Salm 103:13, 14) Il-​Bibbja tistaʼ tgħinek ukoll. Melissa, li diġà semmejna, sabitha diffiċli biex tirreżisti ħsibijiet ħżiena. Hi tgħid: “Li naqra l-​Bibbja kuljum għenni biex ma nċedix għax-​xewqat ħżiena tiegħi. Il-​Bibbja għenitni niftakar li jien taʼ Ġeħova u li rrid naqdi lilu.”—Salm 119:9.

11 Tipprovax issolvi l-​problemi tiegħek waħdek. Tkellem mal-​ġenituri tiegħek. Bla dubju, mhux faċli biex titkellem magħhom dwar affarijiet persunali imma dan importanti ħafna. Melissa tgħid: “Tlabt lil Ġeħova biex jagħtini l-​kuraġġ, u mbagħad tkellimt maʼ missieri dwar il-​problema. Wara ħassejtni ħafna aħjar, u kont naf li Ġeħova kien kburi bija.”

12. Kif tistaʼ tieħu deċiżjonijiet tajbin?

12 Ħalli l-​prinċipji tal-​Bibbja jiggwidawk. Iktar ma tikber iktar se jkollok tieħu deċiżjonijiet għalik innifsek. Imma dan ma jfissirx li int taf kollox. Kif tistaʼ tevita li tagħmel xi ħaġa li biha tagħmel il-​ħsara lill-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova? (Prov. 22:3) Oħt jisimha Kari tispjega x’għenha biex tieħu deċiżjonijiet aħjar. Hi fehmet li meta tkun Kristjan matur m’għandekx bżonn regola għal kull ħaġa li tagħmel. Hi tgħid: “Jien fhimt li kelli bżonn nitgħallem kif Ġeħova jaħsibha dwar l-​affarijiet u mhux sempliċement nobdi r-​regoli.” Meta tkun qed taqra l-​Bibbja, saqsi lilek innifsek: ‘Dan ir-​rakkont x’jgħallimni dwar kif jaħsibha Ġeħova? Fih prinċipji li jistgħu jgħinuni nagħmel dak li hu tajjeb? Jekk iva, kif se jgħinuni meta napplikahom?’ (Salm 19:7; Is. 48:17, 18) Meta taqra l-​Bibbja u timmedita fuq dak li taqra, se jkun iktar faċli għalik biex tieħu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova. Hekk kif tkompli tagħmel progress int se tinduna li m’għandekx bżonn regola għal kull sitwazzjoni għax tibda tifhem iktar kif jaħsibha Ġeħova.

Oħt żagħżugħa xi ħbieb għażlet? (Ara paragrafu 13)

13. Ħbieb tajbin kif jistgħu jgħinuk? (Proverbji 13:20)

13 Agħżel ħbieb li jħobbu lil Ġeħova. Il-​ħbieb li tagħżel jistgħu jgħinuk issir Kristjan matur. (Aqra Proverbji 13:20.) Oħt jisimha Sara bdiet titlef il-​ferħ. Imma mbagħad ġrat xi ħaġa li għenitha terġaʼ tibda tħossha ferħana. Sara tgħid: “Sibt ħbieb tajbin eżatt meta kelli bżonnhom. Jien u oħt żagħżugħa bdejna niltaqgħu flimkien kull ġimgħa biex nippreparaw it-​Torri tal-​Għassa. Ħabiba oħra għenitni biex nibda nikkummenta fil-​laqgħat. Minħabba l-​għajnuna li tawni dawn il-​ħbieb bdejt nieħu l-​istudju persunali tiegħi u t-​talb iktar bis-​serjetà. Il-​ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova ssaħħet u rġajt bdejt inħossni ferħana.”

14. Julien kif sab ħbieb tajbin?

14 Kif tistaʼ tkun ħabib m’aħwa li se jgħinuk fil-​ħajja tiegħek? Julien, li issa jaqdi bħala anzjan, jgħid: “Meta kont iżgħar, għamilt ħbieb m’aħwa li kont inkun fuq is-​service magħhom. Dawn l-​aħwa kienu żelużi u għenuni biex nieħu pjaċir fuq is-​service. Jien bdejt nitħajjar biex nibda naqdi lil Ġeħova fis-​servizz full-​time. Indunajt ukoll li r-​raġuni għala jien ma kellix ħafna ħbieb tajbin kienet minħabba li bdejt infittex ħbieb tal-​età tiegħi. Iktar tard jien għamilt ukoll ħbieb ġodda f’Betel. L-​eżempju tagħhom għenni biex nagħżel divertiment aħjar, u dan ressaqni eqreb lejn Ġeħova.”

15. Pawlu liema twissija ta lil Timotju? (2 Timotju 2:20-​22)

15 X’għandek tagħmel jekk tinduna li xi ħadd fil-​kongregazzjoni mhuwiex kumpanija tajba għalik? Pawlu kien jaf li xi wħud fil-​kongregazzjoni ma kinux jaħsbu jew jaġixxu bħala Kristjani, u għalhekk qal lil Timotju biex ma jagħmilhiex magħhom. (Aqra t-2 Timotju 2:20-​22.) Il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova hi prezzjuża u ħdimna iebes għaliha. Allura ma nħallu lil ħadd jagħmel il-​ħsara l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova.—Salm 26:4.

IL-​MIRI KIF JGĦINUK TAGĦMEL PROGRESS SPIRITWALI?

16. Liema miri għandek tagħmel?

16 Agħmel miri tajbin. Ara li l-​miri li tagħmel jgħinuk issaħħaħ il-​fidi tiegħek u ssir Kristjan iktar matur. (Efes. 3:16) Pereżempju, tistaʼ tagħżel li tistudja u taqra l-​Bibbja iktar spiss. (Salm 1:2, 3) Tistaʼ tipprova titlob iktar u mill-​qalb. Jew forsi toqgħod iktar attent dwar id-​divertiment li tagħżel u kif tuża l-​ħin tiegħek. (Efes. 5:15, 16) Meta Ġeħova jara li qed taħdem iebes biex tagħmel progress, se jkun kuntent bik.

Oħt żagħżugħa  liema mira għamlet? (Ara paragrafu 17)

17. Li tgħin lil oħrajn kif se jgħin lilek?

17 Li tgħin lil oħrajn se jgħinek tagħmel progress spiritwali. Ġesù qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Jekk tuża ftit mill-​ħin u l-​enerġija tiegħek biex tgħin lil oħrajn, se tkun ferħan ħafna. Pereżempju, tistaʼ tagħmilha mira biex tgħin lill-​aħwa kbar fl-​età u lill-​aħwa li għandhom saħħa batuta fil-​kongregazzjoni tiegħek. Forsi tistaʼ tgħinhom billi tagħmlilhom il-​qadi jew tgħinhom f’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mat-​teknoloġija. Jekk inti ħu, agħmilha mira biex issir qaddej ministerjali ħalli tkun tistaʼ tgħin iktar lill-​aħwa. (Flp. 2:4) Meta tkun qed tipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna, tkun qed turi wkoll li tħobb in-​nies. (Mt. 9:36, 37) Jekk ikun possibbli, agħmilha mira li taqdi lil Ġeħova fis-​servizz full-​time.

18. Is-​servizz full-​time kif jgħinek tersaq eqreb lejn Ġeħova?

18 Is-​servizz full-​time jistaʼ jagħtik iktar opportunitajiet biex tagħmel progress spiritwali. Jekk tkun pijunier, jistaʼ jkollok l-​opportunità li tattendi l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna. Tistaʼ wkoll taqdi f’Betel jew tgħin fi proġetti taʼ kostruzzjoni. Kaitlyn, li għandha 21 sena u li hi pijuniera, tgħid: “Wara l-​magħmudija qattajt il-​ħin m’aħwa maturi fuq is-​service u dan għenni biex nersaq eqreb lejn Ġeħova. L-​eżempju tagħhom ġegħelni nistudja iktar il-​Bibbja u ntejjeb il-​mod kif ngħallem.”

19. Żgħażagħ, jekk tkomplu tagħmlu progress spiritwali liema barkiet se tgawdu?

19 Żgħażagħ, hekk kif tkomplu tagħmlu progress spiritwali, se tgawdu ħafna barkiet mingħand Ġeħova. Intom mhux se taħlu l-​enerġija tagħkom f’affarijiet li se jispiċċaw. (1 Ġw. 2:17) Se tevitaw l-​uġigħ li jiġi minn deċiżjonijiet ħżiena. U minflok, se tirnexxu u tkunu ferħanin. (Prov. 16:3) L-​eżempju tajjeb tagħkom se jinkuraġġixxi lill-​aħwa kbar u anki żgħar. (1 Tim. 4:12) U l-​iktar ħaġa importanti hi li se jkollkom il-​paċi u se tkunu kuntenti għax tafu li qed togħġbu lil Ġeħova u għandkom ħbiberija mill-​qrib miegħu.—Prov. 23:15, 16.

GĦANJA 88 Għarrafni triqatek

^ Bħala qaddejja taʼ Ġeħova nieħdu pjaċir naraw iż-​żgħażagħ jitgħammdu. Ovvjament, wara l-​magħmudija kulħadd għandu jaħdem iebes biex isir Kristjan matur. Dan l-​artiklu se jgħinna niffokaw fuq modi kif żgħażagħ li għadhom jitgħammdu jistgħu jkomplu jagħmlu progress spiritwali.

^ Xi ismijiet ġew mibdulin.