Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 36

Neħħi Toqol Żejjed

Neħħi Toqol Żejjed

“Ħa nneħħu aħna wkoll kull piż . . . , u ħa niġru bis-sabar it-tiġrija li tqiegħdet quddiemna.”—EBR. 12:1.

GĦANJA 33 Ixħet toqlok fuq Ġeħova

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Skont Ebrej 12:1, xi rridu nagħmlu biex nispiċċaw it-tiġrija għall-ħajja?

 IL-BIBBJA tqabbel il-ħajja tagħna bħala Kristjani ma’ tiġrija. Min jispiċċa t-tiġrija se jkollu l-ħajja taʼ dejjem. (2 Tim. 4:7, 8) Aħna rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nibqgħu niġru, speċjalment issa li kważi wasalna fl-aħħar tat-tiġrija. L-appostlu Pawlu, li rnexxielu jispiċċa din it-tiġrija, qalilna x’jistaʼ jgħinna biex aħna nispiċċawha wkoll. Hu qalilna biex ‘inneħħu kull piż u niġru bis-sabar it-tiġrija li tqiegħdet quddiemna.’—Aqra Ebrej 12:1.

2. X’jiġifieri ‘nneħħu kull piż’?

2 Meta Pawlu kiteb li rridu ‘nneħħu kull piż,’ ma kienx qed ifisser li bħala Kristjani m’għandna nġorru ebda toqol. Minflok, hu kien qed ifisser li rridu nneħħu t-toqol li m’għandniex bżonn. Dan it-toqol jistaʼ jfixkilna u jgħejjina. Biex nissaportu rridu naraw malajr jekk hux qed inġorru dan it-toqol u nneħħuh. Fl-istess ħin, m’għandniex inneħħu toqol li għandna bżonn inġorru. Inkella mhux se nibqgħu niġru fit-tiġrija għall-ħajja. (2 Tim. 2:5) Liema toqol irridu nġorru?

3. (a) Skont Galatin 6:5 x’għandna nġorru? (b) X’se naraw f’dan l-artiklu, u għala?

3 Aqra Galatin 6:5. Pawlu semma xi ħaġa li rridu nġorru. Hu kiteb li “kull wieħed iġorr it-tagħbija tiegħu.” Hu kien qed jitkellem dwar dak li Alla jistenna minn kull wieħed minna u li ħaddieħor ma jistax jagħmel għalina. F’dan l-artiklu se naraw x’fiha ‘t-tagħbija tagħna’ u kif nistgħu nġorruha. Se naraw ukoll x’jistaʼ jkun li qed inġorru żejjed u nitgħallmu kif inneħħuh. Jekk inġorru t-tagħbija tagħna u nneħħu t-toqol żejjed, se nispiċċaw it-tiġrija għall-ħajja.

DAK LI GĦANDNA NĠORRU

It-toqol li għandna nġorru jinkludi li nżommu l-wegħda li għamilna lil Ġeħova biex naqduh għal dejjem, nieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet fil-familja, u naċċettaw il-konsegwenzi għad-deċiżjonijiet li nieħdu (Ara paragrafi 4-9)

4. Għala mhux diffiċli biex inżommu l-wegħda li għamilna lil Ġeħova? (Ara l-istampa.)

4 Il-wegħda li għamilna lil Ġeħova li naqduh għal dejjem. Meta ddedikajna lilna nfusna lil Ġeħova, wegħednieh li naqduh u nagħmlu dak li jixtieq hu. Aħna rridu nżommu l-wegħda li għamilna. Din hi responsabbiltà serja imma mhux diffiċli ħafna biex nagħmluha għax Ġeħova ħalaqna biex nogħġbu lilu. (Riv. 4:11) Hu tana x-xewqa li nsiru nafuh u naqduh. U ħalaqna bi kwalitajiet bħal tiegħu. B’hekk, nistgħu nersqu qrib tiegħu u nieħdu pjaċir nagħmlu dak li jixtieq. (Salm 40:8) U meta nagħmlu dak li jixtieq Alla u nimitaw lil Ġesù, ‘se nħossuna aħjar.’—Mt. 11:28-30.

(Ara paragrafi 4-5)

5. X’se jgħinek iżżomm il-wegħda tiegħek? (1 Ġwanni 5:3)

5 Kif tistaʼ ġġorr din it-tagħbija? Ejja naraw żewġ affarijiet li jistgħu jgħinuk. L-ewwel, ħobb iżjed lil Ġeħova. Dan tistaʼ tagħmlu billi timmedita fuq l-affarijiet tajbin li diġà għamel għalik u l-affarijiet sbieħ li se jagħtik fil-futur. Iktar ma tħobb lil Alla, iktar ikun faċli biex tobdih. (Aqra l-1 Ġwanni 5:3.) It-tieni, imita lil Ġesù. Hu rnexxielu jagħmel li xtaq Alla, għax talab lil Ġeħova jgħinu u ffoka fuq il-premju. (Ebr. 5:7; 12:2) Bħal Ġesù, itlob lil Ġeħova għall-għajnuna u ibqaʼ aħseb fuq il-ħajja taʼ dejjem. Meta tħobb iżjed lil Alla u timita lil Ibnu, se tkun tistaʼ tagħmel dak li wegħedt lil Ġeħova.

6. Għala għandna nieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tagħna fil-familja? (Ara l-istampa.)

6 Ir-responsabbiltajiet tal-familja. Aħna rridu nħobbu lil Ġeħova u lil Ġesù iktar minn tal-familja. (Mt. 10:37) Imma dan ma jfissirx li għandna ninjoraw ir-responsabbiltajiet tagħna fil-familja. Anzi biex nogħġbu lil Ġeħova u lil Ġesù rridu nieħdu ħsieb dawn ir-responsabbiltajiet. (1 Tim. 5:4, 8) Meta nagħmlu hekk, se nkunu iktar ferħanin. Ġeħova jaf li l-familji se jkunu iktar ferħanin meta r-raġel u l-mara jħobbu u jirrispettaw lil xulxin, meta l-ġenituri jħobbu u jgħallmu lit-tfal tagħhom, u meta t-tfal jobdu lill-ġenituri tagħhom.—Efes. 5:33; 6:1, 4.

(Ara paragrafi 6-7)

7. Kif tistaʼ tieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet li għandek fil-familja kif jixtieq Ġeħova?

7 Kif tistaʼ ġġorr din it-tagħbija? L-irġiel, in-nisa, u t-tfal għandhom japplikaw il-pariri tajbin tal-Bibbja. Tagħmilx dak li taħseb li hu tajjeb, dak li jagħmlu n-nies fejn toqgħod, jew dak li jgħidu l-esperti. (Prov. 24:3, 4) Uża l-pubblikazzjonijiet tagħna sew. Dawn fihom pariri tajbin biex jgħinuk tapplika l-prinċipji tal-Bibbja. Pereżempju, is-serje t’artikli “Għajnuna għall-Familja” fiha informazzjoni tajba dwar l-isfidi li jiffaċċjaw il-koppji, il-ġenituri, u ż-żgħażagħ. b Kun determinat li tapplika l-pariri tal-Bibbja, anki jekk tal-familja ma jagħmlux bħalek. Meta tagħmel hekk, se tibbenefika l-familja tiegħek u se jkollok ħafna barkiet mingħand Ġeħova.—1 Pt. 3:1, 2.

8. Id-deċiżjonijiet li nieħdu kif jistgħu jaffettwawna?

8 Ir-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet li nieħdu. Ġeħova tana l-libertà li nieħdu d-deċiżjonijiet għalina, u jridna nkunu ferħanin bid-deċiżjonijiet tajbin li nieħdu. Imma jekk nieħdu deċiżjonijiet ħżiena, hu jħallina nbatu l-konsegwenzi. (Gal. 6:7, 8) Allura, irridu naċċettaw il-konsegwenzi li jiġu meta nagħmlu jew ngħidu xi ħaġa ħażina. Meta nkunu għamilna xi ħaġa ħażina, il-kuxjenza taf tibda tniggiżna. Imma minħabba li nafu li aħna responsabbli għad-deċiżjonijiet li nieħdu, se nammettu l-iżbalji tagħna, nirranġawhom, u nipprovaw ma nerġgħux nagħmluhom. Meta nagħmlu hekk, se nkunu nistgħu nibqgħu fit-tiġrija għall-ħajja.

(See paragraphs 8-9)

9. X’tistaʼ tagħmel jekk ħadt deċiżjoni ħażina? (Ara l-istampa.)

9 Kif tistaʼ ġġorr din it-tagħbija? X’tistaʼ tagħmel jekk ħadt deċiżjoni ħażina? Aċċetta li ma tistax tbiddel dak li għamilt. Taħlix il-ħin u l-enerġija tiegħek tipprova tieħu r-raġun jew twaħħal f’oħrajn minħabba l-iżball tiegħek. Minflok aċċetta li żbaljajt u agħmel l-aħjar li tistaʼ fiċ-ċirkustanzi tiegħek. Jekk tħossok ħażin minħabba żball li għamilt, itlob lil Ġeħova u għidlu jaħfirlek. (Salm 25:11; 51:3, 4) Skuża ruħek ma’ dawk li weġġajt, u jekk ikun hemm bżonn għid lill-anzjani biex jgħinuk. (Ġak. 5:14, 15) Tgħallem mill-iżbalji u pprova terġax tagħmilhom. Jekk tagħmel hekk, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jaħfirlek u jagħtik l-għajnuna li jkollok bżonn.—Salm 103:8-13.

TOQOL LI GĦANDNA “NNEĦĦU”

10. Meta nqabblu lilna nfusna m’oħrajn kif ikun toqol għalina? (Galatin 6:4)

10 Meta nħossu li rridu nagħmlu iżjed. Meta nqabblu lilna nfusna m’oħrajn, nistgħu nħossuna skuraġġiti. (Aqra Galatin 6:4.) Jekk noqogħdu nqabblu lilna nfusna m’oħrajn, nistgħu nibdew ngħiru u ndaħħlu l-kompetizzjoni. (Gal. 5:26) Jekk nipprovaw nagħmlu dak li jagħmlu oħrajn, anki jekk ma nkunux nistgħu, se nagħmlu ħsara lilna nfusna. Aħseb dwar dan: Il-Bibbja tgħidilna li nistgħu nħossuna skuraġġiti jekk nibqgħu nistennew għal xi ħaġa. (Prov. 13:12) Allura, se nkunu iktar skuraġġiti jekk nibqgħu nistennew għal xi ħaġa li qatt ma jistaʼ jkollna! Jekk nagħmlu hekk, se nkunu wisq għajjenin u jkun diffiċli biex nispiċċaw it-tiġrija għall-ħajja.—Prov. 24:10.

11. X’se jgħinek ma tistenniex iżżejjed minnek innifsek?

11 Kif tistaʼ tneħħi dan it-toqol? Tistenniex iktar milli jitlob minnek Ġeħova. Hu ma jistenniex xi ħaġa mingħandna li ma nistgħux intuh. (2 Kor. 8:12) Kun ċert li Ġeħova ma jqabbilx dak li tagħmel int ma’ dak li jagħmlu oħrajn. (Mt. 25:20-23) Hu japprezza x-xogħol tiegħek, il-paċenzja tiegħek, u l-lealtà tiegħek. Kun umli u aċċetta li ma tistax tagħmel dak kollu li tixtieq forsi minħabba l-età, is-saħħa, jew iċ-ċirkustanzi tiegħek. Imita lil Barżillaj, u kun lest li tgħid le jekk minħabba s-saħħa jew l-età ma tkunx tistaʼ tagħmel inkarigu. (2 Sam. 19:35, 36) Kun bħal Mosè, u aċċetta l-għajnuna u agħti r-responsabbiltajiet lil oħrajn. (Eżo. 18:21, 22) Jekk tkun umli, m’intix se tistenna żżejjed minnek innifsek u mhux se tegħja fit-tiġrija għall-ħajja.

12. Aħna responsabbli għad-deċiżjonijiet ħżiena li jieħdu oħrajn? Spjega.

12 Meta nħossuna responsabbli għal dak li jagħmlu oħrajn. Aħna ma nistgħux niddeċiedu għal oħrajn, u lanqas nipproteġuhom mill-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li jieħdu. Pereżempju, it-tifel jew it-tifla tiegħek tistaʼ tiddeċiedi li tieqaf taqdi lil Ġeħova. Dan jistaʼ jweġġaʼ ħafna lill-ġenituri. Imma ġenituri li jwaħħlu fihom infushom minħabba d-deċiżjonijiet tat-tfal tagħhom ikunu qed iġorru toqol żejjed. U Ġeħova ma jistenniex li jġorru dan it-toqol huma.—Rum. 14:12.

13. Ġenitur x’jistaʼ jagħmel meta t-tifel jew it-tifla tieħu deċiżjoni ħażina?

13 Kif tistaʼ tneħħi dan it-toqol? Ftakar li Ġeħova ħalliena fil-libertà li nagħżlu. Hu jħalli kull persuna tiddeċiedi għaliha nfisha. Dan jinkludi wkoll jekk persuna taqdix lilu. Ġeħova jaf li int m’intix ġenitur perfett. Kull ma jrid hu li int tagħmel l-aħjar li tistaʼ. It-tifel jew it-tifla tiegħek hi responsabbli għad-deċiżjonijiet li tieħu, u mhux inti. (Prov. 20:11) Kultant, forsi tibqaʼ taħseb dwar l-iżbalji li għamilt bħala ġenitur. Jekk tħossok hekk, itlob lil Ġeħova biex jaħfirlek u għidlu kif tkun qed tħossok. Hu jaf li issa ma tistax tbiddel dak li għamilt, u fl-istess ħin ma jistenniex li żżomm lit-tifel jew it-tifla tiegħek milli tbati l-konsegwenzi. Żomm f’moħħok li jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek tagħmel sforz biex terġaʼ lura għand Ġeħova, hu minn qalbu se jilqagħha lura.—Lq. 15:18-20.

14. Għala m’għandniex nibqgħu nħossuna mdejqin minħabba d-dnubiet li għamilna?

14 Meta tibqaʼ tħossok ħażin wara li tagħmel dnub. Hi xi ħaġa tajba li nħossuna ħażin wara li nagħmlu dnub. Imma Ġeħova ma jridx li aħna nibqgħu nħossuna hekk. Dan hu toqol li rridu nneħħu. Kif inkunu nafu li qed naħsbu żżejjed dwar id-dnub li għamilna? Jekk nitkellmu ma’ Ġeħova u l-anzjani dwar id-dnub serju li nkunu għamilna, jiddispjaċina, u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ma nerġgħux nagħmluh, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jaħfrilna. (Atti 3:19) Wara li nagħmlu dawn l-affarijiet kollha, Ġeħova ma jridniex nibqgħu nħossuna ħażin. Hu jaf li mhux tajjeb għalina li nibqgħu nħossuna ħażin. (Salm 31:10) Jekk tibqaʼ tħossok imdejjaq, tistaʼ taqtaʼ qalbek, u ma tibqax tiġri fit-tiġrija għall-ħajja.—2 Kor. 2:7.

Wara li vera jkun iddispjaċiek għal żball li għamilt, Ġeħova ma jibqax jaħseb dwaru u int għandek tagħmel bħalu (Ara paragrafu 15)

15. X’jistaʼ jgħinek jekk il-kuxjenza tibqaʼ tniggżek? (1 Ġwanni 3:19, 20) (Ara l-istampa.)

15 Kif tistaʼ tneħħi dan it-toqol? Jekk tibqaʼ tħoss il-kuxjenza tniggżek, tinsiex li Alla ‘jaħfer mill-qalb.’ (Salm 130:4) Meta jaħfer lil dawk li veru jiddispjaċihom, Ġeħova jwiegħed: “Dnubhom ma niftakrux iktar.” (Ġer. 31:34) Dan ifisser li qatt mhu se jerġaʼ jaħseb dwar id-dnubiet li tkun għamilt. Mela taħsibx li l-konsegwenzi li qed tbati bħalissa huma għax Ġeħova ma ħafirlekx. U tħossokx iddiżappuntat bik innifsek jekk tlift xi responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. Ġeħova ma jibqax jaħseb fuq l-iżbalji tiegħek, mela m’għandekx tibqaʼ taħseb dwarhom int.—Aqra l-1 Ġwanni 3:19, 20.

IĠRI BIEX TIRBAĦ

16. Dawk li qed jiġru fit-tiġrija għall-ħajja, x’għandhom ikunu jafu?

16 Waqt li qed niġru fit-tiġrija għall-ħajja, irridu niġru b’mod li nieħdu l-premju. (1 Kor. 9:24) Dan nistgħu nagħmluh jekk nifhmu liema toqol għandna nġorru u liema għandna nneħħu. F’dan l-artiklu ddiskutejna xi eżempji minnhom. Imma hemm oħrajn. Ġesù qal li nistgħu ‘nitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-ħajja.’ (Lq. 21:34) Versi bħal dan jistgħu jgħinuk tara fejn tistaʼ tirranġa waqt li qed tiġri fit-tiġrija għall-ħajja.

17. Għala nistgħu nkunu ċerti li se nirbħu t-tiġrija għall-ħajja?

17 Aħna nistgħu nkunu ċerti li se nirbħu t-tiġrija għall-ħajja għax Ġeħova jtina s-saħħa li għandna bżonn. (Is. 40:29-31) Mela taqtax qalbek! Imita lill-appostlu Pawlu, li għamel dak kollu li setaʼ biex jirbaħ il-premju. (Flp. 3:13, 14) Ħadd ma jistaʼ jiġri għalik, imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova jistaʼ jirnexxilek. Hu jistaʼ jgħinek iġġorr it-toqol u tneħħi dak li m’għandekx bżonn. (Salm 68:19) Bl-għajnuna tiegħu, int se jirnexxilek tibqaʼ tissaporti fit-tiġrija u tirbaħ!

GĦANJA 65 Imxi ’l quddiem!

a Dan l-artiklu se jgħinna nkomplu niġru fit-tiġrija għall-ħajja. Waqt din it-tiġrija, irridu nġorru ċertu toqol. Dan jinkludi l-wegħda li għamilna lil Ġeħova li naqduh għal dejjem, ir-responsabbiltajiet tal-familja, u r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet li nieħdu. Imma rridu nneħħu kull toqol li m’għandniex bżonn u li jistaʼ jtellifna. Dan l-artiklu se jurina x’jistaʼ jkun dan it-toqol.

b Is-serje t’artikli “Għajnuna għall-Familja” tistaʼ ssibha fuq jw.org. Xi artikli tajbin għall-koppji miżżewġin huma “Kif turi rispett” u “Kif turi apprezzament”; għall-ġenituri, “Għallem lit-Tfal Jużaw l-Ismartphone b’Mod Tajjeb” u “Kif Tikkomunika mal-Adoloxxent Tiegħek”; u għaż-żgħażagħ, “Kif tirreżisti l-pressjoni minn dawk tamparek” u “Kif tkampa bis-solitudni.”