Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 33

Tgħallem mill-Eżempju taʼ Danjel

Tgħallem mill-Eżempju taʼ Danjel

“Int maħbub ferm.”—DAN. 9:23.

GĦANJA 73 Għinna nxandru bil-qlubija

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Il-Babiloniżi għala kienu impressjonati bil-profeta Danjel?

 IL-PROFETA DANJEL kien għadu żagħżugħ meta l-Babiloniżi ħaduh bħala priġunier ’il bogħod minn Ġerusalemm f’Babilonja. Imma għalkemm kien għadu żagħżugħ, Danjel impressjona lill-uffiċjali Babiloniżi. Huma raw li kien ġuvni sabiħ u li kien ġej minn familja importanti. (1 Sam. 16:7) Għalhekk, ittrennjawh biex jibda jaqdi fil-palazz.—Dan. 1:3, 4, 6.

2. Ġeħova kif ħassu dwar Danjel? (Eżekjel 14:14)

2 Ġeħova ma kienx iħobb lil Danjel għax kien ġuvni sabiħ jew għax kellu privileġġi speċjali fil-palazz. Hu kien iħobbu minħabba t-tip taʼ persuna li kien. Fil-fatt, meta Ġeħova qal li Danjel kien bħal Noè u Ġob, x’aktarx Danjel kellu biss madwar 20 sena. Għalhekk, Ġeħova qies lil dan iż-żagħżugħ bħal Noè u Ġob li qdewh lealment għal ħafna snin. (Ġen. 5:32; 6:9, 10; Ġob 42:16, 17; aqra Eżekjel 14:14.) U Ġeħova baqaʼ jħobb lil Danjel matul ħajtu kollha.—Dan. 10:11, 19.

3. X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

3 F’dan l-artiklu se nikkunsidraw żewġ kwalitajiet li kellu Danjel u li għamluh prezzjuż għal Ġeħova. L-ewwel se naraw x’kienu l-kwalitajiet u mbagħad naraw kif uriehom. Imbagħad se naraw kif Danjel tgħallem juri dawn il-kwalitajiet. Fl-aħħar se naraw kif aħna nistgħu nimitawh. Għalkemm dan l-artiklu hu miktub għaż-żgħażagħ, kulħadd jistaʼ jitgħallem mill-eżempju taʼ Danjel.

KUN KURAĠĠUŻ BĦAL DANJEL

4. Danjel kif wera l-kuraġġ? Agħti eżempju.

4 Nies kuraġġużi jistgħu jibżgħu, imma ma jħallux l-biżaʼ twaqqafhom milli jagħmlu dak li hu tajjeb. Danjel kien żagħżugħ kuraġġuż ħafna. Ejja naraw żewġ okkażjonijiet fejn wera li kien kuraġġuż. L-ewwel darba x’aktarx kienet sentejn wara li l-Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm. Ir-re taʼ Babilonja, Nebukadnessar, kellu ħolma tal-biżaʼ dwar statwa kbira ħafna. Hu ordna biex l-irġiel għorrief tiegħu, inkluż Danjel, jgħidulu x’ħolom u x’kienet tfisser il-ħolma. U jekk ma jirnexxilhomx, kien se joqtolhom kollha. (Dan. 2:3-5) Danjel kellu jaġixxi malajr għax inkella ħafna nies kienu se jmutu. Hu ‘daħal u talab lis-sultan biex jagħtih iż-żmien sabiex jagħti l-interpretazzjoni tagħha lis-sultan.’ (Dan. 2:16) Dan kif juri li Danjel kellu l-kuraġġ u l-fidi? Il-Bibbja ma tgħidx li Danjel kien fisser il-ħolm qabel. Hu qal lil sħabu Sidrak, Mesak, u Għabednego b biex “jitolbu l-ħniena min-naħa taʼ l-Alla tas-sema dwar dan is-sigriet.” (Dan. 2:18) Ġeħova wieġeb it-talb tagħhom. Bl-għajnuna t’Alla, Danjel fisser il-ħolma taʼ Nebukadnessar u b’hekk hu u l-ħbieb tiegħu ma mitux.

5. Danjel meta kellu jerġaʼ jkun kuraġġuż?

5 Wara li Danjel fisser il-ħolma dwar l-istatwa kbira, ġrat xi ħaġa oħra fejn kellu juri l-kuraġġ. Nebukadnessar kellu ħolma oħra tal-biżaʼ. Din kienet dwar siġra kbira ħafna. Danjel b’kuraġġ spjega lir-re x’kienet tfisser din il-ħolma. Hu qallu wkoll li kien se jiġġennen u mhux se jibqaʼ jmexxi għal xi żmien. (Dan. 4:25) Ir-re setaʼ ħaseb li Danjel qed jiħodha kontrih u kieku ried setaʼ qatlu. Imma Danjel kien kuraġġuż u fissirlu l-ħolma xorta.

6. X’jistaʼ jkun li għen lil Danjel ikun kuraġġuż?

6 X’jistaʼ jkun li għen lil Danjel biex ikun kuraġġuż f’ħajtu? Nistgħu nkunu ċerti li l-ġenituri tiegħu kienu taʼ eżempju tajjeb għalih meta kien żgħir. Huma żgur obdew id-direzzjonijiet li Ġeħova ta lill-ġenituri Iżraelin, u għallmuh il-Liġi t’Alla. (Dt. 6:6-9) Danjel kien jaf l-Għaxar Kmandamenti, imma kien jaf ukoll ħafna dettalji oħra tal-Liġi. Pereżempju hu kien jaf x’jistgħu jew x’ma jistgħux jieklu l-Iżraelin. c (Lev. 11:4-8; Dan. 1:8, 11-13) Danjel tgħallem ukoll dak li għaddew minnu n-nies t’Alla u xi ġralhom meta ma obdewx lil Ġeħova. (Dan. 9:10, 11) L-esperjenzi li kellu Danjel f’ħajtu għenuh ikun ċert li, jiġri x’jiġri, Ġeħova u l-anġli tiegħu kienu se jgħinuh.—Dan. 2:19-24; 10:12, 18, 19.

Danjel sar iktar kuraġġuż għax studja l-Iskrittura, talab, u kien jafda f’Ġeħova (Ara paragrafu 7)

7. X’kien hemm iżjed li għen lil Danjel ikun kuraġġuż? (Ara l-istampa.)

7 Danjel studja dak li kitbu l-profeti t’Alla, inkluż il-profeziji taʼ Ġeremija. B’hekk iktar tard, Danjel fehem li l-Lhud dalwaqt kienu se jinħelsu minn Babilonja. (Dan. 9:2) Danjel ra kif dak li qal Ġeħova ġara u dan saħħaħlu l-fiduċja tiegħu fih. Dan jurina li min jafda f’Ġeħova jistaʼ jkun kuraġġuż ħafna. (Ara l-prinċipju f’​Rumani 8:31, 32, 37-39.) U l-iktar ħaġa importanti, Danjel kien jitlob lil Missieru tas-sema spiss. (Dan. 6:10) Hu qal lil Ġeħova bin-nuqqasijiet tiegħu u kif kien qed iħossu. U Danjel talbu biex jgħinu. (Dan. 9:4, 5, 19) Bħal kull wieħed u waħda minna, Danjel ma twilidx kuraġġuż. Hu sar kuraġġuż għax studja l-Iskrittura, talab, u kien jafda f’Ġeħova.

8. Kif nistgħu nsiru kuraġġużi?

8 Biex inkunu kuraġġużi xi rridu nagħmlu? Il-ġenituri tagħna jistgħu jinkuraġġuna biex inkunu kuraġġużi, imma ma jistgħux jagħmluna kuraġġużi, anki jekk huma għandhom din il-kwalità. Biex issir kuraġġuż hu bħallikieku qed titgħallem tagħmel xi ħaġa ġdida. Mod wieħed kif issir tajjeb f’xi ħaġa ġdida hu billi toqgħod attent għal min ikun qed jgħallmek u tagħmel bħalu. B’mod simili, aħna nistgħu nsiru kuraġġużi billi naraw kif oħrajn juru din il-kwalità u nagħmlu bħalhom. Allura x’tgħallimna minn Danjel? Aħna wkoll irridu nkunu nafu sew il-Bibbja. Irid ikollna ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova billi nitkellmu miegħu spiss u ngħidulu kif inkunu qed inħossuna. U rridu nafdaw f’Ġeħova u nkunu ċerti li hu dejjem se jgħinna. Imbagħad meta niffaċċjaw il-provi se nkunu kuraġġużi.

9. Kif nibbenefikaw meta nkunu kuraġġużi?

9 Meta nkunu kuraġġużi nibbenefikaw b’diversi modi. Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Ben. Hu kien imur fi skola fil-Ġermanja fejn kulħadd kien jemmen bl-evoluzzjoni u li r-rakkont tal-Bibbja dwar il-ħolqien mhux veru. Darba waħda, Ben kellu l-opportunità biex quddiem il-klassi jispjega għala jemmen li l-ħajja ġiet maħluqa. Hu kien kuraġġuż u qal lil kulħadd dak li kien jemmen. Imbagħad x’ġara? Ben jgħid, “It-teacher qagħad jismaʼ sew dak li kont qed ngħid u għamel kopji tal-materjal li użajt. Imbagħad ta kopja lill-istudenti tal-klassi.” L-istudenti tal-klassi x’għamlu? Ben ikompli jgħid, “Ħafna minnhom qagħdu jisimgħuni u qaluli li jammirawni.” Kif naraw mill-esperjenza taʼ Ben, spiss in-nies jirrispettaw lil dawk li jkunu kuraġġużi. U meta nkunu kuraġġużi nistgħu ngħinu wkoll lil oħrajn biex isiru jafu lil Ġeħova. Bla dubju għandna raġunijiet tajba biex insiru kuraġġużi.

KUN LEALI BĦAL DANJEL

10. X’inhi l-lealtà?

10 Il-Bibbja spiss titkellem dwar il-“lealtà,” jew “l-imħabba,” li Alla juri lejn il-ħbieb tiegħu. L-istess kelma tintuża wkoll biex tiddeskrivi l-imħabba li juru l-qaddejja t’Alla bejniethom. (2 Sam. 9:6, 7) Maż-żmien, il-lealtà tagħna tistaʼ ssir iktar b’saħħitha. Ejja naraw kif il-lealtà taʼ Danjel saret iktar b’saħħitha.

Minħabba li Danjel kien leali, Ġeħova ppremjah billi bagħat anġlu u għalaq ħalq l-iljuni (Ara paragrafu 11)

11. Danjel kif wera li kien leali lejn Ġeħova meta kien kbir fl-età? (Ara l-istampa tal-qoxra.)

11 Matul ħajtu, Danjel għadda minn ħafna sitwazzjonijiet fejn kellu juri jekk hux se jibqaʼ leali lejn Ġeħova jew le. Imma xi ħaġa diffiċli ħafna ġrat meta hu kellu iktar minn 90 sena. Sa dak iż-żmien, Babilonja kienet intrebħet mill-Medin u l-Persjani u kien qed imexxi r-Re Darju. L-uffiċjali tar-Re Darju kienu jobogħdu lil Danjel u ma kinux jirrispettaw lil Ġeħova. Għalhekk, ippjanaw biex joqtlu lil Danjel. Huma ġiegħlu lir-re jiffirma liġi li biha Danjel kien se juri ċar lejn min se jkun leali, jekk hux lejn Ġeħova jew lejn ir-re. Biex Danjel juri li hu leali lejn ir-re bħal kulħadd, kellu jieqaf jitlob lil Ġeħova għal 30 ġurnata. Imma Danjel għażel li jibqaʼ leali lejn Ġeħova. Minħabba f’hekk, lil Danjel tefgħuh fil-ħofra mal-iljuni. Imma Ġeħova ppremja l-lealtà taʼ Danjel billi salvah. (Dan. 6:12-15, 20-22) Kif nistgħu nibqgħu leali lejn Ġeħova bħalma għamel Danjel?

12. Danjel kif irnexxielu jibqaʼ leali lejn Ġeħova?

12 Biex inkunu leali lejn Ġeħova jrid ikollna mħabba kbira lejh. Danjel għalhekk irnexxielu jibqaʼ leali lejn Missieru tas-sema. Bla dubju, Danjel sar iħobb ħafna lil Ġeħova għax qagħad jaħseb dwar il-kwalitajiet tiegħu u kif jurihom. (Dan. 9:4) Danjel immedita u apprezza wkoll l-affarijiet tajbin kollha li Ġeħova għamel għalih u għall-poplu tiegħu.—Dan. 2:20-23; 9:15, 16.

Meta ssir tħobb ħafna lil Ġeħova, int se tkun tistaʼ tibqaʼ leali lejh, bħal Danjel (Ara paragrafu 13)

13. (a) Iż-żgħażagħ tagħna liema provi jiffaċċjaw? Agħti eżempju. (Ara l-istampa.) (b) Kif juri l-vidjow, kif tistaʼ twieġeb meta jistaqsuk jekk ix-Xhieda taʼ Ġeħova jaqblux maʼ dawk li jgħixu ħajja omosesswali?

13 Bħal Danjel, iż-żgħażagħ tagħna huma mdawrin b’nies li ma jirrispettawx lil Ġeħova u ma jimpurtahomx mil-livelli tiegħu. X’aktarx nies bħal dawn ma jkollhomx grazzja maʼ dawk li jħobbu lil Alla. Xi wħud jipprovaw ukoll iġiegħlu liż-żgħażagħ tagħna biex ma jibqgħux leali lejn Ġeħova. Aħseb dwar l-eżempju taʼ ħu jismu Graeme, li jgħix fl-Awstralja. Meta kien imur l-iskola sekondarja, hu ffaċċja sitwazzjoni diffiċli. It-teacher staqsiethom x’kienu se jagħmlu jekk xi ħabib jgħidilhom li hu omosesswali. It-teacher qaltilhom li dawk li għalihom mhix problema li l-ħabib tagħhom ikun omosesswali, imorru fuq naħa tal-klassi. Dawk li ma jaqblux, imorru fuq in-naħa l-oħra. Graeme qal li hu u Xhud ieħor biss marru fuq in-naħa li ma jaqblux. Imbagħad is-sitwazzjoni saret iktar diffiċli u Graeme kellu juri hux se jibqaʼ leali lejn Ġeħova. Hu jgħid, “Għall-kumplament tal-lezzjoni, l-istudenti u anki t-teacher qagħdu jgħajruna. Għamilt dak kollu li stajt biex nibqaʼ kalm u niddefendi dak li nemmen, imma ma ridux jisimgħu.” Graeme kif ħassu? Hu jgħid, “Ma ħadtx pjaċir meta t-tfal bdew jgħajruni, imma ħassejtni vera ferħan għax iddefendejt dak li nemmen u bqajt leali lejn Ġeħova.” d

14. X’inhu mod wieħed li jgħinna nibqgħu leali lejn Ġeħova?

14 Bħal Danjel, iktar ma nħobbu lil Ġeħova, iktar se nkunu determinati li nibqgħu leali lejh. Meta nitgħallmu dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova se nħobbuh iktar u iktar. Pereżempju, nistgħu nistudjaw l-affarijiet li ħalaq. (Rum. 1:20) Jekk trid tħobb u tirrispetta iktar lil Ġeħova, tistaʼ taqra l-artikli fis-serje “Ġie disinjat?” jew tara l-vidjows. Tistaʼ taqra wkoll il-browxers Was Life Created? u The Origin of Life—Five Questions Worth Asking. Ara x’qalet Esther, oħt żagħżugħa mid-Danimarka, dwar dawn il-pubblikazzjonijiet: “Vera fihom raġunar tajjeb. Il-browxers ma jgħidulekx x’għandek temmen, sempliċiment jispjegaw il-fatti u jħallu lilek tiddeċiedi x’temmen.” Ben, li semmejna qabel, jgħid: “Dawn il-browxers saħħewli l-fidi tiegħi. Għenuni nkun ċert li Ġeħova ħalaq il-ħajja.” Wara li tistudja dawn il-browxers, x’aktarx se taqbel maʼ dak li tgħid il-Bibbja: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u l-qawwa, għax int ħlaqt l-affarijiet kollha, u bir-rieda tiegħek eżistew u nħolqu.”—Riv. 4:11. e

15. X’inhu mod ieħor kif nistgħu nkabbru l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

15 Mod ieħor kif tħobb iktar lil Ġeħova hu billi tistudja l-ħajja taʼ Ibnu, Ġesù. Oħt żagħżugħa jisimha Samira, li tgħix il-Ġermanja, hekk għamlet. Hi tgħid: “Jien sirt naf lil Ġeħova aħjar permezz taʼ Ġesù.” Meta kienet żgħira, Samira ma setgħetx tifhem kif Ġeħova setaʼ jkollu sentimenti bħalna. Imma hi setgħet tifhem kif kien iħossu Ġesù. Hi tkompli tgħid: “Jien inħobb lil Ġesù għax kien dħuli u jħobb lit-tfal.” Iktar ma tgħallmet dwar Ġesù, iktar saret taf u tħobb lil Ġeħova. Għala? Samira tgħid: “Maż-żmien bdejt nifhem li Ġesù jimita eżatt lil Missieru. Huma għandhom l-istess karattru. Irrealizzajt li din kienet waħda mir-raġunijiet għala Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-art, biex in-nies ikunu jistgħu jsiru jafu lil Ġeħova aħjar.” (Ġw. 14:9) Jekk trid issaħħaħ il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova, għax ma tistudjax iktar dwar Ġesù? Jekk tagħmel hekk, l-imħabba u l-lealtà tiegħek għal Ġeħova se jikbru.

16. Għala għandna nkunu leali lejn Ġeħova? (Salm 18:25; Mikea 6:8)

16 Jekk inkunu leali lejn oħrajn, spiss se jkollna ħbieb li jkunu leali lejna. (Rut 1:14-17) U jekk inkunu leali lejn Ġeħova nistgħu nħossuna kalmi u ferħanin. Għala? Għax Ġeħova jwiegħed li hu se jkun leali maʼ dawk li huma leali lejh. (Aqra Salm 18:25; Mikea 6:8.) Aħseb ftit dwar dan: Għalkemm aħna żgħar ħafna meta nqabblu lilna nfusna maʼ Ġeħova, hu jwegħedna li se jħobbna dejjem. U meta jkollna din il-ħbiberija maʼ Ġeħova, la l-provi, la dawk li jiħduha kontrina, u lanqas il-mewt mhuma se jifirduna minnu. (Dan. 12:13; Lq. 20:37, 38; Rum. 8:38, 39) Hu importanti li nimitaw lil Danjel u nibqgħu leali lejn Ġeħova!

KOMPLI TGĦALLEM MINN DANJEL

17-18. X’nistgħu nitgħallmu iktar minn Danjel?

17 F’dan l-artiklu ddiskutejna tnejn biss mill-kwalitajiet li kellu Danjel. Imma hemm ħafna iktar x’nitgħallmu minnu. Pereżempju, Ġeħova ta lil Danjel viżjonijiet u ħolm, u tah l-abbiltà li jfisser xi profeziji. Ħafna minn dawn il-profeziji diġà twettqu. Oħrajn fihom dettalji dwar il-futur li se jeffettwaw lil kull persuna fuq l-art.

18 Fl-artiklu li jmiss se neżaminaw żewġ profeziji li kiteb Danjel. Li nifhmuhom se jgħinna biex ilkoll kemm aħna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Dawn il-profeziji se jagħmluna wkoll iktar kuraġġużi u jsaħħu l-lealtà tagħna ħalli nkunu preparati għal dak li se jiġri dalwaqt.

GĦANJA 119 Irid ikollna l-fidi

a Ħafna qaddejja żgħażagħ taʼ Ġeħova jiffaċċjaw provi li jittestjaw il-kuraġġ u l-lealtà tagħhom. Tal-klassi tagħhom forsi jidħqu bihom għax jemmnu li Alla ħalaq kollox. Oħrajn forsi jwaqqgħuhom għaċ-ċajt għax jaqdu lil Alla u jobdu l-livelli tiegħu. Imma kif se naraw f’dan l-artiklu, dawk li jimitaw lill-profeta Danjel u jkunu kuraġġużi u leali waqt li jaqdu lil Ġeħova, qed jagħmlu l-aħjar ħaġa.

b Dawn kienu l-ismijiet li tawhom f’Babilonja.

c Jistaʼ jkun li kien hemm tliet raġunijiet għala Danjel ma kielx l-ikel li kienu jieklu l-Babiloniżi: (1) Il-laħam setaʼ kien t’annimali li skont il-Liġi ma setgħux jikluhom. (Dt. 14:7, 8) (2) Il-laħam forsi kien fih id-demm. (Lev. 17:10-12) (3) Huma spiss kienu joffru l-laħam lill-allat foloz tagħhom, imbagħad kienu jikluh bħala parti mill-qima.—Ara l-prinċipju f’​Levitiku 7:15 u fl-​1 Korintin 10:18, 21, 22.

e Biex issir tħobb iktar lil Ġeħova, tistaʼ tistudja l-ktieb Ersaq Qrib Lejn Ġeħova, li jgħinek titgħallem iktar dwar il-kwalitajiet u l-personalità tiegħu.