Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 31

GĦANJA 12 Kbir Alla Ġeħova

X’Għamel Ġeħova Biex Isalvana mid-Dnub u l-Mewt

X’Għamel Ġeħova Biex Isalvana mid-Dnub u l-Mewt

“Alla tant ħabb lid-dinja li ta lili, l-uniku Iben tiegħu.”ĠW. 3:16.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se nitgħallmu x’għamel Ġeħova biex jgħinna niġġieldu kontra d-dnub u biex naqduh. Se naraw ukoll kif għamilha possibbli li ngħixu għal dejjem u ma nibqgħux nidinbu minħabba l-imperfezzjoni li writna.

1-2. (a) Id-dnub x’inhu, u kif nistgħu nirbħulu? (Ara wkoll “Espressjoni Spjegata.”) (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu u fl-artikli li ġejjin f’din ir-rivista taʼ It-Torri tal-Għassa? (Ara wkoll “Nota lill-Qarrejja” f’din il-ħarġa.)

 ĠEĦOVA kemm iħobbok? Tistaʼ ssir taf billi tistudja x’għamel biex isalvak mid-dnub u l-mewt. Id-dnub a hu bħal għadu b’saħħtu u ma tistax tirbaħlu waħdek. Taʼ kuljum, aħna nagħmlu ħafna dnubiet, u peress li aħna imperfetti, immutu. (Rum. 5:12) Imma għandna tama. Ġeħova jwegħedna li żgur se jsalvana mid-dnub u l-mewt!

2 Ġeħova ilu jgħin lin-nies għal madwar 6,000 sena biex ikunu l-ħbieb tiegħu, avolja jidinbu. Hu jagħmel hekk minħabba li jħobbna. Ġeħova ilu jħobb lin-nies minn meta ħalaqhom u minħabba f’hekk għamel ħafna affarijiet biex jgħinna meta nidinbu. Alla jaf li d-dnub iwassal biex immutu u hu ma jixtieqx li aħna mmutu. (Rum. 6:23) Hu jixtieq li int tgħix għal dejjem. F’dan l-artiklu se nwieġbu tliet mistoqsijiet: (1) Ġeħova x’tama tahom lin-nies imperfetti? (2) In-nies imperfetti taʼ żmien il-Bibbja x’għamlu biex iferrħu lil Ġeħova? (3) Ġesù x’għamel biex isalva lin-nies mid-dnub u l-mewt?

ĠEĦOVA X’TAMA TAHOM LIN-NIES IMPERFETTI?

3. X’għamlu Adam u Eva fil-ġnien tal-Għeden?

3 Meta Ġeħova ħalaq l-ewwel raġel u mara, riedhom ikunu ferħanin. Hu tahom post sabiħ fejn jgħixu, ir-rigal taż-żwieġ, u xogħol sabiħ. Huma kellhom jimlew l-art bin-nies u jagħmlu d-dinja kollha bħall-ġnien tal-Għeden. Ġeħova tahom kmand wieħed biss. Hu qalilhom li jekk ma jobduhx kienu se jmutu. Aħna nafu x’ġara. Anġlu kattiv, li ma kienx iħobb lil Alla u lin-nies, ħajjarhom biex jirribellaw kontra Alla, u huma ċedew għal dik it-tentazzjoni. Minħabba f’hekk, huma għamlu d-dnub għax ma fdawx f’Ġeħova, li kien wera li jħobbhom ħafna. B’hekk, dak li qal Ġeħova ġara, għax minn dakinhar huma bdew jixjieħu u maż-żmien mietu.—Ġen. 1:​28, 29; 2:​8, 9, 16-18; 3:​1-6, 17-19, 24; 5:5.

4. Ġeħova għala jobogħdu d-dnub u jgħinna biex naqduh? (Rumani 8:​20, 21)

4 Ġeħova kiteb dan ir-rakkont fil-Bibbja biex aħna nitgħallmu xi ħaġa importanti. Dan ir-rakkont jgħinna nifhmu għala hu jobgħod id-dnub. Id-dnub itellifna milli jkollna ħbiberija maʼ Ġeħova, u minħabba fih immutu. (Isa. 59:2) Satana jobgħod lil Ġeħova u lin-nies, u minħabba f’hekk għadu jipprova jħajjar lin-nies biex jidinbu sal-lum. Allura, meta Adam u Eva dinbu, Satana forsi ħaseb li kien irnexxielu jtellef l-iskop taʼ Ġeħova. Imma hu ma kienx jaf kemm Ġeħova jħobbhom lin-nies. Alla qatt ma biddel l-iskop tiegħu għat-tfal taʼ Adam u Eva, u allura mill-ewwel tahom tama. (Aqra Rumani 8:​20, 21.) Ġeħova kien jaf li kien se jkun hemm xi nies li jħobbuh u jridu jaqduh. U allura, hu għamilha possibbli għalihom biex isiru l-ħbieb tiegħu u jsalvaw mid-dnub u l-mewt. Ġeħova x’għamel?

5. Ġeħova meta beda jagħti tama lin-nies imperfetti, u x’kienet turi l-profezija f’​Ġenesi 3:15?

5 Aqra Ġenesi 3:15. Ġeħova mal-ewwel beda jagħti tama lill-bnedmin u qal x’kien se jiġrilu Satana. Alla qal li kien se jkun hemm “dixxendent” li se jsalva lin-nies. Maż-żmien, dan id-dixxendent kien se jeqred lil Satana u jirranġa l-problemi kollha. (1 Ġw. 3:8) Imma qabel, hu kellu jbati ħafna għax Satana kien se jweġġgħu billi jġiegħel li jmut. Dan kien se jweġġgħu ħafna lil Ġeħova. Imma Alla kien lest li jgħaddi minn dan l-uġigħ għax kienu se jiġu salvati ħafna nies mid-dnub u l-mewt.

IN-NIES IMPERFETTI TAʼ ŻMIEN IL-BIBBJA X’GĦAMLU BIEX IFERRĦU LIL ĠEĦOVA?

6. Nies li kellhom fidi, bħal Abel u Noè, x’għamlu biex jersqu eqreb taʼ Ġeħova?

6 Matul is-snin taʼ wara, Ġeħova għamilha iktar ċara kif in-nies jistgħu jersqu eqreb tiegħu. Abel, it-tieni tifel taʼ Adam u Eva, kien l-ewwel bniedem li poġġa fidi f’Ġeħova wara dak li ġara fil-ġnien tal-Għeden. Peress li hu kien iħobb lil Ġeħova, ried iferrħu, u ried jersaq eqreb tiegħu, hu offrielu sagrifiċċju. Abel kien ragħaj u allura offra xi ħrief bħala sagrifiċċju lil Ġeħova. Ġeħova x’għamel? Hu “ħares b’approvazzjoni lejn Abel u l-offerta tiegħu.” (Ġen. 4:4) Ġeħova ħa pjaċir b’sagrifiċċji taʼ nies oħra li kienu jħobbuh u jafdawh, bħal Noè. (Ġen. 8:​20, 21) Billi aċċetta dawn is-sagrifiċċji, Ġeħova wera li n-nies avolja jidinbu jistgħu jferrħuh u jersqu qrib tiegħu. b

7. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li Abraham kien lest li jagħmel?

7 Abraham kellu fidi b’saħħitha f’Ġeħova. Ġeħova staqsieh biex jagħmel xi ħaġa diffiċli ħafna, biex joffri lit-tifel tiegħu bħala sagrifiċċju. Din żgur li kienet l-iktar ħaġa taʼ wġigħ li Abraham qatt setaʼ jagħmel. Imma hu xorta obda. Però eżatt qabel ma kien se joqtol lit-tifel, Ġeħova waqqfu. Dan jgħallimna xi ħaġa importanti ħafna dwar x’kien se jagħmel fil-futur. Ġeħova tant iħobb lin-nies li kien lest joffri lil Ibnu bħala sagrifiċċju.—Ġen. 22:​1-18.

8. X’nitgħallmu mill-ħafna sagrifiċċji li l-Iżraelin kellhom jagħmlu? (Levitiku 4:​27-29; 17:11)

8 Meta Ġeħova ta l-Liġi lill-Iżraelin, hu qalilhom li biex jinħafrulhom dnubiethom kellhom joffru sagrifiċċji tal-annimali. (Aqra Levitiku 4:​27-29; 17:11.) Dawn is-sagrifiċċji wrew x’kien se jagħmel Ġeħova fil-futur, jiġifieri li kien se jipprovdi sagrifiċċju li kien se jsalva lin-nies mid-dnub. Il-profeti kitbu dwar id-dixxendent li tkellem dwaru Ġeħova, jiġifieri Ibnu stess, u spjegaw li kien se jbati u jmut għalina. Hu kien se jkun qisu nagħġa bħala sagrifiċċju. (Isa. 53:​1-12) Aħseb ftit: Ġeħova wiegħed li hu kien se joffri lil Ibnu stess biex jaħfer id-dnubiet u jsalva lin-nies mill-mewt. Din hi xi ħaġa tal-għaġeb u hu għamel dan is-sagrifiċċju għalik ukoll!

ĠESÙ X’GĦAMEL BIEX ISALVA LIN-NIES MID-DNUB?

9. Ġwanni l-Għammied x’qal dwar Ġesù? (Lhud 9:22; 10:​1-4, 12)

9 Fis-sena 29 wara Kristu (WK), Ġwanni l-Għammied ra lil Ġesù u qal: “Hawn hu l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja!” (Ġw. 1:29) Dan il-kliem wera li Ġesù kien id-dixxendent li Alla kien wiegħed. Ġesù kien se jissagrifika ħajtu għan-nies. Fl-aħħar, id-dixxendent kien wasal biex isalva lin-nies mid-dnub u l-mewt.—Aqra Lhud 9:22; 10:​1-4, 12.

10. Ġesù kif wera li ġie biex jgħin lill-midinbin?

10 Ġesù ffoka fuq li jgħin lin-nies li kienu jħossuhom ħażin minħabba li jidinbu u stidinhom biex isiru dixxipli tiegħu. Hu kien jaf li r-raġuni għala n-nies ibatu kienet minħabba d-dnub. Minħabba f’hekk għen speċjalment nies li kienu qed ibatu minħabba dnubiet li kienu għamlu. Billi ġab eżempju, hu qal: “Dawk li huma f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma dawk li huma morda iva.” Imbagħad qal: “Ma ġejtx biex ngħin lin-nies tajbin jindmu, imma lill-midinbin.” (Mat. 9:​12, 13) Dan kien eżatt dak li għamel Ġesù. Pereżempju, meta waħda mara ħaslitlu saqajh bid-dmugħ tagħha, hu tkellem bil-ħlewwa magħha u ħafrilha d-dnubiet tagħha. (Luqa 7:​37-50) Hu għallem affarijiet importanti lill-mara Samaritana, avolja kien jaf li kienet qed tgħix maʼ raġel u ma kinux miżżewġin. (Ġw. 4:​7, 17-19, 25, 26) Ġesù kien jaf li n-nies imutu minħabba li jidinbu. Għalhekk Ġeħova ta s-saħħa lil Ġesù biex jirxoxta lill-irġiel, nisa, u tfal li kienu mietu.—Mat. 11:5.

11. In-nies midinbin għala kienu jħossuhom komdi maʼ Ġesù?

11 Aħna nistgħu nifhmu għala nies li kienu qed jagħmlu dnubiet serji ħassewhom komdi maʼ Ġesù. Hu kien qalbu tajba magħhom u kien jifhem kif kienu qed iħossuhom. U huma xtaqu jkunu miegħu u ma kinux jiddejqu jitkellmu miegħu. (Luqa 15:​1, 2) Ġesù faħħar nies bħal dawn talli kellhom fidi fih u kompla juri qalb tajba magħhom. (Luqa 19:​1-10) B’hekk, hu wera kemm Missieru Ġeħova hu ħanin. (Ġw. 14:9) Mill-mod kif tkellem u tratta lin-nies nitgħallmu li Ġeħova jħobb lin-nies avolja jkunu midinbin, u jixtieq jgħinhom għax hu mimli ħniena. Ġesù għen lil nies bħal dawn biex ikollhom ix-xewqa ħalli jinbidlu u jsiru dixxipli tiegħu.—Luqa 5:​27, 28.

12. Ġesù x’għallem dwar il-mewt tiegħu stess?

12 Ġesù kien jaf li kien se jissagrifika ħajtu għax iktar minn darba hu qal lid-dixxipli tiegħu li kien se jiġi tradut u mdendel maʼ zokk. (Mat. 17:22; 20:​18, 19) Hu kien jaf li dak is-sagrifiċċju kien se jneħħi d-dnub tad-dinja bħalma kienu qalu l-profeti u Ġwanni. Ġesù qal ukoll li wara li jmut kien se ‘jiġbed lejh lil kull tip taʼ nies.’ (Ġw. 12:32) Dawk li kienu se juru fidi f’Ġesù u jobdu dak li qalilhom setgħu jferrħu lil Ġeħova, u b’hekk setgħu ‘jinħelsu mid-dnub.’ (Rum. 6:​14, 18, 22; Ġw. 8:32) Allura, Ġesù kien kuraġġuż u kien lest li jmut mewta taʼ wġigħ biex isalvana.—Ġw. 10:​17, 18.

13. Ġesù kif miet, u l-mewt tiegħu x’tgħallimna dwar Alla Ġeħova? (Ara l-istampa.)

13 Ġesù ġie tradut minn wieħed mill-ħbieb tiegħu. Imbagħad, l-għedewwa tiegħu arrestawh, għajruh, u akkużawh b’affarijiet li ma kinux vera. Imbagħad iddeċidew li joqtluh u ttorturawh. Fl-aħħar, is-suldati dendluh maʼ zokk biex joqtluh. Ġesù baqaʼ leali minkejja dak l-uġigħ kbir li kien qed iħoss. Imma Missieru Ġeħova bata ħafna iktar meta ra lil Ibnu jmut. Hu kellu l-qawwa u l-kapaċità li jwaqqaf dik it-tbatija kollha minn fuq Ġesù. Imma m’għamilx hekk. La Ġeħova kien iħobb lil Ibnu, għala m’għamel xejn? Għax iħobbna. Fil-fatt, Ġesù qal: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta lili, l-uniku Iben tiegħu, biex kull min juri fidi fija ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġw. 3:16.

Ġeħova bata wġigħ li ma nistgħux nimmaġinaw meta ħalla lil Ibnu jiġi maqtul biex aħna ninħelsu mid-dnub u l-mewt (Ara paragrafu 13)


14. X’titgħallem mis-sagrifiċċju taʼ Ġesù?

14 Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù hu l-ikbar prova taʼ kemm Ġeħova jħobb lit-tfal taʼ Adam u Eva. Dan juri kemm Ġeħova jħobb lilek. Hu kien lest li jissagrifika lil Ibnu stess u jħoss uġigħ kbir li lanqas biss tistaʼ timmaġina biex isalvak mid-dnub u l-mewt. (1 Ġw. 4:​9, 10) Ġeħova jixtieq jgħin lil kull wieħed u waħda minna biex naqduh, avolja nidinbu, u jrid li fil-futur ineħħi d-dnub kompletament!

15. Xi rridu nagħmlu biex Ġeħova jaħfrilna?

15 Ir-rigal li tana Ġeħova, jiġifieri s-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù, jagħmilha possibbli biex jinħafrulna d-dnubiet. Imma xi rridu nagħmlu biex Ġeħova jaħfrilna? Ġwanni l-Għammied u Ġesù Kristu tawna r-risposta meta qalu: “Indmu, għax is-Saltna t’Alla hi qrib.” (Mat. 3:​1, 2; 4:17) Mela jekk irridu nkunu ħbieb taʼ Ġeħova u jaħfrilna dnubietna, irridu nindmu. Xi jfisser li tindem, u jekk nagħmlu hekk kif inferrħu lil Ġeħova avolja nidinbu? Fl-artiklu għall-istudju li jmiss se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet.

GĦANJA 18 Grati għall-fidwa

a ESPRESSJONI SPJEGATA: Fil-Bibbja, il-kelma “dnub” tistaʼ tirreferi għal meta xi ħadd jagħmel dak li hu ħażin, jew ma jagħmilx dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb. Imma l-kelma “dnub” tistaʼ tirreferi wkoll għall-imperfezzjoni li n-nies ħadu minn Adam. Minħabba dan id-dnub, aħna kollha mmutu.

b Ġeħova aċċetta s-sagrifiċċji taʼ dawk in-nies leali għax kien jaf li fil-futur Ġesù Kristu kien se jissagrifika ħajtu u jsalva lin-nies għal dejjem mid-dnub u l-mewt.—Rum. 3:25.