ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 35
Komplu “Ibnu lil Xulxin”
‘Ibqgħu inkuraġġixxu lil xulxin u ibnu lil xulxin.’—1 TESS. 5:11.
GĦANJA 90 Inkuraġġixxu lil xulxin
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Skont l-1 Tessalonikin 5:11, liema xogħol nagħmlu?
IL-KONGREGAZZJONI tiegħek ġieli kellha Sala tas-Saltna ġdida jew irranġat li kellha? Jekk iva, żgur li tiftakar l-ewwel darba li mort għal-laqgħa fiha. Inti rringrazzjajtu ħafna lil Ġeħova. Forsi tant kont ferħan li kważi kont ħa tibki u lanqas stajt tkanta l-ewwel għanja. Il-mod kif inhuma mibnijin is-Swali tas-Saltna tagħna jfaħħru lil Ġeħova. Imma aħna nfaħħru iktar lil Ġeħova meta nieħdu sehem f’xogħol ieħor. Dan ix-xogħol jinvolvi xi ħaġa iktar importanti mill-bini letterali. Dan jinvolvi li nibnu, jiġifieri ninkuraġġixxu lin-nies li jiġu f’dawn is-Swali tas-Saltna. L-appostlu Pawlu kellu dan f’moħħu meta kiteb il-kliem li nsibu fl-iskrittura prinċipali tal-1 Tessalonikin 5:11.—Aqra.
2. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
2 L-appostlu Pawlu hu eżempju mill-aqwa taʼ xi ħadd li kien jaf kif jinkuraġġixxi lill-aħwa. Hu kien iħoss għalihom. F’dan l-artiklu se niddiskutu kif Pawlu għen lill-aħwa biex (1) jissaportu l-provi, (2) iżommu l-paċi bejniethom, u (3) isaħħu l-fidi tagħhom f’Ġeħova. Ejja naraw kif nistgħu nimitawh u ninkuraġġixxu lil ħutna.—1 Kor. 11:1.
PAWLU GĦEN LILL-AĦWA JISSAPORTU L-PROVI
3. Pawlu kif żamm il-bilanċ f’ħajtu?
3 Pawlu kien iħobbhom ħafna lill-aħwa. Hu kien esperjenza diversi provi. Għalhekk, meta l-aħwa kienu għaddejjin mill-provi, hu setaʼ jifhimhom u jħoss għalihom. Darba waħda Pawlu spiċċa bla flus. Għalhekk, kellu jsib xogħol biex jgħix u jgħin lil dawk li kienu miegħu. (Atti 20:34) Hu kien jaf jagħmel it-tined. Meta wasal f’Korintu, għall-ewwel beda jaħdem ma’ Akwila u Prixilla li kienu jafu jagħmlu t-tined ukoll. Imma “kull Sabat” hu kien jipprietka lil-Lhud u lill-Griegi. Imbagħad meta waslu Sila u Timotju, “Pawlu beda jkun okkupat bis-sħiħ bix-xandir tal-kelma.” (Atti 18:2-5) Pawlu qatt ma nesa l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu, li jaqdi lil Ġeħova. U hu kien t’eżempju tajjeb għax ħadem iebes fil-ministeru u fl-istess ħin ħa ħsieb il-bżonnijiet tiegħu. Għalhekk, setaʼ jagħti parir tajjeb lill-aħwa. Hu fakkarhom biex ma jħallux l-ansjetajiet jew ir-responsabbiltà biex jipprovdu għall-familja ġġegħelhom jittraskuraw “dak li hu iktar importanti,” jiġifieri li jaqdu lil Ġeħova.—Flp. 1:10.
4. Pawlu u Timotju kif għenu lill-aħwa biex ikampaw mal-persekuzzjoni?
4 Ftit wara li fformat il-kongregazzjoni f’Tessalonika, l-aħwa ffaċċjaw oppożizzjoni ħarxa. Meta grupp taʼ rġiel li kienu kontra Pawlu u Sila ma sabuhomx, kaxkru “lil xi aħwa quddiem il-ħakkiema tal-belt” u bdew jgħajtu: “Dawn l-irġiel kollha qed jaġixxu kontra d-digrieti taʼ Ċesari.” (Atti 17:6, 7) Tistaʼ timmaġina kemm beżgħu dawn l-aħwa ġodda meta saru jafu li n-nies tal-belt ħaduha kontrihom? Huma setgħu naqqsu minn dak li kienu qed jagħmlu għal Ġeħova, imma Pawlu ma riedx li jiġri hekk. Għalkemm Pawlu u Sila kellhom jitilqu, huma raw li l-kongregazzjoni l-ġdida kellha min jieħu ħsiebha. Pawlu fakkar lit-Tessalonikin: “Bgħatna lil Timotju, ħuna . . . , sabiex jissodakom u jfarraġkom għall-ġid tal-fidi tagħkom, biex ħadd ma jitħarrek minħabba dawn it-tribulazzjonijiet.” (1 Tess. 3:2, 3) X’aktarx Timotju wkoll esperjenza l-persekuzzjoni fejn kien jgħix, f’Listra. Hu kien ra kif Pawlu inkuraġġixxa lill-aħwa t’hemmhekk. Meta Timotju ra l-għajnuna li tahom Ġeħova, hu setaʼ jserraħ moħħ dawn l-aħwa ġodda li Ġeħova kien se jieħu ħsiebhom ukoll.—Atti 14:8, 19-22; Ebr. 12:2.
5. Bryant kif ibbenefika mill-għajnuna taʼ anzjan?
5 Pawlu x’għamel iktar biex jinkuraġġixxi lill-aħwa? Meta Pawlu u Barnaba reġgħu marru lura Listra, Ikonju, u Antjokja, “ħatrulhom anzjani f’kull kongregazzjoni.” (Atti 14:21-23) Bla dubju, dawn l-anzjani kienu t’għajnuna għall-kongregazzjonijiet, bħalma huma l-anzjani llum. Innota x’qal ħu jismu Bryant. Hu jgħid: “Meta kelli 15-il sena, missieri telaq mid-dar u ommi ġiet maqtugħa mis-sħubija. Ħassejtni waħdi u skuraġġit.” X’għen lil Bryant biex jissaporti dak iż-żmien diffiċli? Hu jgħid: “Anzjan jismu Tony kien joqgħod jitkellem miegħi. Kien ikellimni dwar uħud li għaddew minn provi u xorta baqgħu ferħanin. Darba wrieni Salm 27:10, u spiss kien jitkellem miegħi dwar Ħeżekija, li baqaʼ leali lejn Ġeħova minkejja li missieru ma kienx eżempju tajjeb għalih.” Dan kif għen lil Bryant? Hu jgħid: “Bl-inkuraġġiment li tani Tony, jien bdejt naqdi lil Ġeħova fis-servizz full-time.” Anzjani, oqogħdu attenti biex tgħinu lil dawk, li bħal Bryant, ikollhom bżonn kelma taʼ inkuraġġiment.—Prov. 12:25.
6. Pawlu kif uża l-esperjenzi taʼ xi wħud biex jinkuraġġixxi lill-aħwa?
6 Pawlu fakkar lill-aħwa li “sħaba . . . kbira taʼ xhieda” ssaportew il-persekuzzjoni minħabba li Ġeħova tahom iktar saħħa. (Ebr. 12:1) Pawlu fehem li l-esperjenzi taʼ dawk li fil-passat issaportew kull tip taʼ persekuzzjoni setgħu jinkuraġġixxu lill-aħwa u jgħinuhom jibqgħu ffokati fuq “il-belt taʼ l-Alla l-ħaj.” (Ebr. 12:22) Dan japplika għalina wkoll. Min ma jħossux inkuraġġit meta jaqra dwar kif Ġeħova għen lil Gidegħon, Barak, David, Samwel, u ħafna oħrajn? (Ebr. 11:32-35) U xi ngħidu għall-eżempji tajbin tal-lum il-ġurnata? Fil-kwartieri ġenerali spiss nirċievu ittri mingħand aħwa biex jgħidulna li meta jaqraw il-bijografiji taʼ aħwa leali li jaqdu lil Ġeħova, isaħħu l-fidi tagħhom.
PAWLU WERA LILL-AĦWA KIF IŻOMMU L-PAĊI BEJNIETHOM
7. X’tistaʼ titgħallem mill-parir taʼ Pawlu f’Rumani 14:19-21?
7 Aħna ninkuraġġixxu lill-aħwa meta ngħidu u nagħmlu affarijiet li jġibu l-paċi fil-kongregazzjoni. Aħna ma nħallux l-opinjonijiet differenti tagħna jġibu l-firda. U ma nibqgħux ninsistu biex nieħdu r-raġun fuq xi ħaġa meta ma jkunx hemm prinċipju tal-Bibbja dwarha. Ejja naraw eżempju. Il-kongregazzjoni f’Ruma kien fiha Kristjani Lhud u Ġentili. Meta l-Liġi taʼ Mosè ma baqgħetx tgħodd, il-qaddejja taʼ Ġeħova ma kellhomx għalfejn jobdu l-liġi biex ma jiklux ċertu ikel. (Mk. 7:19) Minn dakinhar ’il quddiem, xi Kristjani Lhud ħassew li setgħu jieklu l-ikel kollu li xtaqu. Imma oħrajn ħassew li ma kienx sew li jagħmlu hekk. Għalhekk, kien hemm il-firda fil-kongregazzjoni. Pawlu wriehom kemm hu importanti li jżommu l-paċi u qal: “Hu sewwa li ma tikolx laħam jew li ma tixrobx inbid jew li ma tagħmel xejn li jistaʼ jfixkel lil ħuk.” (Aqra Rumani 14:19-21.) B’hekk, Pawlu għenhom jindunaw kemm il-ġlied jagħmel ħsara lill-aħwa u lill-kongregazzjoni. Hu kien lest ukoll li ma jibqax jagħmel ċertu affarijiet biex ma jfixkilx lil oħrajn. (1 Kor. 9:19-22) B’mod simili, aħna nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn u nżommu l-paċi jekk ma niġġildux fuq kwistjonijiet persunali.
8. Pawlu x’għamel biex iżomm il-paċi meta nqalgħet kwistjoni importanti fil-kongregazzjoni?
8 L-appostlu Pawlu ħalla eżempju tajjeb taʼ kif inżommu l-paċi meta ma jkunx hemm qbil dwar kwistjoni importanti. Pereżempju, xi wħud fil-kongregazzjoni tal-bidu qalu li dawk li ma kinux Lhud u saru Kristjani kellhom jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni. Dan setaʼ kien biex il-Lhud ma jkollhomx xi jgħidu fuqhom. (Gal. 6:12) Pawlu ma qabilx ma’ dan ir-raġunar, imma ma qagħadx jinsisti magħhom. Hu b’umiltà talab parir lill-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm. (Atti 15:1, 2) Peress li Pawlu ħa ħsieb dawn l-affarijiet b’mod tajjeb, hu għen lill-Kristjani biex ikunu kuntenti u jżommu l-paċi fil-kongregazzjoni.—Atti 15:30, 31.
9. Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Pawlu?
9 Jekk tinqalaʼ problema serja, aħna se nżommu l-paċi jekk infittxu l-gwida mingħand dawk li Ġeħova qed juża biex jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni. Spiss, insibu direzzjoni bbażata fuq il-Bibbja fil-pubblikazzjonijiet tagħna u affarijiet oħra li tipprovdilna l-organizzazzjoni. Meta niffokaw fuq din id-direzzjoni u mhux ninsistu fuq l-opinjoni tagħna, inkunu qed naħdmu biex inżommu l-paċi fil-kongregazzjoni.
10. Pawlu x’għamel iktar biex ikun hemm il-paċi fil-kongregazzjoni?
10 Pawlu ħadem għall-paċi billi faħħar lill-aħwa għall-kwalitajiet sbieħ li kellhom u ma ffokax fuq in-nuqqasijiet tagħhom. Pereżempju, lejn l-aħħar tal-ittra li kiteb lir-Rumani, hu semma ħafna nies b’isimhom. U f’ħafna każijiet hu semma xi ħaġa sabiħa dwarhom. Aħna nistgħu nimitaw lil Pawlu billi nitkellmu dwar il-kwalitajiet sbieħ li għandhom ħutna. Meta nagħmlu hekk, se nsaħħu l-ħbiberija u l-imħabba taʼ bejnietna.
11. Kif nistgħu nżommu l-paċi meta jinqalgħu l-problemi?
11 Xi kultant, anki Kristjani maturi ma jaqblux jew ikollhom xi jgħidu bejniethom. Dan ġara lil Pawlu u l-ħabib tal-qalb tiegħu Barnaba. Huma ma qablux jekk kellhomx jieħdu magħhom lil Marku fil-vjaġġ missjunarju li kienu se jagħmlu. Huma “kellhom xi jgħidu sew,” u għalhekk iddeċidew li ma jibqgħux jivvjaġġaw flimkien. (Atti 15:37-39) Imma Pawlu, Barnaba, u Marku reġgħu għamlu paċi bejniethom. B’hekk urew li l-paċi u l-unità kienu importanti għalihom. Iktar tard Pawlu tkellem tajjeb dwar Barnaba u Marku. (1 Kor. 9:6; Kol. 4:10) Aħna wkoll irridu nirranġaw il-problemi li jkollna mal-aħwa fil-kongregazzjoni u nkomplu niffokaw fuq il-kwalitajiet tajbin tagħhom. B’dan il-mod inkunu qed naħdmu għall-paċi u l-unità.—Efes. 4:3.
PAWLU SAĦĦAĦ IL-FIDI TAL-AĦWA
12. L-aħwa minn liema provi qegħdin jgħaddu?
12 Aħna ninkuraġġixxu lill-aħwa meta ngħinuhom isaħħu l-fidi tagħhom f’Ġeħova. Xi aħwa jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt minn tal-familja, minn dawk li jaħdmu magħhom, jew mit-tfal tal-iskola. Oħrajn qed jiffaċċjaw problemi serji taʼ saħħa jew qed iħossuhom imweġġgħin. U oħrajn li ilhom mgħammdin għal ħafna snin ilhom jistennew biex tispiċċa din is-sistema ħażina. Dawn il-provi jistgħu jittestjaw il-fidi tagħna. Xi Kristjani tal-bidu għaddew minn provi simili. Pawlu x’għamel biex jinkuraġġixxi lill-aħwa?
13. Pawlu kif għen lill-aħwa li kienu jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt minħabba dak li jemmnu?
13 Pawlu uża l-Kelma t’Alla biex isaħħaħ il-fidi tal-aħwa. Pereżempju, Kristjani Lhud forsi ma kinux jafu kif se jwieġbu lil tal-familja li kienu jgħidu li r-reliġjon tal-Ġudaiżmu hija aħjar mir-reliġjon tal-Kristjani. Bla dubju, l-ittra taʼ Pawlu lill-Ebrej saħħet ħafna l-fidi tagħhom. (Ebr. 1:5, 6; 2:2, 3; 9:24, 25) Ir-raġunar tajjeb tiegħu għenhom ikunu jafu x’għandhom jgħidu lil dawk li jiħduha kontrihom. Illum, aħna nistgħu ngħinu lil dawk li jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt biex jużaw il-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja ħalli jkunu jistgħu jispjegaw dak li jemmnu. U jekk it-tfal jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt għax jemmnu fil-Ħallieq, nistgħu ngħinuhom isibu informazzjoni fil-browxers Was Life Created? u The Origin of Life—Five Questions Worth Asking biex juru għala jemmnu f’Alla.
14. Pawlu x’għamel avolja kellu ħafna x’jagħmel fl-ippritkar?
14 Pawlu inkuraġġixxa lill-aħwa biex juru l-imħabba tagħhom b’“għemejjel tajbin.” (Ebr. 10:24) Hu mhux biss għen lill-aħwa b’dak li qal imma anki b’dak li għamel. Pereżempju, hu għen lill-aħwa fil-Lhudija meta fil-pajjiż kien hemm il-ġuħ, billi ħadilhom xi affarijiet li kellhom bżonn. (Atti 11:27-30) Fil-fatt, Pawlu avolja kellu ħafna x’jagħmel fl-ippritkar, dejjem ra kif se jgħin lil dawk li kellhom bżonn affarijiet materjali. (Gal. 2:10) B’dan il-mod, Pawlu inkuraġġixxa lill-aħwa biex ikunu iktar ċerti li Ġeħova se jieħu ħsiebhom. Illum, meta nkunu lesti li nagħtu mill-ħin tagħna u nagħmlu sforz biex immorru ngħinu meta jseħħ xi diżastru, aħna wkoll insaħħu l-fidi tal-aħwa. Nistgħu nagħmlu dan ukoll billi b’mod regulari nagħtu donazzjonijiet għax-xogħol taʼ madwar id-dinja. B’dawn il-modi u oħrajn, aħna nkunu qed ngħinu lill-aħwa jkunu ċerti li Ġeħova qatt mhu se jabbandunahom.
15-16. Kif nistgħu ngħinu lill-aħwa li l-fidi tagħhom m’għadhiex b’saħħitha?
15 Pawlu baqaʼ jgħin lil dawk li l-fidi tagħhom ma baqgħetx b’saħħitha. Hu ħass għalihom u tkellem b’mod pożittiv magħhom. (Ebr. 6:9; 10:39) Pereżempju fl-ittra lill-Ebrej, Pawlu inkluda lilu nnifsu biex juri li anki hu kellu japplika l-parir li tahom. (Ebr. 2:1, 3) Bħal Pawlu, m’għandniex naqtgħu qalbna minn dawk li l-fidi tagħhom m’għadhiex b’saħħitha. Minflok, aħna ninkuraġġuhom billi nuruhom li jimpurtana minnhom. B’hekk nuruhom li għadna nħobbuhom. Meta nitkellmu bil-ħlewwa magħhom, jistaʼ jgħin daqs il-kliem li ngħidulhom.
16 Pawlu għen lill-aħwa jaraw li Ġeħova kien jaf bl-affarijiet tajbin li għamlu. (Ebr. 10:32-34) Aħna nistgħu nagħmlu xi ħaġa simili meta nkunu qed ngħinu lil xi ħadd li l-fidi tiegħu ma baqgħetx b’saħħitha. Nistgħu nistaqsuh kif daħal fil-verità, jew ngħidulu jaqsam magħna esperjenzi meta ra l-għajnuna taʼ Ġeħova. Nistgħu nużaw din l-opportunità biex infakkruh li Ġeħova ma nesiex dak li għamel għalih fil-passat. U Ġeħova mhux se jabbandunah fil-futur. (Ebr. 6:10; 13:5, 6) Dawn il-konversazzjonijiet jistgħu jinkuraġġixxu lill-aħwa biex ikomplu jaqdu lil Ġeħova.
KOMPLU ‘INKURAĠĠIXXU LIL XULXIN’
17. Fiex nistgħu nsiru aħjar?
17 Maż-żmien ħaddiem isir kapaċi iktar fix-xogħol tiegħu. Bl-istess mod, maż-żmien aħna wkoll nistgħu nitgħallmu ninkuraġġixxu iżjed lill-aħwa. Aħna nistgħu ngħinu lill-aħwa jissaportu l-provi billi naqsmu magħhom eżempji t’oħrajn li ssaportew fil-passat. Nistgħu naħdmu għall-paċi billi nsemmu l-kwalitajiet tajbin tal-aħwa, inżommu l-paċi meta jinqalgħu l-problemi, u nagħmlu paċi meta jkollna nuqqas taʼ qbil m’oħrajn. Nistgħu wkoll inkomplu nsaħħu l-fidi tal-aħwa billi naqsmu magħhom veritajiet importanti mill-Bibbja, nagħtuhom l-għajnuna li jkollhom bżonn, u ngħinu lil dawk li l-fidi tagħhom m’għadhiex b’saħħitha.
18. X’int determinat li tagħmel?
18 Dawk li jaħdmu fi proġetti taʼ kostruzzjoni jħossuhom ferħanin. Aħna nistgħu nħossuna ferħanin meta ngħinu biex insaħħu l-fidi tal-aħwa. Il-bini letterali maż-żmien jistaʼ jispiċċa, imma r-riżultat tax-xogħol li nkunu għamilna biex ninkuraġġixxu lill-aħwa jistaʼ jibqaʼ għal dejjem! Jalla nkunu determinati li ‘nibqgħu ninkuraġġixxu lil xulxin u nibnu lil xulxin.’—1 Tess. 5:11.
GĦANJA 100 Ilqagħhom bl-ospitalità
^ Il-ħajja f’din id-dinja hi diffiċli. Ħutna qed jiffaċċjaw ħafna provi. Aħna nistgħu ngħinuhom billi nfittxu modi kif ninkuraġġuhom. L-eżempju tal-appostlu Pawlu jistaʼ jgħinna nkunu nafu kif nagħmlu dan.
^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Missier qed juri lit-tifla tiegħu kif tistaʼ tuża l-pubblikazzjonijiet tagħna biex tispjega għala ma tiċċelebrax il-Milied.
^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Koppja vvjaġġaw f’post fil-pajjiż tagħhom fejn għamel diżastru biex ikunu jistgħu jgħinu.
^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Anzjan mar jara lil ħu li l-fidi tiegħu ma baqgħetx b’saħħitha. Hu qed juri xi ritratti lill-ħu tal-Iskola tal-Pijunieri li kienu marru flimkien. Meta l-ħu jara r-ritratti jiftakar kemm kienu ħadu pjaċir. Il-ħu jixtieq jerġaʼ jħossu ferħan bħal meta kien jaqdi lil Ġeħova. Maż-żmien hu jerġaʼ jibda jaqdi lil Ġeħova.