Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 36

In-Nies taʼ Ġeħova Jħobbu s-Sewwa

In-Nies taʼ Ġeħova Jħobbu s-Sewwa

“Henjin dawk li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa.”—MT. 5:6.

GĦANJA 9 Ġeħova hu s-​Sultan tagħna!

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġużeppi minn liema prova għadda, u x’għamel?

 ĠUŻEPPI, it-​tifel taʼ Ġakobb, għadda minn prova diffiċli. Il-​mara taʼ sidu Potifar qaltlu: “Imtedd miegħi.” Imma Ġużeppi rrifjuta. Xi wħud illum jistgħu jaħsbu, ‘Ġużeppi għala rrifjuta?’ Potifar ma kienx hemm dak il-​ħin u Ġużeppi kien skjav fid-​dar. Żgur li din il-​mara kienet se tagħmillu ħajtu diffiċli jekk ma jaċċettax. Imma Ġużeppi ma ċediex, avolja baqgħet issaqsih ħafna drabi. Għala? Hu qal: “Kif nistaʼ jien nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?”—Ġen. 39:7-​12.

2. Ġużeppi kif kien jaf li l-​adulterju hu ħażin għal Ġeħova?

2 Ġużeppi kif kien jaf li l-​adulterju għal Alla kien xi ħaġa ħażina ħafna? Il-​Liġi li Alla ta lil Mosè, li kien fiha l-​kmand “Tagħmilx adulterju,” ġiet miktuba 200 sena wara. (Eżo. 20:14) Imma Ġużeppi kien jaf lil Ġeħova sew. Hu fehem li Ġeħova jobgħod l-​adulterju. Pereżempju, Ġużeppi żgur kien jaf li Ġeħova għamel iż-​żwieġ biex ikun bejn raġel wieħed u mara waħda. U hu kien semaʼ kif Ġeħova kien ipproteġa darbtejn lil Sara biex tibqaʼ leali lejn ir-​raġel tagħha meta kienet fil-​periklu. B’mod simili, Alla pproteġa lil Rebekka, il-​mara taʼ Iżakk. (Ġen. 2:24; 12:14-​20; 20:2-​7; 26:6-​11) Hekk kif Ġużeppi beda jaħseb dwar dan, hu fehem x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin għal Ġeħova. Ġużeppi kien iħobbu lil Ġeħova, allura kien determinat li jagħmel dak li jogħġbu.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Int tħobb dak li Ġeħova jgħid li hu sewwa? Bla dubju iva. Minħabba li aħna imperfetti, irridu noqogħdu attenti biex ma niġux influwenzati minn dak li n-​nies fid-​dinja jaħsbu li hu tajjeb. (Is. 5:20; Rum. 12:2) F’dan l-​artiklu se naraw x’jiġifieri nagħmlu dak li hu sewwa u kif nibbenefikaw meta nagħmluh. Imbagħad se naraw tliet modi li se jgħinuna nħobbu iżjed il-​livelli taʼ Ġeħova.

X’JIĠIFIERI NAGĦMLU DAK LI HU SEWWA?

4. X’idea żbaljata għandhom in-​nies?

4 Fi żmien Ġesù, il-​mexxejja reliġjużi kienu jgħidu li huma jagħmlu t-​tajjeb. Imma Ġesù wriehom li ma kienx jieħu pjaċir bihom għax kienu jiġġudikaw lil oħrajn u jagħmlu regoli taʼ x’inhu tajjeb u ħażin skont kif jidhrilhom huma. (Ekk. 7:16; Lq. 16:15) Xi nies illum jagħmlu l-​istess. Huma jgħidu li mhu qed jagħmlu xejn ħażin, imma dan skont x’jaħsbu huma. Ħafna drabi huma jkunu kburin, jiġġudikaw lil oħrajn, u jaħsbu li huma aħjar minn ħaddieħor. Ġeħova ma jogħġbuhx dawn il-​kwalitajiet, u m’għandhom xejn x’jaqsmu maʼ li tagħmel li hu sewwa.

5. Skont il-​Bibbja, xi jfisser li tagħmel dak li hu sewwa? Agħti eżempju.

5 Li nagħmlu s-​sewwa jfisser li nagħmlu dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb. Fil-​Bibbja, il-​kelma “sewwa” tagħti l-​idea li persuna tgħix ħajjitha fi qbil mal-​livelli taʼ Ġeħova. Pereżempju, Ġeħova ried li l-​bejjiegħa jużaw ‘użin ġust.’ (Dt. 25:15) Il-​kelma oriġinali Ebrajka għal “ġust” tistaʼ tfisser ukoll “sewwa.” Allura, jekk Kristjan irid jogħġob lil Alla għandu jkun onest meta jagħmel in-​negozju. Xi ħadd li jħobb jagħmel it-​tajjeb ma jiħux pjaċir meta jara lil xi ħadd ieħor jiġi ttrattat ħażin. U persuna li tagħmel it-​tajjeb tara x’jaħseb Ġeħova dwar id-​deċiżjonijiet li se tieħu u ‘b’hekk togħġob lil Ġeħova għalkollox.’—Kol. 1:10.

6. Għala nistgħu nafdaw f’dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb jew ħażin? (Isaija 55:8, 9)

6 Dwar Ġeħova, il-​Bibbja tgħid: “Fih jgħammar is-​sewwa.” (Ġer. 50:7) Peress li Ġeħova ħalaqna u hu perfett, hu biss għandu d-​dritt jgħidilna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Aħna imperfetti, allura ma nistgħux inkunu nafu eżatt x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Prov. 14:12; aqra Isaija 55:8, 9.) Minħabba li nixbhu lil Alla, aħna jistaʼ jirnexxilna nagħmlu dak li jogħġob lilu. (Ġen. 1:27) U aħna nieħdu pjaċir nagħmlu hekk. L-​imħabba tagħna lejn Missierna timmotivana biex nimitawh kemm nistgħu.—Efes. 5:1.

7. Għala għandna bżonn regoli tajbin? Agħti eżempju.

7 Meta nobdu l-​livelli taʼ Ġeħova taʼ x’inhu tajjeb u ħażin, aħna se nibbenefikaw. Għala? Aħseb x’jiġri kieku kull belt jew raħal fil-​pajjiż jagħmel it-​tabelli tat-​toroq u r-​regoli għalih. Immaġina kemm ikun hemm tgerfix. Jew kieku t-​tobba u n-​nurses ma jobdux ċertu regoli meta jieħdu ħsieb in-​nies, dan jistaʼ jwassal biex imutu xi pazjenti. Mela żgur li regoli tajbin huma taʼ protezzjoni għalina. Bl-​istess mod, il-​livelli taʼ Ġeħova taʼ x’inhu tajjeb u ħażin jipproteġuna.

8. X’barkiet se jgawdu dawk li jħobbu s-​sewwa?

8 Ġeħova jbierek lil dawk li jipprovaw jgħixu mal-​livelli tiegħu. Hu jwiegħed: “Il-​ġusti [jew, in-​nies tajbin] se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Tistaʼ timmaġina kemm in-​nies se jkunu magħqudin, fil-​paċi, u ferħanin meta kulħadd jobdi l-​livelli taʼ Ġeħova? Ġeħova jridek tgawdi dik it-​tip taʼ ħajja. Kollha kemm aħna għandna raġunijiet tajbin biex inħobbu dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb! X’nistgħu nagħmlu biex inħobbu iktar dak li hu sewwa? Ejja naraw tliet modi.

ĦOBB IKTAR IL-​LIVELLI TAʼ ĠEĦOVA

9. X’se jgħinna nħobbu s-​sewwa?

9 L-​ewwel: Ħobb lil min għamel il-​livelli. Biex inħobbu s-​sewwa rridu nħobbu iżjed lil Ġeħova, li tana l-​livelli taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. Iżjed ma nħobbu lil Ġeħova, iżjed se nkunu rridu nobdu l-​livelli tajbin tiegħu. Biex inġibu eżempju: Kieku Adam u Eva kienu jħobbu lil Ġeħova, kienu jobduh.—Ġen. 3:1-​6, 16-​19.

10. Abraham x’għamel biex jifhem iktar kif jaħsibha Ġeħova?

10 Aħna żgur li ma rridux nagħmlu l-​istess żball li għamlu Adam u Eva. Aħna nistgħu nevitaw li nagħmlu bħalhom jekk nibqgħu nitgħallmu dwar Ġeħova, inħobbu l-​kwalitajiet tiegħu, u nipprovaw nifhmu kif jaħsibha. Jekk nagħmlu dan, se nħobbu lil Ġeħova iżjed. Aħseb f’kemm Abraham kien iħobb lil Ġeħova. Anki meta kien diffiċli għalih biex jifhem id-​deċiżjonijiet taʼ Ġeħova, hu xorta obdieh. Hu pprova jsir jafu iżjed. Pereżempju, meta hu sar jaf li Ġeħova ried jeqred lil Sodoma u Gomorra, Abraham għall-​ewwel beżaʼ li “l-​Imħallef taʼ l-​art kollha” kien se jeqred it-​tajbin ukoll. Imma hu kien jaf li Ġeħova impossibbli jagħmel hekk, allura staqsieh xi mistoqsijiet. Bil-​paċenzja Ġeħova wieġbu. Fl-​aħħar, Abraham fehem li Ġeħova jeżamina l-​qalb taʼ kull persuna u ma jikkastigax lit-​tajbin mal-​ħżiena.—Ġen. 18:20-​32.

11. Abraham kif wera li kien iħobb u jafda lil Ġeħova?

11 Il-​konversazzjoni li Abraham kellu maʼ Ġeħova dwar il-​bliet taʼ Sodoma u Gomorra affettwatu ħafna. Bla dubju, hu beda jħobb u jirrispetta lil Missieru tas-​sema iktar minn qabel. Imma snin wara, Abraham ġie f’sitwazzjoni li kienet diffiċli ħafna biex jafda lil Ġeħova. Hu qallu biex joffri lil Iżakk, l-​uniku tifel li kellu, bħala sagrifiċċju. Imma din id-​darba, Abraham kien jafu aħjar lil Ġeħova, allura ma staqsiehx mistoqsijiet. Abraham għamel dak li qallu. Ipprova immaġina kemm kien diffiċli għal Abraham biex jagħmel dan! Min jaf kemm ħaseb fuq dak li tgħallem dwar Ġeħova. Hu kien jaf li Ġeħova jagħmel kollox sewwa u bi mħabba. Skont l-​appostlu Pawlu, Abraham kien jaf li Ġeħova setaʼ jqajjem lil Iżakk mill-​mewt. (Ebr. 11:17-​19) Wara kollox, Ġeħova kien wiegħdu li minn Iżakk kien se jiġi poplu kbir, imma sa dakinhar Iżakk ma kellux tfal. Abraham kien iħobbu lil Ġeħova, u għalhekk kien ċert li Ġeħova se jagħmel dak li hu tajjeb. Minkejja li kien diffiċli, il-​fidi tiegħu għenitu jobdi.—Ġen. 22:1-​12.

12. Kif nistgħu nimitaw lil Abraham? (Salm 73:28)

12 Kif nistgħu nimitaw lil Abraham? Bħalu, aħna rridu nkomplu nitgħallmu dwar Ġeħova. Meta nagħmlu dan se nersqu eqreb lejh u nħobbuh iktar. (Aqra Salm 73:28.) Il-​kuxjenza tagħna se tkun trenjata biex nibdew naħsbu bħal Ġeħova. (Ebr. 5:14) Imbagħad, jekk xi ħadd jipprova jġegħelna nagħmlu xi ħaġa ħażina, ma naċċettawx. Lanqas jgħaddilna minn moħħna li nagħmlu xi ħaġa li biha nweġġgħu lil Missierna tas-​sema u nagħmlu ħsara lill-​ħbiberija li għandna miegħu. X’nistgħu nagħmlu iktar biex nuru li nħobbu s-​sewwa?

13. X’nistgħu nagħmlu biex inħobbu iktar dak li hu sewwa? (Proverbji 15:9)

13 It-​tieni: Aħdem biex tħobb iktar dak li hu sewwa. Jekk irridu nkunu b’saħħitna, irridu nagħmlu t-​trejning b’mod regolari. Bl-​istess mod, biex aħna nħobbu dak li hu sewwa, irridu nagħmlu sforz. Dan mhux diffiċli wisq biex nagħmluh. Ġeħova huwa raġunevoli u qatt mhu se jitlobna nagħmlu iktar milli nistgħu. (Salm 103:14) Hu jwegħedna li “hu jħobb lil min jiġri wara s-​sewwa.” (Aqra Proverbji 15:9.) Jekk qed nipprovaw nilħqu mira fix-​xogħol taʼ Ġeħova, se nkomplu nagħmlu sforz biex nilħquha. U se nagħmlu l-​istess meta nkunu rridu nagħmlu dak li hu sewwa. Ġeħova bil-​paċenzja se jgħinna nagħmlu progress.—Salm 84:5, 7.

14. X’inhi “l-​kurazza tas-​sewwa,” u għala għandna bżonnha?

14 Ġeħova bi mħabba jfakkarna li mhux diffiċli biex nagħmlu dak li jħobb hu. (1 Ġw. 5:3) Anzi, dan hu taʼ protezzjoni li għandna bżonn kuljum. Ftakar fl-​armatura li semma l-​appostlu Pawlu. (Efes. 6:14-​18) Liema parti kienet tipproteġi qalb is-​suldat? Kienet “il-​kurazza tas-​sewwa,” li tirrappreżenta l-​livelli taʼ Ġeħova dwar x’inhu tajjeb. Bħalma l-​kurazza kienet tipproteġi qalb is-​suldat, il-​livelli taʼ Ġeħova jistgħu jipproteġu lil qalbek, jiġifieri x-​xewqat, l-​emozzjonijiet, u l-​ħsibijiet tiegħek. Għalhekk huwa importanti li l-​armatura tiegħek ikun fiha l-​kurazza tas-​sewwa!—Prov. 4:23.

15. Kif tistaʼ tilbes il-​kurazza tas-​sewwa?

15 Kif tistaʼ tilbes il-​kurazza tas-​sewwa? Billi taħseb dwar dak li jridek tagħmel Alla qabel tieħu d-​deċiżjonijiet tiegħek. Meta tiddeċiedi dwar xiex se titkellem, x’mużika se tismaʼ, x’film se tara, jew xi ktieb se taqra, l-​ewwel staqsi: ‘Dan kif se jeffettwa lil qalbi? Dan jogħġbu lil Ġeħova? Fih affarijiet bħall-​immoralità, il-​vjolenza, jew l-​egoiżmu?’ (Flp. 4:8) Jekk tagħżel li tagħmel dak li jħobb Ġeħova, qalbek se tkun protetta mill-​affarijiet ħżiena.

Is-​sewwa tiegħek jistaʼ jkun “bħall-​mewġ tal-​baħar” (Ara paragrafi 16-17)

16-17. Isaija 48:18 kif iwegħedna li nistgħu ngħixu skont il-​livelli taʼ Ġeħova għal dejjem?

16 Ġieli tinkwieta jekk hux se tibqaʼ tgħix kuljum skont il-​livelli taʼ Ġeħova? Aħseb dwar l-​eżempju li juża Ġeħova f’​Isaija 48:18. (Aqra.) Ġeħova jwegħedna li s-​sewwa tagħna jistaʼ jkun “bħall-​mewġ tal-​baħar.” Immaġinak qiegħed fuq bajja kbira tara l-​mewġ ġej, waħda wara oħra. Waqt li tkun qiegħed hemm, se taħseb li dak il-​mewġ xi darba se jieqaf? Le! Inti taf li fil-​baħar dejjem ikun hemm il-​mewġ, u bla dubju mhux se jieqaf.

17 Is-​sewwa tiegħek jistaʼ jkun bħall-​mewġ tal-​baħar. Kif? Meta tkun se tieħu deċiżjoni, l-​ewwel aħseb xi jridek tagħmel Alla. Imbagħad ħu d-​deċiżjoni. Tkun kemm tkun diffiċli d-​deċiżjoni li jkollok tieħu, Missierek tas-​sema dejjem se jkun qiegħed hemm biex itik is-​saħħa tkompli tagħmel dak li hu tajjeb kuljum.—Is. 40:29-​31.

18. Għala m’għandniex niġġudikaw lill-​oħrajn?

18 It-​tielet: Ħalli lil Ġeħova jiġġudika lill-​oħrajn. Waqt li naħdmu iebes biex ngħixu ħajja li togħġob lil Alla, irridu noqogħdu attenti li ma niġġudikawx lill-​oħrajn u naħsbu li aħna aħjar minnhom. Aħna m’għandniex dritt niddeċiedu jekk oħrajn hux qed jagħmlu dak li jrid Ġeħova. Irridu niftakru li Ġeħova hu “l-​Imħallef taʼ l-​art kollha.” (Ġen. 18:25) Ġeħova ma tax dan ix-​xogħol lilna. Fil-​fatt, Ġesù kkmandana: “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati.”—Mt. 7:1. *

19. Ġużeppi kif ħalla f’idejn Ġeħova biex jiġġudika?

19 Erġaʼ aħseb dwar l-​eżempju tar-​raġel leali Ġużeppi. Hu ma ġġudikax lil oħrajn, lanqas lil dawk li ttrattawh ħażin. Ħutu qabduh u bigħuh bħala skjav u qalu lil missierhom li kien miet. Snin wara, Ġużeppi reġaʼ ngħaqad mal-​familja tiegħu. Ġużeppi, li mbagħad kellu l-​poter, setaʼ ġġudikahom u pattihielhom. Għalkemm huma kien iddispjaċiehom għal dak li għamlu, xorta beżgħu li Ġużeppi ma kienx se jaħfrilhom. Imma hu qalilhom: “Tibżgħux, jaqaw jien qiegħed flok Alla?” (Ġen. 37:18-​20, 27, 28, 31-​35; 50:15-​21) Ġużeppi kien umli u kien jaf li Ġeħova biss għandu d-​dritt jiġġudika lil ħutu.

20-21. X’m’għandniex nagħmlu? Spjega.

20 Bħal Ġużeppi, aħna nħallu lil Ġeħova jiġġudika. Pereżempju, aħna ma naħsbux li nafu r-​raġuni għala l-​aħwa jagħmlu ċertu affarijiet. Aħna ma nistgħux naqraw il-​qalb; Ġeħova biss jistaʼ jagħmel dan. (Prov. 16:2) Hu jħobb lin-​nies li għandhom kultura u backgrounds differenti. Hu jinkuraġġina biex nagħmlu bħalu. (2 Kor. 6:13) Aħna rridu nħobbu lil ħutna kollha, u mhux niġġudikawhom.

21 Dan irridu napplikawh ukoll maʼ dawk kollha li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova. (1 Tim. 2:3, 4) Int se tiġġudika lil xi ħadd minn tal-​familja tiegħek li mhux fil-​verità billi tgħid, “Dan qatt mhu se jsir Xhud taʼ Ġeħova”? Le, għax m’għandniex dritt nagħmlu dan u nkunu qed naħsbu li aħna aħjar minnhom. Ġeħova għadu qed jagħti ċans ‘lin-​nies kollha’ biex isiru jafuh. (Atti 17:30) Tinsiex li għal Ġeħova nies li jaħsbu li huma aħjar minn oħrajn mhumiex nies sewwa.

22. Għala int determinat li tħobb dak li hu sewwa?

22 Jekk inħobbu dak li hu sewwa għal Ġeħova se nkunu ferħanin. Dan se jgħinna biex inkunu t’eżempju tajjeb għal oħrajn, u b’hekk huma se jħobbu lilna u lil Ġeħova iktar. Jalla nibqgħu “bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa.” (Mt. 5:6) Kun ċert li Ġeħova qed jara l-​isforz li qed tagħmel u kuntent bil-​progress tiegħek. Hekk kif in-​nies f’din id-​dinja qed isiru iktar u iktar ħżiena, agħmel kuraġġ! Dejjem ftakar li “Ġeħova jħobb lill-​ġusti.”—Salm 146:8.

GĦANJA 139 Immaġinak meta kollox ikun ġdid

^ Illum diffiċli ssib nies li jipprovaw jagħmlu dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb. Però, hemm ħafna nies li qed jipprovaw jagħmlu dak li jogħġob lilu. Żgur li inti wieħed minnhom. Int tipprova tgħix b’dal-​mod għax tħobb lil Ġeħova, u hu jħobb is-​sewwa. Aħna kif nistgħu nħobbu iktar dak li hu sewwa? F’dan l-​artiklu se naraw x’jiġifieri li nagħmlu dak li hu sewwa u kif nibbenefikaw meta nagħmluh. Se naraw ukoll xi modi li jistgħu jgħinuna nħobbu iktar dak li hu sewwa.

^ Xi kultant, l-​anzjani jkollhom jiġġudikaw lil dawk li jkunu għamlu dnub serju u jkun iddispjaċiehom għal dak li għamlu. (1 Kor. 5:11; 6:5; Ġak. 5:14, 15) Però, b’umiltà jżommu f’moħħhom li huma ma jistgħux jaraw x’hemm fil-​qalb, u li qegħdin jiġġudikaw għal Ġeħova. (Qabbel it-​2 Kronaki 19:6.) Huma joqogħdu attenti li japplikaw il-​ħniena u l-​ġustizzja taʼ Ġeħova.