Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 52

Għin lil Oħrajn Jissaportu Matul Żmien Diffiċli

Għin lil Oħrajn Jissaportu Matul Żmien Diffiċli

“Iżżommx lura milli tagħmel il-ġid lil min hu dovut [jew min hu fil-bżonn], meta f’idejk ikollok il-qawwa li tagħmlu.”—PROV. 3:27.

GĦANJA 103 Ir-ragħajja—Irġiel bħala għotjiet

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Spiss, Ġeħova kif iwieġeb it-talb tal-qaddejja tiegħu?

 KONT taf li Ġeħova jistaʼ juża lilek biex iwieġeb it-talb taʼ xi ħadd ieħor? Int tistaʼ tgħin sew jekk int anzjan, qaddej ministerjali, pijunier, jew pubblikatur fil-kongregazzjoni. Tistaʼ tgħin kemm jekk int kbir jew żgħir fl-età, u kemm jekk int ħu jew oħt. Meta qaddej taʼ Ġeħova jitolbu għall-għajnuna, Hu spiss juża lill-anzjani u aħwa oħra biex isiru ‘għajnuna li ssaħħaħ.’ (Kol. 4:11) Aħna ferħanin ħafna li nistgħu naqdu lil Ġeħova u lill-aħwa b’dan il-mod! Aħna nistgħu ngħinu u ninkuraġġixxu lill-aħwa meta tfaqqaʼ xi pandemija, iseħħ xi diżastru, jew ikunu qed jiffaċċjaw il-persekuzzjoni.

GĦIN LILL-AĦWA MATUL PANDEMIJA

2. Matul pandemija, għala jistaʼ jkun diffiċli biex ngħinu lill-aħwa?

2 Matul pandemija jistaʼ jkun diffiċli biex ngħinu lil xulxin. Pereżempju, forsi nkunu nixtiequ mmorru naraw xi ħu jew oħt imma ma nkunux nistgħu għax ikun taʼ periklu. Forsi nkunu nixtiequ nistiednu lil xi ħadd li ma tantx għandu flus biex jiekol magħna, imma ma nkunux nistgħu lanqas. Jew forsi nkunu rridu ngħinu lil oħrajn imma jkun diffiċli għalina jekk xi ħadd fil-familja jkun marid jew ikollna problemi taʼ flus. Imma aħna xorta nkunu rridu ngħinu lill-aħwa, u Ġeħova jkun ferħan bina meta nagħmlu dak li nistgħu għalihom. (Prov. 3:27; 19:17) X’nistgħu nagħmlu?

3. X’nitgħallmu mill-anzjani tal-kongregazzjoni taʼ Desi? (Ġeremija 23:4)

3 Dak li jistgħu jagħmlu l-anzjani. Jekk int anzjan, bħala ragħaj għandek issir taf sew lill-aħwa. (Aqra Ġeremija 23:4.) Desi, li semmejna fl-artiklu taʼ qabel, tgħid: “L-anzjani tal-grupp tiegħi jaħdmu miegħi u mal-aħwa fil-ministeru, u jiġu anki meta nagħmlu affarijiet oħra flimkien.” b B’hekk, kien iktar faċli għal dawn l-anzjani biex jgħinu lil Desi meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 u tilfet lil xi wħud minn tal-familja.

4. L-anzjani għala setgħu jgħinu lil Desi, u x’nitgħallmu minnhom?

4 Desi tgħid: “Minħabba li kont naf lill-anzjani sew, kien faċli għalija biex ngħidilhom kif kont qed inħossni u x’kien qed jinkwetani.” L-anzjani x’jitgħallmu minn dan? Ħu ħsieb lill-aħwa qabel tinqalaʼ sitwazzjoni diffiċli. Sir ħabib tagħhom. Jekk tinqalaʼ xi pandemija u ma tkunx tistaʼ tiltaqaʼ mal-aħwa b’mod persunali, ikkuntattjahom b’modi oħra. Desi tgħid: “Kien hemm ġranet fejn anzjani differenti ċempluli jew bagħtuli xi messaġġ. Il-versi li qasmu miegħi inkuraġġewni avolja kont diġà nafhom.”

5. L-anzjani kif jistgħu jkunu jafu x’għandhom bżonn l-aħwa, u kif jistgħu jgħinuhom?

5 Mod wieħed kif tistaʼ tgħin lill-aħwa hu billi ssaqsihom xi mistoqsijiet imma ma ġġegħelhomx jistħu. (Prov. 20:5) Pereżempju, għandhom biżżejjed ikel, mediċina, u affarijiet oħrajn? Jistaʼ jkun li jistgħu jitilfu x-xogħol tagħhom jew m’għandhomx biżżejjed flus biex iħallsu l-kera? Għandhom bżonn l-għajnuna tiegħek biex ikunu jistgħu jirċievu l-għajnuna mill-gvern? Desi rċiviet affarijiet materjali mingħand l-aħwa. Imma l-iktar ħaġa li għenitha kienet l-imħabba tal-anzjani u l-inkuraġġiment li tawha mill-Bibbja. Hi tgħid: “L-anzjani talbu miegħi. Għalkemm ma niftakarx eżatt dak li qalu, niftakar sew kif ħassejtni. Kien qisu Ġeħova kien qed jgħidli, ‘M’intix waħdek.’”—Is. 41:10, 13.

Il-ħu li qed jikkonduċi hu ferħan bil-kummenti inkuraġġanti tal-aħwa fil-laqgħa, u bil-ħu li għandu jieħu sehem permezz tal-videoconference għax ma jiflaħx (Ara paragrafu 6)

6. X’jistgħu jagħmlu l-aħwa fil-kongregazzjoni biex jgħinu? (Ara l-istampa.)

6 Dak li jistgħu jagħmlu oħrajn. Aħna nistennew li l-anzjani jieħdu ħsieb l-aħwa tal-kongregazzjoni. Imma Ġeħova jrid li lkoll kemm aħna ninkuraġġixxu u ngħinu lil oħrajn. (Gal. 6:10) Anki jekk nagħmlu xi ħaġa żgħira biex ngħinu lil xi ħadd marid, tistaʼ tinkuraġġih ħafna. It-tfal jistgħu jibagħtu kard jew ipinġu xi stampa biex jinkuraġġixxu lil xi ħu. Iż-żgħażagħ jistgħu jmorru jixtru jew jagħmlu affarijiet oħra lil xi oħt. Oħrajn fil-kongregazzjoni forsi jistgħu jagħmlu xi ħaġa tal-ikel lil xi ħadd marid u jiħduhielu d-dar tiegħu. Bla dubju, matul pandemija, l-aħwa kollha fil-kongregazzjoni jkollhom bżonn l-inkuraġġiment. Forsi meta tispiċċa l-laqgħa nistgħu ndumu iktar nitkellmu mal-aħwa, sew jekk immorru fis-Sala u sew jekk permezz tal-videoconference. U anki l-anzjani għandhom bżonn l-inkuraġġiment. Xi aħwa rringrazzjaw lill-anzjani permezz taʼ kard, għax matul pandemija spiss huma jkollhom ħafna iktar x’jagħmlu. Hu importanti li nagħmlu l-parti tagħna biex ‘ninkuraġġixxu lil xulxin u nibnu lil xulxin’!—1 Tess. 5:11.

GĦIN LILL-AĦWA LI ESPERJENZAW XI DIŻASTRU NATURALI

7. Xi sfidi jistgħu jinqalgħu wara diżastru naturali?

7 Diżastru naturali jistaʼ jġib ħafna sfidi lil persuna f’daqqa waħda. Xi nies jistgħu jitilfu d-dar tagħhom, l-affarijiet li jkollhom, u anki wħud li jħobbu. Dawn l-affarijiet koroh jiġru wkoll lill-aħwa. Aħna x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu?

8. X’jistgħu jagħmlu l-anzjani u l-kapijiet tal-familja qabel jinqalaʼ xi diżastru?

8 Dak li jistgħu jagħmlu l-anzjani. Anzjani, għinu lill-aħwa jkunu preparati qabel jinqalaʼ xi diżastru. Kun ċert li l-aħwa fil-kongregazzjoni jkunu jafu x’għandhom jagħmlu biex jibqgħu protetti u jikkuntattjaw lill-anzjani. Margaret, li semmejna fl-artiklu taʼ qabel tgħid: “L-anzjani għamlu bżonnijiet lokali u qalulna li jistaʼ jerġaʼ jkun hemm in-nirien. Qalulna li jekk l-awtoritajiet jgħidulna biex nitilqu mid-djar tagħna jew jekk is-sitwazzjoni ssir perikoluża, nitilqu mill-ewwel.” L-anzjani taw l-informazzjoni eżatt fil-ħin, għax ħames ġimgħat wara kien hemm ħafna nirien. Matul il-qima bħala familja, il-kapijiet tal-familja għandhom jiddiskutu x’jistaʼ jagħmel kull membru tal-familja. Jekk int u t-tfal tiegħek tkunu preparati, x’aktarx li jekk jinqalaʼ xi diżastru se tibqgħu kalmi.

9. L-anzjani x’jistgħu jagħmlu qabel u wara li jinqalaʼ xi diżastru?

9 Jekk int anzjan u għandek grupp, kun ċert li għandek in-numru u l-indirizz tal-aħwa fil-grupp tiegħek, u agħmel dan qabel jinqalaʼ xi diżastru. Agħmel lista, u minn żmien għal żmien iċċekkja li għandek id-dettalji tajbin. Imbagħad jekk jinqalaʼ xi diżastru, se tkun tistaʼ tikkuntattja lil kull pubblikatur tal-grupp tiegħek u tara għandux bżonn l-għajnuna. Agħti l-informazzjoni lill-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani mill-ewwel, imbagħad hu jikkuntattja lill-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Meta dawn l-aħwa jaħdmu flimkien se jkunu t’għajnuna kbira. Wara dawk in-nirien, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet taʼ Margaret baqaʼ mqajjem 36 siegħa. Hu qagħad jorganizza x-xogħol tal-anzjani waqt li huma bdew jipprovaw jikkuntattjaw u jieħdu ħsieb lill-450 ħu u oħt li kellhom jitilqu mid-djar tagħhom. (2 Kor. 11:27) B’hekk, huma setgħu jgħinu u sabu post lil dawk kollha li kellhom bżonn fejn joqogħdu.

10. Għala hu importanti li l-anzjani jieħdu ħsieb lill-aħwa? (Ġwanni 21:15)

10 Parti mix-xogħol li jagħmlu l-anzjani hu li jipprovdu inkuraġġiment mill-Bibbja u għajnuna lil dawk li jkunu ansjużi. (1 Pt. 5:2) Meta jkun hemm diżastru, l-ewwel ħaġa li għandhom jagħmlu l-anzjani hi li jaraw li kull pubblikatur ikun safe, ikollu x’jiekol, x’jilbes, u post fejn joqgħod. Imma l-aħwa jibqaʼ jkollhom bżonn l-inkuraġġiment minn fuq il-Bibbja u għajnuna emozzjonali għal ħafna xhur. (Aqra Ġwanni 21:15.) Harold, li jaqdi f’Kumitat tal-Fergħa u li ltaqaʼ ma’ ħafna aħwa li esperjenzaw diżastru, jgħid, “Jieħu ż-żmien biex tibda tħossok aħjar. Forsi jibdew jerġgħu jgħixu ħajja normali, imma l-memorji taʼ xi ħadd li tilfu fil-mewt, l-affarijiet prezzjużi li tilfu, u s-sitwazzjoni perikoluża li kienu fiha jistgħu jibqgħu jaffettwawhom għal ħafna żmien. Dan jistaʼ jġibilhom ħafna wġigħ. Imma ma jfissirx li m’għandhomx fidi b’saħħitha. Huma affarijiet normali.”

11. Il-familji xi bżonnijiet jaf jibqaʼ jkollhom?

11 L-anzjani japplikaw il-parir “ibku ma’ min jibki.” (Rum. 12:15) Huma jridu jaċċertaw lil dawk li jkunu esperjenzaw xi diżastru li Ġeħova u l-aħwa jħobbuhom. L-anzjani jridu jgħinu lill-familji biex iżommu r-rutina spiritwali tagħhom bħat-talb, l-istudju, il-laqgħat, u l-ministeru. L-anzjani jistgħu jinkuraġġixxu lill-ġenituri biex jgħinu lit-tfal tagħhom jiffokaw fuq l-affarijiet li d-diżastri ma jistgħux jeqirdulna. Ġenituri, fakkru lit-tfal tagħkom li Ġeħova hu l-ħabib tagħhom u li dejjem se jkun hemm għalihom. U spjegawlhom li huma jagħmlu parti minn familja kbira t’aħwa madwar id-dinja li dejjem lesti biex jgħinuhom.—1 Pt. 2:17.

Tistaʼ tgħin bħala volontier meta jseħħ xi diżastru? (Ara paragrafu 12) e

12. Meta jiġri xi diżastru, oħrajn kif jistgħu jgħinu? (Ara l-istampa.)

12 Dak li jistgħu jagħmlu oħrajn. Jekk ikun hemm xi diżastru naturali viċin fejn tgħix inti, saqsi lill-anzjani kif tistaʼ tgħin. Forsi d-dar tistaʼ żżomm lil dawk li kellhom jitilqu mid-dar tagħhom jew lill-volontiera li jmorru jgħinu. Forsi tistaʼ tieħu l-ikel jew affarijiet oħrajn lill-aħwa li jkunu fil-bżonn. Jekk jiġri diżastru ’l bogħod minn fejn tgħix inti, xorta tistaʼ tgħin. Kif? Billi titlob għal dawk li ġew affettwati mid-diżastru. (2 Kor. 1:8-11) Int tistaʼ tgħin ukoll billi tagħti kontribuzzjoni għax-xogħol li jsir madwar id-dinja. (2 Kor. 8:2-5) Jekk tistaʼ tivvjaġġa f’post fejn ikun seħħ diżastru, għid lill-anzjani jgħidulek x’tistaʼ tagħmel. Jekk tiġi mitlub biex tgħin, x’aktarx se tirċievi trejning biex tgħin bl-aħjar mod.

GĦIN LILL-AĦWA JISSAPORTU L-PERSEKUZZJONI

13. L-aħwa li jgħixu f’pajjiżi fejn ix-xogħol tagħna ma jistax isir, xi problemi jiffaċċjaw?

13 F’pajjiżi fejn ix-xogħol tagħna ma jistax isir, il-persekuzzjoni tagħmel il-ħajja iktar diffiċli. Aħwa li jgħixu f’dawn il-pajjiżi wkoll jiffaċċjaw problemi taʼ flus, jimirdu, u jitilfu lil dawk li jħobbu fil-mewt. Imma minħabba li x-xogħol tagħna ma jkunx jistaʼ jsir fil-pajjiż, l-anzjani ma jkunux jistgħu jmorru jżuruhom jew jikkomunikaw magħhom bil-libertà biex jinkuraġġuhom. Andrei, li semmejna fl-artiklu taʼ qabel, hekk ġralu. Oħt li kienet fil-grupp tiegħu ma kienx qed ikollha biżżejjed flus. Imbagħad kellha inċident bil-karozza. Kellha bżonn tagħmel xi operazzjonijiet u ma setgħetx taħdem. Għalhekk, minkejja r-restrizzjonijiet tax-xogħol tagħna u l-pandemija, l-aħwa għamlu dak li setgħu biex jgħinuha. Ġeħova kien jaf x’kellha bżonn u pprovdielha l-aħwa.

14. L-anzjani kif jistgħu jkunu t’eżempju billi jistrieħu fuq Ġeħova?

14 Dak li jistgħu jagħmlu l-anzjani. Andrei talab u għamel dak li setaʼ. Ġeħova kif għenu? Ġeħova mmotiva lil xi aħwa li setgħu jagħmlu iktar biex jgħinu lill-oħt li ssemmiet fil-paragrafu ta’ qabel. Xi wħud ħaduha għall-appuntamenti li kellha u oħrajn tawha xi flus. Ġeħova mmotivahom biex jgħinuha u għamel ċert li permezz tal-aħwa, l-oħt ikollha l-affarijiet bżonjużi. (Ebr. 13:16) Anzjani, meta x-xogħol tagħna ma jkunx jistaʼ jsir, saqsu lil oħrajn għall-għajnuna. (Ġer. 36:5, 6) U l-iktar ħaġa importanti hi li tistrieħu fuq Ġeħova. Hu jistaʼ jgħinkom tieħdu ħsieb lill-aħwa.

15. Kif nistgħu nibqgħu magħqudin mal-aħwa meta nkunu persegwitati?

15 Dak li jistgħu jagħmlu oħrajn. Meta x-xogħol tagħna ma jkunx jistaʼ jsir, forsi jkollna niltaqgħu fi gruppi iżgħar. Għalhekk, huwa importanti iktar minn qatt qabel li jkun hemm il-paċi bejnietna. Tiġġilidx ma’ ħutek! Tħallix lil Satana jifirdek minn magħhom. Aħfer lil ħutek, jew irranġa n-nuqqasijiet taʼ bejnietkom malajr. (Prov. 19:11; Efes. 4:26) Kunu lesti li tgħinu lil xulxin. (Titu 3:14) L-għajnuna li l-aħwa taw lill-oħt li kienet fil-bżonn ħalliet effett tajjeb fuq l-aħwa tal-grupp tagħha. Huma saru close qishom familja.—Salm 133:1.

16. Skont Kolossin 4:3, 18, kif nistgħu ngħinu lill-aħwa li huma persegwitati?

16 Eluf t’aħwa jaqdu lil Ġeħova minkejja r-restrizzjonijiet li jkun hemm fil-pajjiż. Uħud minnhom qegħdin fil-ħabs minħabba l-fidi tagħhom. Aħna nistgħu nitolbu għalihom u għall-familji tagħhom. Nistgħu nitolbu wkoll għal dawk l-aħwa li b’kuraġġ jgħinu lill-aħwa li qegħdin fil-ħabs minkejja li jistgħu jiġu arrestati huma stess. Huma jinkuraġġixxu lill-aħwa li qegħdin fil-ħabs biex ikomplu jafdaw f’Ġeħova, jipprovdulhom l-affarijiet li jkollhom bżonn, u jiddefenduhom fil-qrati. c (Aqra Kolossin 4:3, 18.) Ftakar li t-talb tiegħek jistaʼ jgħin lil dawn l-aħwa kollha!—2 Tess. 3:1, 2; 1 Tim. 2:1, 2.

Kif tistaʼ tipprepara lill-familja tiegħek minn issa għall-persekuzzjoni? (Ara paragrafu 17)

17. Kif tistaʼ tipprepara minn issa għall-persekuzzjoni?

17 Int u l-familja tiegħek tistgħu tippreparaw minn issa għall-persekuzzjoni. (Atti 14:22) Tipprovax timmaġina l-affarijiet ħżiena kollha li jistgħu jiġru. Minflok, saħħaħ il-ħbiberija tiegħek ma’ Ġeħova u għin lit-tfal tiegħek biex jagħmlu l-istess. Jekk xi kultant tħossok ansjuż, iftaħ qalbek ma’ Ġeħova. (Salm 62:7, 8) Bħala familja, iddiskutu r-raġunijiet għala tistgħu tafdaw fih. d F’każ taʼ diżastru, il-preparazzjoni tiegħek u li tafda f’Ġeħova se jgħinu lit-tfal tiegħek ikunu kuraġġużi u jibqgħu kalmi.

18. X’se ngawdu fil-futur?

18 Il-paċi t’Alla tgħinna biex inħossuna protetti. (Flp. 4:6, 7) Permezz tal-paċi tiegħu, Ġeħova jgħinna nibqgħu kalmi minkejja xi pandemija, diżastru naturali, jew persekuzzjoni. Hu juża lill-anzjani li jaħdmu iebes biex jieħdu ħsiebna. U hu jagħti l-opportunità lil kull wieħed u waħda minna biex ngħinu lil xulxin. Matul dan iż-żmien taʼ paċi li għandna bħalissa, nistgħu nippreparaw għal provi akbar li se niffaċċjaw u anki għal matul iż-“żmien taʼ tbatija kbira,” jiġifieri t-tribulazzjoni l-kbira. (Mt. 24:21) Matul dak iż-żmien, aħna rridu nżommu l-paċi bejnietna u ngħinu lil oħrajn jagħmlu bħalna. Imbagħad wara mhux se jkollna problemi li se jagħmluna ansjużi. Fl-aħħar se jkollna dak li Ġeħova dejjem xtaq li jkollna, paċi vera li tibqaʼ għal dejjem.—Is. 26:3, 4.

GĦANJA 109 Ħobb mill-qalb bil-ħeġġa kollha

a Ġeħova spiss juża lill-qaddejja tiegħu biex jgħinu lil dawk li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. Hu jistaʼ juża lilek biex tinkuraġġixxi lill-aħwa. Ejja naraw x’nistgħu nagħmlu meta l-aħwa jkollhom bżonn l-għajnuna.

b Xi ismijiet ġew mibdulin.

c L-uffiċċju tal-fergħa jew il-kwartieri ġenerali ma jistgħux jibagħtu l-ittri li jirċievu mingħand l-aħwa lil dawk li qegħdin fil-ħabs.

d Ara l-artiklu “Ipprepara issa għall-persekuzzjoni” f’It-Torri tal-Għassa taʼ Lulju 2019.

e X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Koppja qed iġibu l-ikel lill-familja li qed jgħixu f’kamp wara li seħħ diżastru naturali.