ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 34
GĦANJA 107 Il-mudell divin tal-imħabba
Kif l-Anzjani Juru Mħabba u Ħniena maʼ Dawk li Jidinbu
“Alla b’qalb tajba qed jipprova jgħinek tindem.” —RUM. 2:4.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif l-anzjani jippruvaw jgħinu lil dawk fil-kongregazzjoni li jagħmlu dnub serju.
1. X’jistaʼ jiġri wara li xi ħadd jagħmel dnub serju?
FL-ARTIKLU taʼ qabel dan rajna Pawlu x’qal lill-kongregazzjoni taʼ Korintu tagħmel meta ħu għamel dnub serju. Peress li r-raġel ma nidimx kellu jiġi mneħħi mill-kongregazzjoni. Imma bħalma turi l-iskrittura li hu bbażat fuqha dan l-artiklu, Alla jistaʼ jgħin lil xi ħadd biex jindem. (Rum. 2:4) Ġeħova kif juża lill-anzjani biex jgħin lil xi ħadd jindem?
2-3. Xi rridu nagħmlu jekk insiru nafu li ħu għamel dnub serju, u għala?
2 Qabel l-anzjani jkunu jistgħu jgħinu lil xi ħadd li jkun għamel dnub serju, iridu jkunu jafu x’ġara. Allura x’għandna nagħmlu jekk insiru nafu li ħu għamel dnub serju? a L-ewwel, irridu ninkuraġġixxu lill-ħu biex jistaqsi lill-anzjani għall-għajnuna.—Isa. 1:18; Atti 20:28; 1 Pt. 5:2.
3 Imma x’għandna nagħmlu jekk il-ħu ma jkunx irid jitkellem mal-anzjani? F’dak il-każ ikun hemm bżonn li mmorru nitkellmu aħna mal-anzjani biex dak il-ħu jirċievi l-għajnuna li jkollu bżonn. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nuru kemm inħobbuh għax nafu li l-anzjani jistgħu jgħinuh. Jekk dak il-ħu ma jiqafx jagħmel id-dnub, jispiċċa jitlef il-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. U jekk in-nies li ma jemmnux f’Ġeħova jsiru jafu x’inhu jagħmel, jistgħu jibdew jitkellmu ħażin kontra Ġeħova u n-nies tiegħu. Allura, avolja tkun diffiċli aħna mmorru nitkellmu mal-anzjani għax inħobbu lil Ġeħova u lil dak il-ħu.—Slm. 27:14.
KIF L-ANZJANI JGĦINU LIL DAWK LI JAGĦMLU DNUB SERJU
4. X’għandha tkun il-mira tal-anzjani meta jiltaqgħu maʼ xi ħadd li għamel dnub serju?
4 Meta xi ħadd fil-kongregazzjoni jagħmel dnub serju, il-ġemgħa tal-anzjani jagħżlu tliet anzjani biex jiffurmaw kumitat ħalli jiltaqgħu maʼ dak il-ħu. b Dawn l-anzjani jridu jkunu umli. Imma jridu jifhmu l-limitazzjonijiet tagħhom ukoll għax avolja se jipprovaw jgħinu lill-ħu li dineb, ma jistgħux jisforzawh jinbidel. (Dewt. 30:19) L-anzjani jafu li mhux kulħadd ħa jindem bħalma għamel ir-Re David. (2 Sam. 12:13) Xi aħwa li għamlu dnub serju jaf jiddeċiedu li ma jisimgħux mill-pariri taʼ Ġeħova. (Ġen. 4:6-8) Imma l-mira tal-anzjani trid tkun li jgħinu lil dak il-ħu jindem. L-anzjani xi jridu jżommu f’moħħhom meta jiltaqgħu maʼ ħu li għamel dnub serju?
5. L-anzjani kif għandhom jaġixxu meta jiltaqgħu maʼ dak li għamel dnub serju? (2 Timotju 2:24-26) (Ara l-istampa.)
5 L-anzjani jaraw lil dak li għamel dnub serju bħala nagħġa prezzjuża li ntilfet. (Luqa 15:4, 6) Allura, meta jiltaqgħu miegħu, ma jitkellmux iebes u juru qalb tajba. U huma ma jaħsbux li kulma għandhom jagħmlu hu li jistaqsu l-mistoqsijiet u jsiru jafu l-fatti. Minflok, huma juru l-kwalitajiet li jsemmi t-2 Timotju 2:24-26. (Aqra.) L-anzjani jibqgħu juru l-ħlewwa u jużaw it-tattika, għax huma jixtiequ jgħinuh ibiddel il-mod kif jaħsibha.
6. L-anzjani xi jridu jagħmlu biex jaħsbuha bħal Ġeħova? (Rumani 2:4)
6 L-anzjani għandhom jieħdu l-ħin biex jifhmu kif jaħsibha Ġeħova. Huma jiftakru x’qal Pawlu: “Alla b’qalb tajba qed jipprova jgħinek tindem.” (Aqra Rumani 2:4.) B’hekk l-anzjani jippruvaw jimitaw il-mod kif Ġeħova jittratta lil dawk li jagħmlu dnub serju. L-anzjani jridu jiftakru li huma ragħajja u jridu jimxu mad-direzzjoni taʼ Kristu f’kif jittrattaw lill-aħwa. (Isa. 11:3, 4; Mat. 18:18-20) Allura, qabel l-anzjani fil-kumitat jiltaqgħu mal-ħu li għamel dnub serju, huma jitolbu lil Ġeħova biex jgħinhom iwassluh għall-indiema. Huma jridu jagħmlu riċerka mill-Bibbja u fil-pubblikazzjonijiet tagħna. L-anzjani jitolbu lil Ġeħova biex jgħinhom jifhmu lill-ħu u s-sitwazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, iridu jaħsbu dwar il-background tiegħu, il-mod kif kien qed jaħsibha, u x’setaʼ wasslu biex jagħmel id-dnub.—Prov. 20:5.
7-8. L-anzjani kif jistgħu jimitaw il-paċenzja taʼ Ġeħova meta jiltaqgħu maʼ xi ħadd li għamel dnub serju?
7 L-anzjani jimitaw il-paċenzja taʼ Ġeħova. Huma jżommu f’moħħhom kif Ġeħova prova jgħin lil dawk li għamlu dnubiet serji fil-passat. Pereżempju, Ġeħova kien paċenzjuż maʼ Kajjin u prova jirraġuna miegħu dwar x’kien se jiġri jekk jagħmel dnub, u anke qallu li ħa jbierku jekk jobdi. (Ġen. 4:6, 7) Ġeħova uża lill-profeta Natan biex jagħti parir lil David. Natan qal eżempju lil David li għenu biex jindem. (2 Sam. 12:1-7) U Ġeħova ‘bagħat profeti’ lill-poplu taʼ Iżrael ħafna drabi biex jgħinhom jindmu. (Ġer. 7:24, 25) Hu ma qagħadx jistenna li n-nies tiegħu jindmu, u mbagħad jgħinhom. Ġeħova għenhom u inkuraġġiehom jindmu anke meta kienu għadhom qed jagħmlu d-dnubiet.
8 L-anzjani jimitaw l-eżempju taʼ Ġeħova meta jipprovaw jgħinu lil dawk li għamlu dnub serju. Huma juru “ħafna paċenzja” bħalma juri t-2 Timotju 4:2. Allura, anzjan dejjem għandu jibqaʼ kalm u paċenzjuż biex jgħin lill-ħu li għamel dnub serju jkun irid jinbidel. Jekk anzjan jirrabja jew iħossu rritat, il-ħu jaf ma jkunx irid jagħti kas il-parir jew jindem.
9-10. L-anzjani kif jistgħu jgħinu lill-ħu jifhem kif id-deċiżjonijiet li ħa wassluh biex jidneb?
9 L-anzjani jippruvaw jifhmu x’wassal lill-ħu biex jagħmel id-dnub. Meta l-anzjani jkunu qed jippreparaw biex jiltaqgħu mal-ħu li għamel dnub, huma jaħsbu dwar mistoqsijiet li jistgħu jsaqsu. Pereżempju, il-ħu għala ma baqax b’saħħtu spiritwalment? Hu kien qed jagħmel l-istudju personali u joħroġ service b’mod regolari? Kien qed jitlob b’mod regolari lil Ġeħova? Kien qed jipprova ma jċedix għax-xewqat ħżiena? Maʼ min kien qed iqattaʼ l-ħin, u x’divertiment kien qed jagħżel? Id-deċiżjonijiet li ħa kif effettwaw il-mod kif jaħseb u x-xewqat tiegħu? Hu fehem kif iħossu Missieru Ġeħova dwar dak li għamel?
10 Billi jistaqsu mistoqsijiet li jgħinu lill-ħu jaħseb, l-anzjani jistgħu jgħinuh jifhem għala l-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova ma baqgħetx b’saħħitha u x’ġiegħlu jagħmel id-dnub. Però, jagħmlu dan b’qalb tajba u ma jistaqsux dwar dettalji li m’għandhomx għalfejn ikunu jafu. (Prov. 20:5) Huma jistgħu jużaw ukoll eżempji biex jgħinuh jaħseb u jinduna għala dak li għamel kien ħażin, eżatt bħalma għamel Natan maʼ David. Jistaʼ jkun li matul l-ewwel laqgħa l-ħu jibda jħossu ddispjaċut u mdejjaq dwar x’għamel u b’hekk jindem.
11. Ġesù kif aġixxa maʼ dawk li għamlu dnub serju?
11 L-anzjani jaħdmu iebes biex jimitaw lil Ġesù. Pereżempju, meta Ġesù kien qed jgħin lil Sawl taʼ Tarsu, hu staqsieh: “Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?” B’hekk, Ġesù ġiegħlu jaħseb u jifhem li dak li kien qed jagħmel kien ħażin. (Atti 9:3-6) U fil-każ taʼ “dik il-mara li hi bħal Ġeżabel,” Ġesù qal: “Jien tajtha żmien biex tindem.”—Riv. 2:20, 21.
12-13. L-anzjani kif jistgħu jagħtu iktar żmien lil dak li dineb biex jindem? (Ara l-istampa.)
12 Bħal Ġesù, l-anzjani ma jgħaġġlux biex jiddeċiedu li l-ħu ma jridx ibiddel il-mod kif jaħsibha u jrid jibqaʼ jagħmel id-dnub. Xi wħud jaf jindmu mal-ewwel darba li l-anzjani jiltaqgħu magħhom, imma oħrajn le. Allura l-anzjani jistgħu jirranġaw biex jiltaqgħu miegħu iktar minn darba. Jistaʼ jkun li wara l-ewwel laqgħa, il-ħu jibda jaħseb bis-serjetà dwar x’qalulu l-anzjani u jkun umli u jitlob lil Ġeħova biex jaħfirlu. (Slm. 32:5; 38:18) Allura, fil-laqgħa taʼ wara forsi jkollu attitudni differenti minn dik li kellu l-ewwel darba li ltaqaʼ mal-anzjani.
13 Biex jgħinu lill-ħu jindem, l-anzjani għandhom jippruvaw jifhmuh u juru qalb tajba miegħu. Huma jitolbu lil Ġeħova biex ibierek l-isforzi tagħhom u biex il-ħu jiġi f’sensih u jindem.—2 Tim. 2:25, 26.
14. Min hu li verament jgħin lill-ħu jindem, u għala ngħidu hekk?
14 Jekk dak li għamel dnub serju jindem, aħna nkunu ferħanin ħafna! (Luqa 15:7, 10) Għalkemm l-anzjani jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jgħinu lil xi ħadd, min hu li verament jgħin lill-ħu jindem? Ftakar x’qal Pawlu. Hu qal: “Forsi Alla jħallihom jindmu.” (2 Tim. 2:25) It-tifħir għall-bidla fil-mod kif jaħseb u jaġixxi xi ħadd li jkun qed jagħmel dnub għandu jmur lejn Ġeħova. Għaliex ngħidu hekk? Għax Ġeħova hu l-wieħed li jgħin lil Kristjan li jkun qed jidneb jagħmel din il-bidla importanti. Pawlu jsemmi wkoll xi affarijiet sbieħ li jiġru meta xi ħadd jindem. Dan iwassal biex dak li jkun jifhem aħjar il-verità, jgħinu jiġi f’sensih, u jgħinu jaħrab min-nases tax-Xitan.—2 Tim. 2:26.
15. Il-kumitat x’jagħmel biex jibqaʼ jgħin lill-ħu li nidem?
15 Meta ħu jindem, il-kumitat jirranġa biex minn żmien għall-ieħor imorru jinkuraġġuh. L-anzjani li jmorru jinkuraġġuh jistgħu jkunu mill-kumitat jew mill-ġemgħa tal-anzjani. Dan se jgħin lill-ħu biex iżomm fidi b’saħħitha, ma jaqax fit-tentazzjonijiet, u jibqaʼ jagħmel dak li hu tajjeb. (Lhud 12:12, 13) Ovvjament, l-anzjani ma jagħtux dettalji lil oħrajn dwar xi jkun għamel il-ħu. Imma l-kongregazzjoni x’jistaʼ jkollha bżonn tkun taf?
“IKKOREĠI QUDDIEM KULĦADD”
16. Skont l-1 Timotju 5:20, Pawlu x’ried ifisser meta qal “kulħadd”?
16 Aqra l-1 Timotju 5:20. Pawlu qal lill-anzjan sieħbu Timotju biex jikkoreġi quddiem kulħadd lil “dawk li jagħmlu d-dnub.” Però x’ried ifisser meta qal “kulħadd”? Pawlu ma kienx qed jgħid li bilfors kellu jikkoreġi lill-ħu li dineb quddiem il-kongregazzjoni kollha. Minflok, hu kien qed jgħid għal dawk il-ftit aħwa li forsi saru jafu bid-dnub. Jistaʼ jkun li dawn kienu xi aħwa li raw lill-ħu jagħmel id-dnub jew il-ħu mar u fetaħ qalbu magħhom. F’dak il-każ, l-anzjani għandhom jgħidu lil dawn l-uħud biss li l-ħu ġie kkoreġut.
17. Jekk ħafna aħwa jafu jew jistaʼ jkun se jsiru jafu li sar dnub serju, x’avviż ikollu jsir, u għala?
17 F’ċerti każijiet, ħafna aħwa fil-kongregazzjoni jkunu jafu li ħu għamel dnub serju jew ikunu se jsiru jafu iktar ’il quddiem. F’dan il-każ, il-kelma “kulħadd” tkun tfisser il-kongregazzjoni kollha. Allura jkollu jsir avviż minn anzjan li l-ħu jew l-oħt ġiet ikkoreġuta. Għala? Pawlu qal: “Bħala twissija għall-kumplament” biex ma jagħmlux dnub serju.
18. Jekk xi ħadd mgħammed li għandu inqas minn 18-il sena jagħmel dnub serju, l-anzjani x’għandhom jagħmlu? (Ara l-istampa.)
18 L-anzjani x’għandhom jagħmlu jekk tfal mgħammdin taħt it-18-il sena jagħmlu dnub serju? Il-ġemgħa tal-anzjani jridu jirranġaw biex żewġ anzjani jiltaqgħu magħhom u mal-ġenituri Kristjani tagħhom. c L-anzjani għandhom jippruvaw isiru jafu x’għamlu l-ġenituri biex jgħinu lit-tifel jew lit-tifla tindem. Jekk it-tifel jew it-tifla jkollha attitudni tajba billi tismaʼ mill-parir tal-ġenituri u tkun qed tipprova tinbidel, iż-żewġ anzjani jistgħu jiddeċiedu li jħallu f’idejn il-ġenituri. Wara kollox, ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb lit-tfal, Ġeħova taha lill-ġenituri. (Dewt. 6:6, 7; Prov. 6:20; 22:6; Efes. 6:2-4) Imma minn żmien għall-ieħor, l-anzjani xorta se jiċċekkjaw mal-ġenituri biex jaraw kif sejjer it-tifel jew it-tifla. Però l-anzjani x’għandhom jagħmlu jekk it-tifel jew it-tifla li hi mgħammda ma tkunx trid tieqaf tagħmel il-ħażin? F’dan il-każ, kumitat taʼ tliet anzjani jiltaqgħu miegħu u mal-ġenituri tiegħu.
“ĠEĦOVA JĦOBB ĦAFNA U ĦANIN”
19. L-anzjani kif jippruvaw jimitaw lil Ġeħova meta jiltaqgħu maʼ xi ħadd li għamel dnub serju?
19 L-anzjani għandhom ir-responsabbiltà mingħand Ġeħova li jżommu l-kongregazzjoni nadifa. (1 Kor. 5:7) Però huma jixtiequ wkoll li jgħinu lill-ħu li għamel dnub serju jindem, jekk ikun possibbli. U meta jkunu qed jgħinuh ma jaqtgħux qalbhom. Għala? Għax huma jridu jimitaw lil Ġeħova li “jħobb ħafna u ħanin.” (Ġak. 5:11) L-appostlu Ġwanni wkoll tratta lil ħutu bi mħabba. Hu kiteb: “Għeżież tfal tiegħi, qed niktbilkom dawn l-affarijiet ħalli ma tagħmlux dnub. Imma jekk xi ħadd jagħmel dnub, għandna xi ħadd ġust mal-Missier li se jgħinna. Dan hu Ġesù Kristu.”—1 Ġw. 2:1.
20. X’se nwieġbu fl-artiklu li jmiss?
20 B’dispjaċir, ġieli jiġri li Kristjan ma jkunx irid jindem. Meta jiġri hekk, ikollu jitneħħa mill-kongregazzjoni. Allura l-anzjani x’jagħmlu? Fl-aħħar artiklu taʼ din is-serje, se nwieġbu din il-mistoqsija.
GĦANJA 103 Ir-ragħajja—Irġiel bħala għotjiet
a Għalkemm qed nitkellmu dwar ħu li għamel dnub serju, il-punti li jissemmew f’dan l-artiklu u taʼ warajh japplikaw ukoll għal oħt li tagħmel dnub serju.
b Fil-passat, dawn il-gruppi konna ngħidulhom kumitati ġudizzjali. Imma peress li x-xogħol tagħhom jinvolvi iktar milli jiġġudikaw, m’aħniex se nibqgħu nirreferu għalihom b’dan il-mod. Minflok, se nibdew nirreferu għalihom bħala kumitat taʼ anzjani.
c Dak li ntqal għall-ġenituri japplika wkoll għal-legal guardians jew oħrajn li jkollhom ir-responsabbiltà taʼ ġenitur għal tfal taħt it-18-il sena.